Sports | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118
Mark Attard
L-aħbar li ‘il-Bonu’ se jerġa’ jibda tatni pjaċir enormi. Mhux għax qatt kont xi fanatiku tal-klabbs li kien jilgħab magħom. Iżda f’dawn it-30 xahar li ilu wieqaf u ħareġ kompletament mix-xena tal-futbol Malti tlift kuntatt ma’ kollega uniku biex taħdem miegħu.
Darren Debono kien wieħed li jirrispetta mmens il-media. Anki jekk fl-aqwa tiegħu kienet tkun rarità li Valletta jitilfu, ġurnalist kien iħossu ferm komdu li jmur fuqu u jitolbu kumment. Ma kienx jaf għid le, kemm fil-mumenti sbieħ u anki f’dawk koroh.
Għalhekk kien ta’ pjaċir immens għalija li hekk kif ħarġet l-aħbar li ffirma ma’ San Ġwann ħtaft ix-xoqqa f’moxtha u ċempiltlu għal din l-intervista. Kont aktar minn ċert li se jaċċetta!
Darren jgħidli biex niltaqa’ miegħu t-Tlieta wara nofsinhar f’daru f’San Ġwann stess. Jgħidli li għall-perjodu f’ħajtu kellu jagħżel bejn il-familja u l-futbol. Konxju li f’Malta diffiċli biex wieħed jibni pediment sod mill-isport, jien ngħid li għamel l-aħjar għażla li rtira għal xi ftit żmien.
“Illum il-ġurnata għandi mara u erbat itfal. Daqsxejn differenti minn żmien ilu qabel ma ddeċidejt li nieqaf mill-futbol. Minbarra l-familja kelli bżonn nieħu ħsieb aktar tal-familja sakemm irranġajt il-post. Illum jien u l-kollegi għandna kumpanija tal-ħut b’erba’ bastimenti tas-sajd li fihom daqsxejn ta’ uġigħ ta’ ras mhux ħażin.
“Niftakar li kont bdejt ta’ età żgħira mas-Sliema mbagħad ġietni l-opportunità mmur mal-Belt. Niftakar li kien rani nilgħab Joe Caruana Curran. Kont mort b’self għal staġun u tant kemm mort tajjeb li żammewni għal kollox. It-tfal kienu żgħar wisq u ma jiftakrunix ma’ Valletta u forsi dak huwa l-ikbar dispjaċir li għandi.”
Darren kien inbiegħ minn ma’ Sliema Wanderers għal ma’ Valletta għal ċifra meqjusa rekord għal dak iż-żmien ta’ Lm16,000, jew ftit aktar minn €37,000. Ma jaħbix il-fatt u jgħidli li l-ewwel xewqa tiegħu kienet li jerġa’ jmur mal-Belt iżda kien jaf li biex tilgħab maċ-champions ta’ Malta trid aktar impenn u sagrifiċċju milli biex tilgħab ma’ klabb fl-Ewwel Diviżjoni.
“Lit-tfal ridt nerġa’ nurihom li d-daddy għadu hemm. L-ewwel xewqa tiegħi kienet li nerġa’ mmur mal-Belt. Il-problema kienet li trid ħafna aktar impenn u taħriġ u jien ħaġa jew nagħmilha sew jew ma nagħmel xejn. Għal bidu ħassejt li la għadhom jilagħbu Jeffrey u Gilbert nista’ nilgħab jien għax aħna kollha tal-istess età.”
Darren Debono hu Slimiż imwieled fid-9 ta’ Jannar 1974. Id-destin ta’ Darren fil-futbol daħaklu wkoll meta laqqgħu ma’ Odette, mara mill-Belt Valletta li huwa żżewweġ u kellu erbat itfal; Darrell ta’ 9 snin, Dejan ta’ 8 snin u tewmin ta’ 3 snin, Andrea u Martina.
“L-isbaħ żmien għalija kien meta ħadna l-ħames tazzi. Kien iż-żmien li ltqajt ma’ Odette. L-ewwel darba li rajt lill-mara kien fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ħames Tazzi meta lgħabna l-aħħar logħba ma’ Rabat Ajax. Kif rajtha ma kellix moħħ il-logħba. Niftakar li staqsejt lil Alfred Zammit li kien qed imexxi l-festa qabel ma bdiet il-logħba. Minn hemm għamilt minn kollox biex nakkwistaha. Għamilt logħba sħiħa nara fejn kienet. Irbaħna 2-1 iżda għamilt logħba sħiħa nistaqsi lil Jeffrey Chetcuti jekk hux qed jaraha mill-grawnd. L-ieħor jgħidli, “Moħħok hemm” u jien moħħni biex inħares lejn in-nies.”
Darren iqis iż-żmien ta’ meta rebħu s-sitt tazzi bħala l-aqwa wieħed fl-istorja ta’ Valletta u tiegħu personali bħala plejer tal-futbol. Jgħidli li jħossu fortunat li l-futbol laqqgħu ma’ persuna bħal Joe Caruana Currana.
“Meta rbaħna s-sitt tazzi jibqa’ l-isbaħ żmien għal kulħadd. Ma’ Edward Aquilina konna niftiehmu daqslikieku missierna. Hu, flimkien mal-Kumitat ta’ Valletta ta’ dak iż-żmien kienu nies ta’ veru għalina.
“Però nemmen li bħas-Sur Joe la hawn u lanqas jerġa’ jkun hawn. Kellu karattru uniku kif kien iżomm il-plejers qisna familja waħda. Kien stmat minn kulħadd u b’rapport eċċellenti mal-ġurnalisti kollha. Forsi wieħed li kien viċin tiegħu kien Robert Arrigo. Għadni sal-lum ma nistax nemmen kif fl-aħħar elezzjoni ġab dawk il-voti kollha u tela’ minn żewġ distretti u ma sarx Ministru. It-tnejn kienu simili ħafna. Għandhom stil uniku. Però bħas-Sur Joe ma jkunx hawn. Naħseb li l-futbol Malti tilef ħafna mingħajr is-Sur Joe.”
Ikellimni fuq il-mument meta kien ġie fuqu l-waqt li jiċċaqlaq minn mal-Belt għal mas-Sliema. Jgħidli li ma kienx gost u pjaċir tiegħu li għamel dan il-pass.
“Mort mas-Sliema għax il-Belt kellhom problema finanzjarja. Il-klabb ma felaħx iżomm aktar il-pagi tal-plejers li kien hemm. Jien kelli nieħu xi Lm23,000 u bdejna naraw kif se nsibu mezz biex nitħallas tant fix-xahar. Kif kien hemm dak l-interess mis-Sliema rranġajt li jagħtuni r-release u naħfrilhom dik is-somma tal-flus. U hekk kien! Irranġajt mas-Sliema u tawhomli fuq tul taż-żmien.
“Minn mal-Belt tlaqt on good terms. Hekk xtaqt u rnexxieli. Dak iż-żmien ma kienx hemm is-salvatur tal-lum. Kieku Victor Sciriha ġie mal-Belt qabel ibqa’ ċert li qatt ma kont niċċaqlaq minn ma’ Valletta. Ma kellix għalfejn niċċaqlaq. L-atmosfera kienet lussu.
“Mas-Sliema kien żmien sabiħ ukoll. Konna grupp ta’ plejers mill-aqwa. Sibt President umli li llum sirna ħbieb personali u anki għeni ħafna fix-xogħol personali tiegħi. Konna xi sitta jew seba’ plejers tal-Belt li morna miegħu. Reġa’ kien hemm Edward Aquilina kowċ li flimkien ma’ Hugh Caruana ħolqu l-aqwa tim tal-pajjiż. Huwa żmien li nibqa’ nimmissjah.”
Mal-eks difensur ta’ Valletta u Sliema Wanderers nitkellem ukoll fuq iż-żmien sabiħ li kellu mat-tim nazzjonali. Darren jgħidli li huwa dejjem ta’ unur li tirrappreżenta lil pajjiżek f’kull sport.
“Kien Pietro Ghedin li għajjatli għall-ewwel darba. Konna jien, Jeffrey u Gilbert. Konna grupp ta’ plejers li dejjem ħadna pjaċir flimkien. Konna mmorru tajjeb ma’ kulħadd. Kien hemm ħafna logħbiet sbieħ. Forsi jien u kulmin ikun difensur tan-nazzjonal kapaċi jidher iżjed minn ħaddieħor għax l-avversarji dejjem ġejjin fuqna.
“Nibqa’ niftakar l-aktar il-logħba tal-Ġermanja, tal-Inter, tal-Kroazja u ta’ Franza. Kien hemm ħafna attakkanti tajbin iżda nemmen li Thierry Henry kien l-aqwa wieħed li qatt żammejt. Żammejtu f’Malta iżda f’Lens fi Franza Sigi Held kien ħallini riserva għax impika miegħi għax kelli bżonn insiefer fuq xogħol tal-ħut f’dawk il-jiem ta’ qabel il-partita. Kien qalahieli l-Ministru tas-Sajd.
“Wara l-logħba bqajt nitkellem ma’ Henry. Staqsieni kif ma lgħabtx u għidtlu x’kienet il-problema. Thierry Henry fehemni. Għandi ż-żewġ flokkijiet tiegħu. Meta staqsieni x’nitħallsu hawn Malta daħak. Issa jien kont fost l-iktar wieħed imħallas fil-futbol Malti. Jiddispjaċini li bqajt ma żammejtx kuntatt miegħu.”
‘Il-Bonu’ jibqa’ magħruf għad-daqqa ta’ minkeb li kien qala’ fuq imnieħru mingħand David Beckham f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ingilterra f’Ta’ Qali. Jgħidli li anki jekk dakinhar kien farġu l-affarijiet ta’ bejniethom tranġaw mill-ewwel tant li l-flokk li lagħab bih dakinhar l-istilla ta’ Milan kien parrtu proprju ma’ dak ta’ Darren. Ikompli fuq it-tim nazzjonali…
“Naħseb li tar-Repubblika Ċeka u d-Danimarka barra minn Malta kienu l-isbaħ żewġ logħbiet li niftakar. Skurjana fit-tnejn li huma. Jiddispjaċini li waqaft ta’ età żgħira minn mat-tim nazzjonali minħabba x-xogħol. Il-verità hi li f’Malta m’hawnx futur. Il-futur fil-futbol ma setax jagħtini iżjed milli tagħni.
“Bla dubju huwa ta’ unur li ngħid li darba kelli lil Pietro Ghedin l-kowċ tiegħi. Bħal Ghedin ma jkunx hawn. L-iskola Taljana l-aqwa waħda. Tattikament eċċellenti. Sa qabel ma ġie Ghedin anqas konna nafu x’inhu dak li t-Taljani jsejħulu l-anticipo, li tinqala’ għall-ballun qabel il-plejer. Wara Malta kulħadd jaf li Ghedin spiċċa l-assistent ta’ Trappatoni.
“Fi żmieni kien hemm ukoll plejers li kellhom livelli enormi. Fosthom Chucks Nwoko, Michael Mifsud u Gilbert Agius. Nemmen li Daniel Bogdanovic kellu klassi enormi wkoll. Personalment dejjem kont dak it-tip ta’ difensur li ma jdejjaqni ħadd. Jien b’hekk togħġobni l-mentalità tal-Belt għax nilagħbu ma’ min nilagħbu ma konna niddejqu minn ħadd.”
Partita li jien u ħafna aktar jibqgħu hija dik ta’ kontra l-Lebanon. Dak inhar it-tim nazzjonali lagħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra dan il-pajjiż. Il-partita fil-Lebanon kienet spiċċat 0-0 u dik f’Malta spiċċat f’farsa sħiħa bil-partita titħassar fit-80 minuta fuq ġlied kbir bejn iż-żewġ naħat. Bqajt niftakar kemm ġera Darren Debono wara plejer minn tagħhom u kif ħin minnhom tilef il-bilanċ u spiċċa ċatt mal-art. Meta nfakkarlu din il-logħba jitbissem.
“Kont qlajt daqqa ta’ bott ġo widnejja dak inhar. Tgħidx kemm ġrejt warajh. Dak inhar kontra l-Lebanon kien qala’ daqqa ta’ ponn tajba għal xejn b’xejn minn wara Antoine Zahra. Kif rajt hekk tlaqt niġri lejhom biex nifridhom. Minn fuq qalli “f… off”. Ir-referee tilef il-kontroll. Jien dħalt fiha għax rajt wieħed jiġġieled ma’ Jeffrey. Tlaqt niġri wara l-ieħor u kif ġejna mat-touchline żlaqt u ġejt widnejja mal-bott tal-ilma. Qed insemmihielek ukoll għadni nħoss l-uġigħ f’widnejja s’issa.”
Nitkellmu wkoll fuq l-esperjenza l-ġdida li se jerġa’ jibda ma’ San Ġwann. Jgħidli x’ħajru jingħaqad ma’ dan il-klabb.
“Li ħajjarni mmur ma’ San Gwann huwa l-kowċ. Joe Brincat huwa bniedem serju u wieħed mill-aqwa plejers li qatt kien hawn Malta. Kieku kellu jitħarreġ jista’ jilgħab faċilment fl-Ewwel Diviżjoni. Bħala kowċ naħseb li jaf il-logħba u minkejja li għadu jibda għandu esperjenza kbira tal-futbol. San Gwann hawn atmosfera ħelwa. Iddeċidejt li huwa l-aqwa klabb għalija.
“Qiegħed fi skwadra tajba fejn hemm plejers b’potenzjal tajjeb ħafna, fosthom Antoine Zahra li konna fit-tim nazzjonali flimkien, Mario Caruana li kien ma’ Floriana u Lee Cumbo li konna flimkien fl-iskwadra tal-Belt meta rbaħna s-sitt tazzi.”
Wara karriera tant twila bi snin sħaħ ta’ futbol Darren jgħidli li ma jiddispjaċih xejn li kien u għadu plejer tal-futbol anki għax dejjem sab l-appoġġ mixtieq minn dawk li għal snin twal kienu dejjem viċin tiegħu.
“Ma jiddispjaċini xejn. Anzi nirringrazzja lill-Alla u lill-familja li dejjem sibthom ta’ għajnuna kbira. Oħti Antoinette. li llum mejta, kienet tappoġġani ħafna. Ommi, missieri u l-kunjata kienu u għadhom warajja sal-lum. Illum jaqbadni d-daħk meta jistaqsuni kif għandi l-kuraġġ li nerġa’ nilgħab.”
Darren jagħmel l-aħħar ringrazzjamenti tiegħu qabel ma nikkonkludu din l-intervista.
“L-aktar persuna li għenitni f’ħajti kienet marti Odette li flimkien ma’ ħuha Dimer dejjem kienu ta’ appoġġ kbir kemm fil-futbol kif ukoll fin-negozju. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Melania u lil Floren li jaħdmu fl-uffiċju tiegħi u lill-ħaddiema tagħna kollha.
“Mid-dinja tal-futbol ma nistax ninsa lil Edward Aquilina li hu l-iktar kowċ lokali li tgħallimt mingħandu. Ma nistax ninsa anqas lil Robert Gatt, lil Ray Vella ‘il-Mundu’, lill-Busby, lill-Wowi u lil Toni tal-Belt.” |
|
Editorijal


Wenzu Mintoff

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef
Il-Punt - Gaby Calleja
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format
Email:
illum@mediatoday.com.mt

Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu

Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF




|