MediaToday

Emmanuel Micallef | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118

Sfida fuq oħra

Ħarġu l-figuri uffiċjali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dak li kien qed jimmira għalih il-Gvern ma ntlaħaqx. Id-defiċit tal-pajjiż jiżdied bi €123 miljun għall-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet.
Bit-turizmu jieħu spinta ’l quddiem fl-ewwel 9 xhur tas-sena l-oħra imbagħad jieħu daqqa ’l isfel fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. Huwa previst li din ix-xejra ’l isfel tkompli matul din is-sena. Barra minnhekk ħafna huma dawk il-ħaddiema li jaħdmu fil-fabbriki tal-manifattura li għaddejjin minn żminijiet ta’ qtigħ il-qalb għax diġà bdew jaħdmu b’ġimgħa mnaqqsa jew inkella qed jistennew li jirċievu l-ittra tas-sensja.
Matul il-ġimgħa li għaddiet smajna bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu minn kumpaniji li sa ftit ilu kienu meqjusin fost l-iktar b’saħħithom bħalma huma t-Telleborg u ST Microelectronics. Minkejja din il-qagħda li diġà qed turi kif aħna m’aħniex eċċezzjoni għall-impatt tar-riċessjoni internazzjonali kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi qegħdin iqawwulna qalbna biex ma narawx kollox iswed għaliex “il-finanzi fis-sod” u tkabbir ekonomiku li rreġistrajna fil-passat se jagħmlu tajjeb għad-daqqiet li qegħdin u se naqilgħu.
Kemm il-poplu se jemmen dan hija kwistjoni oħra. Anqas l-Unjoni Ewropea ma wriet l-ottimizmu li qed ipinġi l-Gvern u fil-fatt tat il-proġettazzjonijiet tagħha għal din is-sena li huwa differenti minn dak li ħejja l-Ministeru tal-Finanzi. Madankollu rridu wkoll inżommu f’moħħna l-għafsa li qed inħossu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Minn dak li ntqal s’issa, speċjalment bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li issa dawn il-kontijiet se jiġu riveduti ’l isfel, urejna kemm din il-kwistjoni qbadniha minn denbha. Kienet żejda fiċ-ċirkostanzi ta’ llum u stajna evitajniha. Issa rridu noħorgu minnha mill-iktar fis.
Ma nifhimx jien kif pajjiżi iktar b’saħħithom minna qed joħorġu l-miljuni tal-ewros u d-dollari biex jistimulaw l-ekonomiji tagħhom u aħna qed nagħmlu ftit li xejn. Mhux biss inraħħsu t-tariffi jmissna, imma wasal iż-żmien li nirrevedu wkoll ir-rata tat-taxxa tal-VAT.
Pajjiżna għax zgħir veru li ma jintlaqatx daqs pajjiżi kbar iżda mill-banda l-oħra għandna nieħdu l-vantaġġi li aħna żgħar u jekk hemm bżonn niftħu jdejna temporanjament u allura m’għandniex noqogħdu nġibu skużi. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jwebbes rasu meta jara u jisma’ l-kritika ġejja minn kull front. Qisu hu biss tajjeb.
Nifhem li l-Gvern jilbes in-nuċċali tax-xemx u jsodd widnejh bit-tajjar għall-ilmenti tal-partit fl-oppozizzjoni. Iżda ma nifhimx kif jieħu l-istess attitudni quddiem il-pariri siewja li qed jagħtuh l-ekonomisti li mhumiex imħallsin minnu, il-kritika li qed issir mill-industrijalisti u n-nies tal-kummerċ, id-dwejjaq li qed jesprimu l-konsumaturi u l-inċertezza li għaddejjin minna l-ħaddiema ta’ diversi postijiet tax-xogħol.
S’issa għad ma ħariġx ċar kif se niffaċċjaw l-isfidi li għandna quddiemna. Donnu ħadna l-attitudni ta’ nistennew u naraw. Dan qed ikompli jżid mal-ugigħ ta’ ras li għandna u għalhekk ma nistgħux inħarsu ’l quddiem mingħajr ma naraw ċpar oħxon u tqil quddiem għajnejna!
Ma narax għalfejn iż-żewġ partiti fil-Parlament ma jqumux mir-raqda li qegħdin fiha u joħorġu bi pjan nazzjonali ta’ kontinġenza flimkien u jikkomettu ruħhom li se jgħinu lil xulxin biex matul din is-sena dan il-pjan jitwettaq bis-serjetà. Jekk il-kunsens li ntwera s’issa bejn il-partiti fin-nomina tal-President li jmiss kien verament sinjal ċar li nafu nqumu għall-okkażjoni u nerfgħu rasna ’l fuq mill-politika partiġġana, allura m’għandux ikun daqstant diffiċli li almenu, għal darba u għal wiċċ iċ-ċittadin, jingħaqdu u jaħdmu flimkien biex noħorġu lil pajjiżna mis-saram li ġej fuqna.
Iżda l-Parlamentari tagħna donnu iktar jinteressahom kif jimpressjonaw billi jibdlu l-proċeduri Parlamentari ħalli jiżgiċċaw u jgħattu n-nuqqas ta’ qbil dwar il-pairing fost affarijiet oħra. Il-poplu llum immatura u m’għadux jimpressjona ruħu bl-elokwenza tad-diskorsi Parlamentari jew bil-propaganda fina tal-partiti.
Hija r-realtà fit-triq u fil-postijiet tax-xogħol li tinteressa lil poplu. U jekk qatt kien hemm żmien li ninsew id-differenzi u nikkoncentraw fuq ħidma ffukata għall-ġid tal-pajjiż huwa dan iż-żmien li għaddejjin minnu. Din hija l-ewwel sfida li rridu niffaċċaw. Jekk m’aħniex kapaċi nilqgħu l-isfidi ta’ ġewwa mhux se nlaħħqu mal-isfidi li ġejjin minn barra.

Intervista
Mill-iżbarra għal Kordin
Julia Farrugia tintervista lil Natal Bonello




Wenzu Mintoff
Mater caput



Toni u Peppi
L-edukazzjoni: ilbieraħ, illum u għada



Carmelo Mifsud Bonnici
Tajjeb li nibqgħu niftakru



Joe Ellis
Il-bini monumentali jeħtieġ il-ħsieb u l-kalma



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Gaby Calleja
Il-Knisja u lilhinn minna


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan