MediaToday

Editorijal | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118

Din mhix kriżi bħall-oħrajn

Fil-jiem li għaddew ħarġet l-aħbar li l-Gvern tal-Korea t’Isfel skopra min kien il-blogger mistur bl-isem Minerva. Mhux biss ittella’ l-qorti u xlewh imma ntbagħat il-ħabs. Minerva kien bassar l-andament tas-swieq finanzjarji b’mod tant preċiż li kellu mal-100,000 ruħ ifittxu tagħrif fil-blog tiegħu u l-gazzetti kienu bdew isegwuh ukoll.
Meta nstab li Minerva ma kienx xi ekonomista mustaċċun iżda mpjegat umli mingħajr xi mezz speċjali biex isir jaf x’inhu jiġri, ħafna nies urew diżappunt kbir. Ħadd iżjed minn Minerva li sab ruħu l-ħabs wara akkuża li kien xerred aħbarijiet foloz li jagħmlu ħsara lill-ekonomija.
Din il-gazzetta mhix Minerva u għalkemm ġieli rajna aġir Korean kontrina u kontra seħbitna l-Malta Today, ftit għandna biża’ li xi ħadd iħarrikna talli ngħidu tagħna dwar il-qagħda ekonomika tal-pajjiz.
Ċertament it-tbassir ottimist tal-Ministru tal-Finanzi u tal-Prim Ministru ma jistax ma jistidinx kritika minn osservaturi indipendenti. Waqt li d-dinja kollha ddur rasha maqtugħa, il-Gvern tagħna jridna nemmnu li kollox miexi skont il-pjan tiegħu.
M’għandniex x’ingħidu, xogħol il-Gvern hu li ma jkabbarx il-ferita. Jekk kien veru li Alfred Sant sab ħofra fil-finanzi pubbliċi, ftit għenu l-fatt li dam itambar tant dwar din il-misħuta ħofra li aktarx kompla jkabbarha bi kliemu.
Iżda hemm linja fina bejn li wieħed ma jkabbarhomx u li jidher maqtugħ mir-realtà tant li nistmawh irresponsabbli. Jasal mument meta poplu mbeżża’ bir-raġun ifittex min imexxih u jiddispra meta jsib li d-diskors tat-tmexxija ma jorbot xejn ma’ dak li jista’ jmiss b’idejh.
Il-fabbriki qegħdin jew mhux qegħdin ikeċċu lin-nies u jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol? Il-lukandi qegħdin jew mhux qegħdin jibagħtu n-nies bil-frank għax-xhur tax-xitwa?
Ħadd ma jistenna jew irid li l-Gvern jagħti xi ħjiel ta’ paniku u jgerrixna bħal merħla tiġri mil-lupu. Iżda l-ilpup mhumiex ’il bogħod u min għandu widnejn jista’ jismagħhom. Xi pjani għandu l-Gvern tagħna biex jilqa’ għal kriżi?
Jekk fir-Renju Unit hemm kriżi ekonomika tal-waħx jista’ jkun li s-settur tat-turiżmu Malti ma jiħux tisbita ddamdam?
Jekk dan hu li ġej għalina x’imissna nagħmlu llum biex nilqgħu għad-daqqa? Ninvestu iżjed fir-reklamar fir-Renju Unit jew fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra fejn hemm tama li noħolqu x-xogħol?
Xi programmi għandu mħejjija l-Gvern biex ma naħlux mill-enerġiji tagħna u nisfruttaw kull possibbiltà flimkien? Ħejja xi programm biex insalvaw l-impjiegi sakemm tgħaddi l-kriżi?
Il-Gvern, li dejjem irid ikun hu li jieħu l-ewwel pass, għandu fih il-kobor li jiċċekken u jaħdem mal-Oppożizzjoni? Il-Gvern, li jgħodd it-tbissim fil-maltemp bħala l-aqwa tarka tiegħu, jifhem li jeħtieġ kredibbiltà wiesgħa, u wiesgħa tassew, biex ikun jista’ jaqdi dmiru fi żmien bħal dan?
Din il-balbuljata bil-kontijiet tad-dawl se tagħmlilna ħsara akbar billi ċċaħħadna mill-fiduċja f’min imexxi fi żmien ta kriżi?
Qisna poplu li jaf li jkollu jiffaċċja gwerra u li qed ifittex tmexxija qalbiena. Jekk inħarsu madwarna ma narawx min jaf imexxina flimkien għal parata aħseb u ara fl-eqqel tat-taqbida.
Meta bagħtu lil Minerva l-ħabs kien hemm min qal li kien imisshom jibagħtu qablu lill-esperti, lill-ekonomisti u lill-bankiera li kienu bassru futur ward u żahar sa dakinhar li wasal fuqhom il-maltemp finanzjarju.
Ħadd ma jintbagħat il-ħabs f’Malta minħabba tmexxija fjakka jew ħażina. Iżda metaforikament ikun ħaqqu l-forka min ma jagħrafx li dan hu l-waqt li nbiddlu mill-qiegħ id-drawwiet politiċi tagħna. Din mhix kriżi bħall-oħrajn.

Intervista
Mill-iżbarra għal Kordin
Julia Farrugia tintervista lil Natal Bonello




Wenzu Mintoff
Mater caput



Toni u Peppi
L-edukazzjoni: ilbieraħ, illum u għada



Carmelo Mifsud Bonnici
Tajjeb li nibqgħu niftakru



Joe Ellis
Il-bini monumentali jeħtieġ il-ħsieb u l-kalma



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Gaby Calleja
Il-Knisja u lilhinn minna


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan