Wenzu Mintoff | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann li kien hawn minn sejjaħlu ornamento bellismo jew il-mater caput tal-knejjes kollha f’Malta, huwa l-bini maestuż fejn l-Istat u l-Knisja f’Malta jiltaqgħu taħt l-istess saqaf.
Mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann bejn l-1573 u l-1577, jiġifieri terz biss tas-snin li ħadu biex jinbena l-isptar Mater Dei. L-Ordni tal-Kavallieri kien wieħed militari u monastiku, reliġjuż fl-istess ħin u barra minn hekk il-Kavallieri kienu wkoll il-Gvern ċivili ta’ dan il-pajjiż. Permezz ta’ dik li fil-Liġi internazzjonali tissejjaħ is-suċċessjoni bejn l-Istati li okkupaw u ħakmu lil Malta bħala tagħhom, eventwalment il-Konkatidral ta’ San Ġwann sar proprjetà tal-Istat Malti. Għalkemm jibqa’ l-isbaħ u l-iktar tempju sinjur tal-Knisja Kattolika f’Malta.
Mhux l-ewwel darba li din is-sitwazzjoni ambivalenti ta’ katidral tal-Knisja li mhux tal-Knisja ġabet magħha għerik u episodji kkuluriti fl-istorja mqallba ta’ dal-pajjiż. Kien hemm żmien fejn fil-ġnub tal-altar maġġur ta’ San Ġwann, għal tron wieħed kien hemm anki tnejn, wieħed għar-rappreżentant tar-Re jew ir-Reġina tal-Ingilterra, u l-ieħor faċċata tiegħu għall-Isqof.
Kien meta Malta saret Repubblika fl-1974 li t-Tron Irjali ġie żarmat u ħadlu postu t-Tron tal-Arċisqof. Imma l-aktar li kien tar xrar u nar kien fl-1956 meta l-Gvern tal-Perit Mintoff kien bagħat il-kwadri tal-Caravaggio, il-qtugħ tar-ras ta’ San Ġwann u s-San Ġilormu għar-restawr fl-Italja.
Meta dawn il-kwadri waslu lura Malta kienu ttieħdu l-Mużew Nazzjonali flok ma reġgħu sabu posthom fl-Oratorju tal-Konkatidral. Il-Gvern tal-Perit Mintoff kien ġab l-iskuża li fl-Oratorju ta’ San Ġwann kien hemm ħafna umdità li kienet qed tagħmel ħsara lill-kwadri. Kien sostna wkoll li bini u dak kollu ta’ ġo fih kien proprjetà tal-Istat Malti, tant hu hekk kien il-Gvern Malti li kien joħroġ il-flus għar-restawr u l-manteniment tal-bini.
Ladies Room
Kienet qamet kontroversja liema bħala, kważi kriżi nazzjonali minuri, hekk kien hemm minn sejħilha fuq it-Times of Malta tas-16 ta’ Marzu 1957. Kienu ħafna li għamluha ta’ esperti dwar l-umdità jew in-nuqqas tagħha fl-Oratorju, u Mabel Strickland kienet tat sehimha bl-argument li s-sala tal-Mużew Nazzjonali fejn ġew esebiti l-kwadri, li qabel kienet il-Ladies Room tal-Union Club, kienet magħrufa għal kemm kienet tinħakem l-umdità.
Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Caruana, li dak iż-żmien kien ukoll l-Editur tal-gazzetta Malta Tagħna kiteb artiklu fejn iddeskriva lill-Perit Mintoff bħala ‘ħalliel tal-knejjes’, u ma kinitx kelma għax kienu spiċċaw jitqanfdu f’xulxin fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Palazz. Insomma, minn twila sa qasira, din l-affari tal-Caravaggio ta’ San Ġwann kienet biss il-preludju għall-kwistjoni politiko-reliġjuża li nfexxet fil-qilla u l-kruha kollha tagħha ftit tas-snin wara.
F’kuntest ta’ żmien għal kollox differenti, anki l-kwistjoni li nqalgħet dan l-aħħar dwar il-proġett propost għall-bini ta’ estensjoni tal-Mużew ta’ San Ġwann fil-bitħa tal-istess Konkatidral għandha ramifikazzjonijiet politiċi li jmorru ħafna lil hinn mill-mertu ta’ dan il-proġett jew in-nuqqas tiegħu.
Illum il-ġurnata l-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Mużew eżistenti huma amministrati minn fondazzjoni mwaqqfa apposta b’rappreżentanza ugwali bejn il-Gvern u l-Kapitlu tal-Monsinjuri. Il-President ta’ din il-Fondazzjoni jinbidel kull sena: sena jkun min-naħa tal-Gvern u sena min-naħa tal-Knisja. Dan hu l-arranġament prattiku li ntlaħaq bejn Stat u Knisja li mingħajr ma jidħol fil-kwistjoni ta’ min legalment hu s-sid tal-post, biex dan il-maqdes jibqa’ jservi ż-żewġ għanijiet tiegħu bħala mater caput u wieħed mill-iprem siti kulturali li għandu dan il-pajjiż.
Eminenza Griża
Il-bużillis kollu li nqala’ dwar l-estensjoni tal-Mużew tal-Konkatidral jaf l-oriġini tiegħu għall-fatt li bħala wieħed mir-rappreżentanti tal-Gvern Malti fil-kunsill tal-Fondazzjoni ta’ San Ġwann hemm l-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Richard Cachia Caruana. Bħal donnu dan l-Eminenza Griża ma ngħatax x’jagħmel biżżejjed bħala Rappreżentant ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea, dieħel u ħiereġ minn laqgħa għal oħra, bilkemm jista’ jlaħħaq ma’ dawk il-kummissjonijiet, kunsilli, kumitati u sotto-kumitati kollha li għandha l-Unjoni Ewropea. Dan biex ma ninsiex insemmi wkoll il-laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri f’Malta, fejn l-Eċċellenza Tiegħu ngħata jew ta lilu nnifsu d-dritt jattendi.
Għalkemm mhu elett minn ħadd, RCC fil-Kabinett hu ferm aktar influwenti minn ħafna mill-Ministri li huma eletti mill-poplu jew ftit inqas minn nofsu biex inkun eżatt. Bi skeda mimlija daqs bajda bl-impenji kollha li għandu, is-Sur RCC xorta ra kif għamel biex ideffes rasu fil-Fondazzjoni ta’ San Ġwann u għal xi raġuni jew oħra, kien interessat li jżomm postu hemmhekk.
Fost il-preġji kbar li hu mżejjen bihom, ikolli ngħid li l-Eminenza Griża għandu d-don divin tal-bilokuzzjoni, li jkun f’aktar minn post wieħed fl-istess ħin. Tant hu hekk hu rappreżentant tal-Gvern fil-Fondazzjoni ta’ San Ġwann li faqqset proġett ta’ €16-il miljun għall-estensjoni tal-Mużew u hu r-Rappreżentant tal-Gvern Malti mal-Unjoni Ewropea minn fejn imbotta biex jinġibu l-fondi għal dan il-proġett. Proġett li hu dubjuż mhux biss f’dik li hija regolarità tal-proċess tal-applikazzjoni, imma anki mill-aspett ta’ ħarsien tal-wirt kulturali.
Għax hemm minn qed isostni li l-estensjoni tal-Mużew tista’ tipperikola l-istabbiltà tas-sisien tal-Konkatidral. Imma fuq kollox, dan hu proġett estravaganti u kapriċċuż għax in-nefqa ċertament mhix waħda żgħira.
Gvern f’sensih u li jaf x’qed jagħmel kien jordna b’mod differenti l-prijoritajiet tiegħu f’dak li hu nfieq ta’ somom kbar ta’ flus bħal dawn fiż-żminijiet diffiċli li għaddej minnhom il-pajjiż.
Imma dan l-eminenza griża mdorri li tgħaddi tiegħu u erħilu jagħmel il-kapriċċi bi flus il-poplu. Din sieħeb l-istravaganza ta’ aktar minn €20 miljun meta nxtrat Dar Malta fil-qalba ta’ Brussell, binja ta’ uffiċini ta’ 13-il sular, esagerazzjoni bħala daqs u proporzjon meta tikkunsidra l-ħtiġiet li għandu pajjiżna f’li hija ħidma ta’ rappreżentanza diplomatika fi Brussell.
Parti minn din il-binja suppost li kellha tinkera għal skopijiet kummerċjali u mid-dħul tal-kirjiet tinfeda parti mill-ispiża kapitali li saret. Imma sal-lum l-ispazju li kellu jinkera għal skop kummerċjali għadu vojt u qed jintuża minflok biex jinħadmu fih il-kummiedji ta’ Eileen Montesin.
Il-kontroversja dwar il-proġett ta’ estensjoni tal-Mużew tal-Konkatidral tmur lil hinn sew mill-mertu tekniku tal-proġett innifsu.
Huwa fuq kollox case-study ieħor dwar sistemi formali u nformali tat-tmexxija li għandu dan il-pajjiż, fejn il-poplu jiġi mġiegħel jagħmel is-sagrifiċċji u min jaħkem bil-voti jew mingħajrhom, jagħtiha għall-ħela u għal dawn it-tipi ta’ kapriċċi.
Pereżempju interessanti wieħed ikun jaf x’alternattivi oħra ġew esplorati għall-estensjoni tal-Mużew minflok il-bini propost fil-bitħa tal-Konkatidral.
Fil-blokka tal-bini li jifforma parti minnu l-Konkatidral ta’ San Ġwann insibu fergħa ta’ bank, diversi ħwienet tal-kafè, tad-deheb, tal-malji, tangas u bras, souveniers u x’naf jien, li bis-saħħa tal-liġijiet tal-pajjiż tista’ tintemm il-kirja tagħhom jew jiġu esproprjati għal skop pubbliku. |
|
Editorijal


Wenzu Mintoff

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef
Il-Punt - Gaby Calleja
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format
Email:
illum@mediatoday.com.mt

Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu

Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF




|