MediaToday

Il Punt - Gaby Calleja | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118

Il-Knisja u lilhinn minna

Għal ħafna nies, Kattoliċi u mhumiex, il-Milied huwa festa li tradizzjonalment hija assoċjata mal-familja, l-imħabba, il-karità u s-solidarjetà. Allegatament il-Papa dakinhar qal li hemm bżonn li d-dinja tiġi salvata mill-imġiba omosesswali u transesswali, u li dan huwa importanti daqs kemm hu importanti li jiġu salvati l-foresti tropikali.

X’qal eżatt il-Papa?
L-Arċisqof Cremona din il-ġimgħa ta r-reazzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni fuq it-Times. Fl-opinjoni tiegħu, il-media ‘mmanipulat’ id-diskors tal-Papa peress li dan lanqas biss semma’ lill-omosesswali. Id-diskors tal-Papa jista’ jinqara fuq il-websajt tal-Vatikan: http://www.vatican.va/holy_father/benedict_xvi/
speeches/2008/december/documents/hf_ben-xvi_spe_20081222_curia-romana_en.html.
Fil-qosor huwa jgħid li meta l-Knisja titkellem dwar in-natura tal-bniedem bħala raġel jew mara u titlob li din l-ordni tan-natura tiġi rispettata, mhux qed tkun antikwata. Il-bniedem ħafna drabi jipprova jemanċipa lilu nnifsu mill-ħolqien u mill-Ħallieq u jrid ikun hu biss li jiddetermina dak kollu li jikkonċernah.
Madankollu b’dan il-mod jgħix f’oppożizzjoni mal-verità u mal-ispirtu tal-Ħallieq. Il-foresti tropikali jistħoqqilhom li jkunu mħarsa, iżda l-bniedem mhux inqas.
It-teologi l-kbar jiddeskrivu ż-żwieġ, miftiehem bħala l-għaqda għal għomorhom ta’ raġel u mara, bħala sagrament tal-ħolqien, li l-Ħallieq innifsu għamel u li Kristu mbagħad għamel parti mill-istorja tal-patt Tiegħu mal-umanità.
Filwaqt li huwa minnu li l-Papa ma semmiex l-omosesswali b’isimhom, jiena tal-fehma li mid-diskors tiegħu, meta jitqies flimkien ma’ dak li qalet bosta drabi l-Knisja dwar is-suġġett, joħroġ ċar għal xiex, jew għal min, kien qed jirreferi.

Imma l-Knisja m’għandhiex id-dritt tgħid tagħha?
Ħafna kienu dawk, speċjalment fuq l-internet, li staqsew din il-mistoqsija. Qalulna li l-Knisja, bħal kull organizzazzjoni oħra, għandha d-dritt li titkellem, u min ma jogħġbux, jitlaq. Naqbel, imma sa ċertu punt.
L-ewwel nett, filwaqt li l-Knisja għandha dritt għal-libertà tal-espressjoni bħal kulħadd, fil-limiti ta’ dak li hu permess mil-Liġi, dan ma jfissirx li tista’ tgħid li trid u tippretendi li ma tiġix ikkritikata.
Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni jfisser biss li wieħed jista’ jitkellem u li ħadd m’għandu d-dritt iwaqqfek milli ssemma leħnek. Però mbagħad id-dritt għal-libertà tal-espressjoni tal-oħrajn ifisser li dawn huma ħielsa jikkritikawk jekk dak li tgħid ma jdoqqilhomx. U dan hu dak li ġara f’dan il-każ. Lanqas naqbel mal-argument li jekk ma jogħġbokx għandek titlaq u tagħlaq ħalqek. Dan minn meta ’l hawn trid tkun membru ta’ organizzazzjoni biex tikkritikaha? Hemm għalfejn insir Musulman biex nikkritika l-fundamentaliżmu Iżlamiku? Hemm ghalfejn inkun Lhudi biex nikkritika l-vjolenza tal-Iżrael fuq il-Palestina?
F’soċjetà demokratika ħadd m’għandu jkun ħieles mill-iskrutinju pubbliku. Il-Knisja tista’ tiġi kkritikata għal bosta raġunijiet minħabba l-pożizzjoni li qed tieħu rigward relazzjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess.
Fosthom hemm il-fatt li dak li tgħid iwassal ħafna fidili biex iwettqu atti ta’ diskriminazzjoni (u xi drabi anke vjolenza) kontra persuni gay u transesswali, u kif ukoll il-fatt li tuża l-influwenza tagħha biex iżżomm l-istat milli jagħti lill-persuni gay u trans dak li għandu jkun tagħhom f’termini ta’ drittijiet ċivili.
Meta l-Vatikan naqas li jagħti l-appogg sħiħ għar-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità il-messaġġ li kienet qed twassal il-Knisja hija li din tqis il-libertà, id-dinjità u l-ħajja ta’ persuna gay ta’ anqas valur minn dik ta’ persuna eterosesswali. Ftit nisimgħu fil-gazzetti li l-Knisja Kattolika kkundannat l-arrest, abbuż u l-qtil ta’ persuni gay f’pajjiżi bħas-Senegal, in-Niġerja u ż-Żimbabwe. Sfortunatament huma ħafna dawk li ma jissoġġettawx dak li tgħid il-Knisja għall-istess livell ta’ evalwazzjoni.
Ejja nieħdu l-argument li għamel l-Arċisqof li t-tagħlim tal-Knisja japplika għall-eterosesswali u għall-omosesswali bl-istess mod, fis-sens li atti sesswali barra ż-żwieġ huma dnub. Dan żgur li mhux minnu u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jkunu qed jippruvaw iqarrqu bin-nies meta jużaw dan l-argument.
Id-differenza kruċjali hi li l-eterosesswali jistgħu jiżżewġu u jesprimu l-imħabba tagħhom b’mod fiżiku filwaqt li dan id-dritt huwa mċaħħad fil-każ tal-omosesswali, mhux biss mill-Knisja iżda wkoll mill-Istat Malti.

Ir-reazzjonijiet għall-messaġġ tal-Papa
Allura x’għandhom jagħmlu persuni gay bħali f’din is-sitwazzjoni? L-ewwel reazzjoni għal xi whud tista’ tkun dik tat-tliet omosesswali Maltin, fosthom l-eks kandidat ta’ Alternattiva Demokratika Dr. Patrick Attard, li skomunikaw ruħhom mill-Knisja. Pass li wħud jafu jqisuh drastiku għall-aħħar.
Personalment inqisu att leġittimu ta’ protesta. Nemmen li l-Knisja għandha tkun taf li ħafna huma dawk li ma jaqblux magħha u konsegwenza ta’ dan m’għandhiex tgawdi mill-influwenza li jagħtiha l-fatt li kull min hu mgħammed hu awtomatikament meqjus Kattoliku.
Ma naqbilx pero mar-raġuni li ta Attard. Hu qal li r-rifjut tal-Kurja Maltija li tiddisassoċja ruħha mill-kummenti tal-Papa wasslu għal dan il-pass. Il-Knisja Maltija ma tista’ qatt tmur kontra dak li jgħid il-Papa. Il-Knisja mhix organizzazzjoni demokratika, u kieku l-Arċisqof kellu jgħid xi ħaġa ta’ din ix-xorta, ħaġa waħda tiġri: jitneħħa minn postu minn dawk ta’ fuqu.
Ftit huma dawk il-kjeriċi li għandhom kuraġġ biżżejjed jgħidu dak li verament iħossu fil-pubbliku, u dawk li għamlu hekk, anke fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, nafu xi ġralhom.
Uħud, bħall-membri ta’ Drachma (il-grupp Malti ta’ gays u lesbjani Kattoliċi, jippruvaw jibqgħu fidili għal dak li jemmnu u jistiednu lil awtoritajiet ekkleżjali jidħlu fi djalogu ġenwin magħhom.
Għalkemm xi kultant nistaqsi għalfejn tibqa’ tħabbat fuq bieb meta l-possibbiltà li jiftħulek hija daqshekk ’il bogħod inħoss ukoll li l-fidi hija għażla personali ħafna u kull individwu għandu d-dritt iħaddan it-twemmin tal-għażla tiegħu.
Fuq livell personali nsib li dak li tgħallem il-Knisja dwar rapporti sesswali bejn koppji tal-istess sess ma jirriflettix il-verità u r-realtà li jgħixu bosta koppji tal-istess sess u ma jgħinix nikber fil-milja tiegħi bħala persuna.
Għalhekk għamilt deċizjoni li nimxi wara l-verità u mhux mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Ippreferejt nissieħeb f’organizzazzjoni li tiġġieled għad-drittijiet tal-komunità gay u trans, u b’hekk nipparteċipa fil-proċessi demokratiċi ta’ pajjiżna u nagħmel pressjoni fejn jgħodd: fuq il-politiċi tagħna li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi u d-drittijiet ta’ kulħadd.
Għandna xorti kbira li ngħixu f’pajjiż demokratiku Ewropew fejn kull ċittadin jista’ jkollu mpatt fuq id-direzzjoni li tieħu s-soċjetà tagħna. Ejja ma nkomplux naħlu aktar żmien.

 

Intervista
Mill-iżbarra għal Kordin
Julia Farrugia tintervista lil Natal Bonello




Wenzu Mintoff
Mater caput



Toni u Peppi
L-edukazzjoni: ilbieraħ, illum u għada



Carmelo Mifsud Bonnici
Tajjeb li nibqgħu niftakru



Joe Ellis
Il-bini monumentali jeħtieġ il-ħsieb u l-kalma



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Gaby Calleja
Il-Knisja u lilhinn minna


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan