Carmelo Mifsud Bonnici | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118
Tajjeb li nibqgħu niftakru 1. Din il-ġimgħa partijiet fid-dinja reġgħu fakkru l-Jum tal-Memorja, ix-Shoah. Għaddew tant snin minn dak il-jum meta l-forzi Alleati sabu l-kampi tal-konċentrament Nażisti ta’ Auschwitz u Dachau u xorta nibqgħu soċjetà li tħoss il-bżonn li terġa’ tieqaf tirrifletti. Għax it-trapass taż-żmien, għalkemm għal ċerti ġrajjiet tad-dinja jservi biex inessi, ifejjaq u jirrikonċilja, dan ma jistax jgħodd għal dan il-ġenoċidju. Kull min jerġa’ jieqaf jirrifletti u jara mill-ġdid u fil-fond id-diversi dokumentarji u kotba li nkitbu ma jistax ma jibqax impressjonat. 2. L-atroċitajiet, is-sistema djabolika li biha sitt miljun persuna nqatlu ma jistgħux ma jżommukx tieqaf tirrealizza kemm iż-żerriegħa tax-xenofobija, tar-razziżmu u anti-Semitiżmu hija perikoluża. Aġir uman bħal dan theddida għas-soċjetà demokratika, għall-komunità ta’ bnedmin li jridu jgħixu f’ambjent, tessut li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità umana. Dak li ġara fil-Ġermanja u fl-Italja huma eżempji ta’ kif popli twajba, ħawtiela, onesti bi prinċipji ta’ rettitudni, jispiċċaw jinħakmu minn populisti, persuni fuq il-lemin estrem u japprovaw dak li ma għandhomx. 3. Dik l-esperjenza umana li għaddew minnha dawn il-pajjiżi Ewropej u li magħhom ġibdu storja sħiħa, ġrajjiet sħaħ mondjali li jkun żball kbir jekk ninsew. Hemm verament bilanċ li soċjetà demokratika huwa mistenni minnha li tilħaq bejn id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u, fuq in-naħa l-oħra, l-penalizzazzjoni ta’ diskors li jsir sabiex issaħħan, ixxewwex jew tinkoraġġixxi bnedmin oħra jaġixxu żbaljatament fil-konfront ta’ minoranzi. Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li kollha għandna, però m’għandniex nużawha biex inkabbru mibegħda kontra dawk li mhumiex parti minna. Dak li trid tgħid hemm diversi modi biex tesprimih. Għalhekk hemm bżonn l-intervent tal-Liġi, m’hemmx dubju, u tul din il-ġimgħa fil-Parlament kelli l-opportunità li nressaq emendi għall-Kodiċi Kriminali apposta fuq dan. Biss dan mhuwiex biżżejjed. 4. M’huwiex hekk għax hemm bżonn programm ta’ edukazzjoni u informazzjoni. Ħidma li l-midja f’pajjiżna hemm bżonn li tagħmel. L-ewwel, b’iktar dokumentarji, diskussjonijiet u analiżi għax għadni nara li fost il-poplu mhemmx biżżejjed l-għarfien kemm in-Nażiżmu u l-Faxxiżmu kienu żbalji li ma għandhomx jiġu ripetuti. Għadni niltaqa’ ma bnedmin fuq dawn il-gżejjer li jaħsbu li kien hemm xi forma ta’ vantaġġ u li anzi d-demokrazija hija b’xi mod lura fil-konfront tad-dittatorjati. Qisu li d-demokrazija mhix valur, imma sistema inadegwata. Dan huwa żball ta’ perċezzjoni li hemm in-neċessità li jiġi korrett b’dokumenti, fatti u informazzjoni li ħadd ma jista’ jagħmel b’mod iktar ċar u dirett daqs il-mezzi tax-xandir. Hemm bżonn li jippreżentaw il-fatti b’mod ċar u li ma jħallix dubju f’ras in-nies. 5. It-tieni, li nibdew naraw iktar awto-dixxiplina u kontroll minn min jikteb u jirrapporta. Il-Kodiċi Kriminali huwa strument effikaċi ta’ kif tikkontrolla però huwa iktar faċli li min juża d-dritt li jesprimi ruħu, ma jisparlax. Mhux biss, imma jkun hemm iktar għarfien min-naħa tal-edituri li ż-żerriegħa tal-mibegħda razzjali trid tiġi miżmuma milli tieħu n-nifs inkella tattakka d-demokrazija. Huwa fl-interess tagħna li nkomplu ngawdu u nħaddmu l-mekkaniżmi kostituzzjonali li għandna mingħajr ma nitilfuhom. L-esperjenza tat-tieni gwerra dinjija għandha tfakkarna li d-diskors intolleranti ġab fix-xejn id-demokrazija, qered diversi ħajjiet u ġab miegħu straġi sħiħa. 6. Għalhekk il-jum tax-Shoah mhuwiex sempliċi kommemorazzjoni favur il-Lhud, imma huwa jum tal-umanità kollha. L-iżbalji qegħdin hemm u huma umani, però m’għandhomx jiġu tollerati għal xi forma ta’ ripetizzjoni tagħhom. Naħseb li għad hawn min jibqa’ jidħak bih innifsu li ma ġara xejn jekk tħalli persuni fis-soċjetà jesprimu dawn is-sentimenti u nifhem dan għax ċert li ma qrawx u ma jagħrfux x’diżastru jistgħu jġibu. Hemm bżonn nirreaġixxu u dan fl-ambitu demokratiku tagħna, inkella niġu fi kliem Martin Niemöller (1892-1984). 7. Kliem li nħoss li għandi nerġa’ nfakkar għax fuqhom tinbena lezzjoni li ma nistgħux ninsew. Anzi għandna obbligu morali u legali: “In Germany, they came first for the Communists, and I didn’t speak up because I wasn’t a Communist; And then they came for the trade unionists, And I didn’t speak up because I wasn’t a trade unionist; And then they came for the Jews, And I didn’t speak up because I wasn’t a Jew; And then … they came for me … And by that time there was no one left to speak up.”
|
Intervista
|
Email: Illum Search
Features
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan