Joe Ellis | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118
Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li s-sit tat-Teatru Rjal jiġi żviluppat bħala s-sede l-ġdida tal-Parlament ma tantx intlaqgħet tajjeb. Għalkemm kulħadd jaqbel li l-Parlament għandu bżonn ta’ sede aktar idonea minn fejn jopera, ftit kienu dawk li qablu mal-proposta tal-Gvern.
Meta l-ewwel darba saret din il-proposta ftit wara li Lawrence Gonzi laħaq Prim Ministru, ukoll kienu qamu rwiefen kbar. Din id-darba forsi ma qamx l-istess ammont ta’ rwiefen. Imma dan ma jfissirx li hawn xi nuqqas fl-oppożizzjoni għal din il-proposta. U ċertament m’hawn entużjażmu għaliha.
Għal darb’oħra, qed jidher ċar li deċiżjonijiet ta’ portata nazzjonali qed isiru min-numru ristrett ta’ nies li ma tantx jagħtu kas tal-opinjoni pubblika. Huma ħafna l-kunsiderazzjonijiet li wieħed irid jagħmel.
Fl-ewwel lok, kienu bosta l-programmi elettorali tal-Partit Nazzjonalista li kienu wegħdu li dan is-sit se jerġa’ jiġi żviluppat għall-iskop oriġinali tiegħu, jiġifieri bħala teatru tal-opra. Fl-aħħar programm elettorali tal-istess partit li kiseb il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament, ma jidhirlix li ssemma li dan il-ħsieb se jitwarrab u minflok se jinbena Parlament.
Jekk il-partit fil-Gvern ma jagħtix kas tal-programmi elettorali li jkun ħareġ imma jagħmel dak li jidhirlu meta jkun fil-Gvern – jew pjuttost dak li xi ministri jidhrilhom – allura, aħjar tali partit ma jniedi l-ebda programm elettorali ħalli l-votant ikun jaf li bil-vot tiegħu qed jagħti carte blanche lill-partit li jakkwista maġġoranza tas-siġġijiet. Jew pjuttost lill-Ministri li jiffurmaw il-kabinett minn tali partit.
Il-Prim Ministru qal li l-istudji li saru juru li m’huwiex vijabbli li jsir teatru tal-opra. Qal ukoll li teatru hekk jispiċċa jikkompeti ma’ teatri oħra l-Belt. Wieħed jiskanta ferm kif dan it-teatru kien vijabbli fis-seklu dsatax meta kien hawn daqshekk faqar u għaks u llum m’huwiex. It-teatri l-oħra li hemm il-Belt, anke l-Manoel, m’humiex adekwati għall-opera tas-seklu dsatax u għoxrin. Teatru jista’ jintuża mhux biss għall-opri imma prattikament għall-manifestazzjonijiet kulturali kollha.
Forsi hawn min jaħseb li l-opri jiġbdu lill-anzjani biss. Sfortunatament, wara l-qirda tat-Teatru Rjal, il-poplu Malti naqsulu l-opportunitajiet li jiġi espost għal dan l-ispettaklu u allura m’għadux japprezzah kif kien jagħmel qabel il-gwerra. Imma xorta fejn il-poplu kellu l-opportunità li jassisti għal dawn l-ispettakli, il-poplu wera entużjażmu. Dan jixhduh l-ispettakli operistiċi li jsiru f’Għawdex li anke jattiraw bosta żgħażagħ Għawdxin.
Fattur ieħor li mhux qed jiġi kkunsidrat hu li bl-eluf ta’ turisti li jġibu kull sena l-“cruise-liners”, is-suq għal spettakli operistiċi u ta’ mużika klassika huwa bil-bosta akbar minn dak domestiku. Spettakli hekk jistgħu jintużaw b’mod intelliġenti biex jattiraw aktar minn dawn it-turisti u anke bħala lixka biex itawlu ż-żjara tagħna f’pajjiżna. M’hemmx għalfejn ngħidu li dawn it-turisti ġeneralment għandhom dħul aktar minn medju.
Hemm min joġġezzjona li s-sit jerġa’ jinbena kif kien għax hu ta’ disinn neo-klassiku u jargumenta li dan jistona mal-arkitettura tal-Belt. Fl-ewwel lok, ħadd qatt ma semma li s-sit ser jerġa jinbena fi stil barokk. Il-Pjan Lokali stess jgħid – u qed nikkwota testwalment - The architectural treatment would have to respond to the challenge of providing a contemporary statement befitting the twenty-first century, whilst respecting the historic legacy of Valletta as a former city of the Order of St. John. Li għalhekk ħadd ma jidher li qed jikkontempla l-bini mill-ġdid ta’ dan is-sit fi stil barokk. U ċertament li l-inkarigu li ngħata lil Renzo Piano hu konferma ta’ dan. Għaldaqstant, jekk id-disinn ta’ Edward Barry kien jistona fil-kuntest barokk tal-belt, nistgħu nistennew l-istess mid-disinn ta’ Piano.
Jiena għandi kull rispett lejn Renzo Piano. U disinn ta’ Piano f’Malta ser jagħni l-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna. Imma biex nagħmlu hekk hemm bżonn inwarrbu eżempju importanti ieħor minn dan il-wirt, u ċioe’ d-disinn ta’ Edward Barry, l-arkitett tar-Royal Opera House ta’ Covent Garden kif ukoll ta’ proġetti prestiġjużi oħra?
Biex tapprezza s-sbuħija ta’ dan il-bini nissuġġerixxi li wieħed iħares lejn ir-ritratti li kien ħa l-bużnannu tiegħi, Richard Ellis. Hija ħasra kbira li wirt arkitettoniku bħal dak jitwarrab. Aktar u aktar meta Putirjal qridnieh fis-snin sittin sabiex ikun jista’ jidħol it-traffiku meta mbagħad ftit snin wara, it-traffiku ma bqajniex indaħħluh minn hemm.
Imbagħad wieħed għandu jikkunsidra jekk sit li nqered bil-gwerra għandux jinbena kif kien oriġinarjament jew inkella mod ieħor.
L-esperjenza f’pajjiżna ma tantx hi sabiħa. Il-bini tal-qorti u tal-kwartieri tal-General Workers Union ma rrispettaw xejn il-kuntest barokk tal-Belt. Pajjiżi oħra ma qagħdux jesperimentaw imma bnew is-siti meqruda bil-gwerra kif kienu oriġinarjament. Hekk għandna l-eżempju ta’ Dresden li nqerdet fl-aħħar xhur tal-gwerra minn attakk bla sens tal-alleati u li reġgħet inbniet eżatt kif kienet. Anke l-Frauenkirchen, l-akbar knisja Luterana reġgħet inbniet kif kienet.
Issa l-Gvern Ġermaniż ħabbar li l-Palazz Imperjali ser jerġa’ jinbena kif kien. Berlin tagħtina eżempju ieħor ta’ min jaħseb fuqu: il-bini tal-Parlament żamm il-qafas oriġinali tiegħu minkejja d-disinn eżaltanti tal-koppla minn Norman Foster.
Għaldaqstant, li wieħed iwarrab id-disinn oriġinali ta’ Barry, se jkun att barbaru bħal ma kien il-qerda ta’ Putirjal. Jiena mhux qed ngħid li dan is-sit bilfors għandu jkun teatru tal-opra għalkemm nemmen li l-belt kapitali tagħna m’għandhiex tibqa’ l-unika kapitali Ewropea mingħajr teatru tal-opra.
Li nemmen hu li dan is-sit m’għandux jintuża bħala s-sede tal-Parlament imma għall-inqas għal skop kulturali bħal, per eżempju, is-Centre Pompidou f’Pariġi tal-istess Piano. Dan kif jgħid l-istess Pjan Lokali li ma jikkontemplax il-bini tal-Parlament f’dan is-sit. Għaldaqstant meta l-Gvern iddeċieda li dan is-sit jintuża bħala Parlament mar kontra l-istess Pjan Lokali. Wieħed għalhekk ma jifhimx kif l-permess għal Parlament f’dan is-sit jista’ qatt jiġi approvat mill-Mepa. Min jidħol il-Belt għandu jingħata l-opportunità li jirfes sit inklussiv li jagħnih kulturalment u spiritwalment u mhux jiffaċċja sit li min-natura tiegħu hu esklussiv.
Hemm bosta siti alternattivi għal Parlament. Forti Sant’Iermu, Evans, is-Suq, l-Isptar Boffa u l-power station l-antik huma kollha kandidati validi. Ċertament nistgħu nużaw il-ġenju ta’ Piano kemm f’xi wieħed minn dawn is-siti kif ukoll f’siti oħra bħall power station tal-Marsa li suppost mhux se jintuża wara l-2015.
Kif jgħid il-Malti, qattusa għaġġilija friegħ għomja tagħmel u hekk tidher li kienet d-deċiżjoni li t-Teatru Rjal isir is-sede tal-Parlament. Naħseb li jkun fl-interess ġenerali li l-aħjar użu tas-siti papabbli fil-Belt u fil-madwar jiġi identifikat qabel ma’ ngħaġġlu u nagħmlu xi traġedja arkitettonika oħra bħalma kienet il-qirda ta’ Putirjal. |
|
Editorijal


Wenzu Mintoff

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef
Il-Punt - Gaby Calleja
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format
Email:
illum@mediatoday.com.mt

Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu

Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF




|