MediaToday

Toni U Peppi | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118

L-edukazzjoni: ilbieraħ, illum u għada

TONI

F’kull ma nagħmlu rridu nesperimentaw. Għamilna hekk fis-sistemi ta’ taxxi. Għamilna hekk fis-saħħa u fil-Qrati u ilna nagħmlu hekk fl-edukazzjoni. Nibdlu kull darba mhux għax ikun wasal iż-żmien tal-biddla iżda għax kull darba nintebhu li żbaljajna.
Issa qegħdin jidhru d-difetti aktar minn qatt qabel. Għajjejt nisma’ stqarrija wara stqarrija tal-MUT li l-iskejjel tagħna sejrin lura u ħafna studenti qegħdin isibu rwieħhom inwarrba mis-sistema edukattiva tagħna.
L-ewwel kellna s-sistema komprensiva fejn fi klassi kellek taħlita ta’ tfal b’intelliġenza varja. Wara ġiet dik tal-istreaming fejn min kellu l-ħila jimxi sab il-klima adatta waqt li dawk li kienu jaqgħu lura baqgħu jaqgħu lura. Iżda ċ-ċifri llum qegħdin jitkellmu b’mod ċar. F’ċerti bnadi ta’ Malta sebgħa minn kull 10 studenti jgħaddu mill-eżami tal-entrance. F’oħrajn ir-rata hi ta’ sebgħa minn għaxra jeħlu u x’aktarx li f’dinja li aktar ma tmur aktar issir kompettitiva dawn ikunu destinati li għall-bqija ta’ ħajjithom ikollhom jagħmlu xogħol li jkompli jgħarraq il-qagħda soċjali tagħhom.
Ħamsin fil-mija tal-istudenti li jattendu skola primarja ma jgħaddux għall-Junior Lyceum. F’daqqa waħda l-Ministru ntebħet li jeħtieġ issir xi ħaġa malajr għaliex ħafna tfal fil-Primarja m’humiex jakkwistaw l-għarfien bażiku biex ikunu jistgħu javvanzaw aktar fl-istudji tagħhom.
Kien skandlu daqs, jekk mhux aktar minn dak tal-Mistra, il-fatt li minn 198 student tal-Primarja fl-iskola ta’ Bormla ma jgħaddix imqar student wieħed mill-eżami tal-entarnce. Meta smajt din l-aħbar, tkexkixt. Iżda tkexkixt aktar meta ftakart li tant naffret voti l-proposta tar-reception class u issa qisu ma ġara xejn. Is-soluzzjoni malajr sibniha: nerġgħu nibdew nistudjaw x’għandu jsir. Il-Gvern iġib ruħu qisu għadu fl-ewwel sena tal-ewwel legiżlatura tiegħu. Kulħadd jinsa li dan kollu qiegħed jiġri taħt Gvern li issa kważi ilu fil-poter għal 22 sena.
Għoxrin fil-mija taż-żgħażagħ li jispiċċaw minn skola sekondarja ma jgħaddux mill-eżami tas-SEC. B’hekk nispiċċaw b’ħafna żgħażagħ li meta jtemmu l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa biex ikomplu edukazzjoni post-sekondarja jew wara li jagħlqu t-18-il sena.
Qegħdin naqgħu lura fil-miri li għandhom jagħmlu minn pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam edukattiv. Għalkemm minn xi sentejn ’il hawn is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit xorta għadna mili ’l bogħod mill-miri tat-Trattat ta’ Lisbona. Skont informazzjoni li toħroġ mill-Eurostat, il-Maltin l-anqas poplu li huwa nfurmat u li jaqra u ninsabu fuq quddiem nett, qabel kulħadd, bin-numru ta’ nies illitterati. Poplu li ma jinfurmax ruħu tajjeb huwa faċilment manipulat. Għalhekk jidher ċar li f’pajjiżna hawn segregazzjoni soċjali kbira, li għalkemm ma tinħassx, qegħdha hemm u li ma kienx għall-fatt li jishru fuqna l-Istituzzjonijiet Ewropej lanqas inkunu nafu bil-kwadru kollu. Għalkemm irridu ngħidu wkoll li mir-rapport tas-sena li għaddiet tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għolja ħarġu ċifri ta’ twerwir.
Kien dan ir-rapport li xpruna lil Ministru Cristina biex tħejji liġi ġdida dwar l-edukazzjoni. Toħroġ ċara din is-segregazzjoni meta nsiru nafu li 23 fil-mija taż-żgħażagħ li għandhom 18-il sena li jiksbu ċertifikat tal-Matrikola biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudju fl-Università, jiġifieri s-77 fil-mija l-oħra, ma jistgħux. Dan iwassal għall-mistoqsija ta’ x’qiegħed jiġri minn dak ir-reġiment ta’ żgħażagħ li ma jidħlux l-Università jew jieqfu sa edukazzjoni sekondarja.
Sal-lum għad m’għandniex studju soċjoloġiku dwar dan ħlief li numru minnhom jiġu assorbiti f’dinja ta’ xogħol fejn il-kompetizzjoni toħnoq u tisfrutta lil min l-anqas ikolli kwalifiki akkademiċi. Għalhekk qegħdin naraw differenzi soċjali kbar. Fis-sistema edukattiva nnifisha bejn dawk li huma intellettwalment tajbin u oħrajn li għandhom bżonn l-apoġġ iżda ma humiex isibuh.
Bejn irqajja’ ġeografiċi ċari fejn għandek rata ta’ success lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta u r-rati ta’ fallimenti fin-naħa ta’ isfel. Bejn dawk li jkomplu jistudjaw u jakkwistaw ħiliet għal bqija ta’ ħajjithom u dawk li bħal donnhom jeħlu fit-tajn tal-ħajja.
Iżda agħar minn hekk, bejn dawk li għax għandhom il-mezzi finanzjarji adegwati jkollhom edukazzjoni aktar iffokata u sofistikata u dawk li ma għandhomx l-aċċess għal din l-edukazzjoni. Jiġifieri distinzjoni netta bejn skejjel privati u dawk tal-Gvern meta nemmen li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu fost l-aħjar kif darba kienu.
F’pajjiżi bħal Ġermanja li jkollok ħamsa fil-mija tat-tfal jattendu skola privata huwa allarm, fis-sens li dik pubblika trid titjieb. F’Malta t-tfal li jattendu skola privata huma 27 fil-mija tal-istudenti kollha f’pajjiżna. F’għajnejn Ġermaniz din hija sitwazzjoni katastrofika, f’għajnejna qisu ma ġara xejn.
Hawn ġenituri jagħmlu s-sagrifiċċji kollha possibbli biex jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola privata għaliex dawk tal-Gvern jaqtgħulhom qalbhom. Dan ukoll qiegħed joħloq segregazzjoni soċjali fejn min għandu jidher li qiegħed jieħu l-aħjar edukazzjoni mentri oħrajn iridu jiddubbaw b’dak li joħroġ l-Istat.
L-edukazzjoni tal-Gvern m’għandhiex tkun minimali iżda għandha tkun l-aħjar. L-edukazzjoni mhix bott piżelli li ssib fuq xkaffa ta’ supermarket, jekk għandek ixtrih. L-edukazzjoni għandha tkun universalment aċċessibbli għal kulhadd mingħajr ħlas u distinzioni ta’ stat soċjali. Bħalissa xejn min dan mhu qed jiġri.
(idhol:www.toniabela.blogspot.com)

PEPPI

Meta tħabbret ir-riforma kont impressjonat bl-entużjażmu kemm tal-Ministru Cristina u kemm tad-diretturi u l-prinċipali tal-Edukazzjoni.
Anke meta ltqajt magħhom individwalent sibt li kollha kienu jemmnu tassew fil-bidla radikali li qed jipproponu għas-sistema edukattiva. Tkellmu miegħi dwar l-istudji u r-riċerka li saret mhux biss bħala eżerċizzju akkademiku iżda kif din se taffettwa l-istudenti bħala persuni.
Dolores Cristina u ta’ madwarha jitilqu minn punt importanti. Ma jistax jibqa’ jkollna sistema waħda ta’ kif ngħallmu u nibqgħu nippretendu li t-tfal jaddattaw għaliha. Huwa l-mod kif ngħallmu li jrid ikun addattat għat-tfal u għax it-tfal għandhom ħiliet u talenti differenti għadna nitilqu minnhom biex it-tfal jimirħu u jieħdu GOST.
Jiena nitkellem ma’ ħafna tfal. Il-maġġoranza assoluta tagħhom jew jiddejqu ħafna l-iskola jew imorru passivi sakemm tgħaddi l-ġurnata. Jekk tagħtihom għażla l-maġġoranza tat-tfal li nitkellem magħhom ma jmorrux skola. Iktar ma jgħaddi żmien iktar tfal qed jiddejqu u ma jifilħux jissaportu sitt sigħat oħra bilqegħda. Xi ħadd bir-raġun jista’ jistaqsi: ‘Imma aħna ma konniex imorru l-iskola u ma konniex niddejqu. Allura għala uliedna qed jiddejqu daqshekk?” Mistoqsija li fiha nfisha tkompli tikkonferma kemm l-istudenti għandhom raġun jiddejqu jew ma jiħdux gost.
Fi żmien li kont żgħir ma kienx hemm differenza bejn id-dinja tiegħi u d-dinja tal-għalliema li kienu jgħallmuni. Id-differenza forsi kienet ta’ l-età jew ta’ mentalità li f ċertu sens kienet tipprovokani biex niddiskutu u nipprova nipprotesta. Illum id-differenza mhix fl-età jew mentalità imma fil-lingwa nfisha.
Biex niftiehmu mill-ewwel. Ħafna għalliema qishom qed jgħallmu l-matematika jew l-Ingliż biċ-Ċiniż. Il-qabża li suppost se tagħmel is-sistema edukattiva, it-tfal tagħna diġà għamluha. Hija qabża teknoloġika. Il-lingwa li biha jitkellmu nbidlet.
Il-mod kif jikkomunikaw ma baqgħetx tintgħaraf. Ħalli issa nirrakkuntalkom storja żgħira.
Kont f’nofs grupp tat-tfal. Kont qed nitkellem ma’ wieħed minnhom iżda stajt nisma’ lill-oħrajn jitkellmu bejniethom. Ħa nipprova nirrakkonta x’qalu bejniethom.
“Illejla ġej int?”
“Iwa, naħseb nidħol…”
“Jiena u Andreas se nkunu team…”
“Andreas il-Ġermaniż…?”
“Dak, iva….”
“L-aħħar li mort miegħu kważi irbaħna…. ġrejna xi ħaġa u darba minnhom konna fil-periklu li naqgħu…”
“Jiena kont waqajt ... naf x’jiġifieri…x’ħin se nibdew?”
“Fid-9.00 … kunu fil-ħin ta’ … mhux se nistennew!”
“L-aħħar darba domna sa xi nofs il-lejl.”
“Illejla niġi mela jiena…..”
Dħalt f’nofshom u bdejt nitkellem magħhom u nipprova niskopri fejn kienu sejrin grupp tat-tfal ta’ 11-il sena fid-9.00 p.m. sa nofs il-lejl.
Kien jidher post perikluż tant li xi ħadd minnhom kien waqa’. Kont diġà se nibda nistaqsi: “Imma dawn il-ġenituri tagħhom kif iħalluħom imorru waħedhom? Fid-9.00 ta’ bil-lejl!” Mnalla ma tkellimtx kmieni għax kont naqa’ għaċ-ċajt. Dawn it-tfal kienu qed jiftiehmu biex jiltaqgħu fuq l-internet f’logħba li fiha jiltaqgħu tfal mill-Marokk, Ġermanja, Franza, Brażil, l-Istati Uniti, Indja u Malta.
U issa dawn l-istess tfal, wara l-weekend, kienu sejrin l-iskola u s-sistema edukattiva tippretendihom bilqegħda jisimgħu u jieħdu gost.
Jekk mhux se nidħlu fid-dinja tagħhom, jekk mhux se nifhmu li d-dinja anke tagħhom hija differenti, mhux biss minn tagħna, iżda anke differenti minn student għall- ieħor jew oħra, se jibqa’ jkollna tfal li jfallu. U se jiżdiedu.
Meta t-tfal jibdew jieħdu gost kulħadd jibda jiġi l-ewwel.
NOTA: Meta tħabbar li se jitneħħa l-eżami tal Junior Lyceum wieħed mill-Prinċipali li għandi ammirazzjoni kbira lejh qal li xtaq jiskuża ruħu mat-tfal li kellhom matul is-snin jgħaddu mill-eżami tal-Junior Lyċeum għax dan kien abbuż. Abbuż fuq it-tfal. Kellu kuraġġ jiskuża ruħu.
Issa l-Eżami tal-Junior se jitneħħa sentejn oħra. Jiġiferi t-tfal tagħna se jibqgħu abbużati għas-sentejn li ġejjin. Ħafna ġenituri qed jinsistu li tal-anqas jitneħħew ir-Reliġjon u l-Istudju Soċjali. Jidher li l-Ministeru qed jikkunsidra li jagħmel dan. Jekk se jagħmilha għandu jħabbarha issa għax it-tfal issa stressjati jistudjaw bl-amment l-ismijiet tal-qaddisin jew id-dati tal-granmastri.
Jekk wara li jkunu studjaw, xi ġimgħa qabel, jitħabbar li se jitneħħew, allura aħjar ma jitneħħew xejn.
Għax it-tfal bir-raġun aktar jinħarqu.

Intervista
Mill-iżbarra għal Kordin
Julia Farrugia tintervista lil Natal Bonello




Wenzu Mintoff
Mater caput



Toni u Peppi
L-edukazzjoni: ilbieraħ, illum u għada



Carmelo Mifsud Bonnici
Tajjeb li nibqgħu niftakru



Joe Ellis
Il-bini monumentali jeħtieġ il-ħsieb u l-kalma



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Gaby Calleja
Il-Knisja u lilhinn minna


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan