Toni u Peppi | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Ma kienx b’kumbin-azzjoni li Barak Obama għażel il-belt ta’ Springfield bħala l-bidu tal-kampanja elettorali tiegħu. F’din il-belt għex għal snin sħaħ sa mewtu Abraham Lincoln. Barak ried mill-bidu nett tal-kampanja jibgħat il-messaġġ li l-ispirazzjoni tiegħu kienet min-nixxiegħa tal-ħelsien politiku minn mudell antik.
Barra li għal Barak Lincoln jirrappreżenta l-politika fl-istat nadif u ideali tagħha, bħalu jrid li jinfatam minn sistema politika antika li sabet l-ogħla espressjoni tagħha fl-aministrazzjoni ta’ George Bush iż-żgħir.
F’sens politiku Obama jirrappreżenta bidu ġdid u paġna ġdida mhux biss għall-poplu Amerikan, iżda f’sens anqas politiku, għall-umanità. F’dinja mimlija preġudizzji, li persuna li mhix bajda ssir il-President tal-aktar pajjiż b’saħħtu u sinjur, meta sa anqas minn 50 sena ilu s-suwed mhux biss kienu emarġinati iżda kienu ppersegwitati b’mod krudili, il-ħatra ta’ Obama f’din il-kariga hi sinjal pożittiv għall-popli kollha tad-dinja. Anzi hi konferma wkoll li d-dinja sa fl-aħħar jista’ jkun li qiegħda tiġi globalizzata f’sens pożittiv.
Għalkemm mhux daqstant klamoruż u ovvju, fi Franza l-President hu ta’ nisel Ungeriż, filwaqt li fl-Ingilterra l-Prim Ministru hu Skoċċiz, u sa ftit ilu fl-Amerika Latina saħansitra kien hemm President Ġappuniż. Obama kien li nkuruna dan il-messaġġ ta’ tama globalizzata.
Iżda l-mixja ta’ Barak fil-Presidenza mhux se tkun daqshekk faċli. Wiret mingħand ta’ qablu dinja mifnija bil-ġlied frott il-kalkoli u żbalji ħżiena li għamel. Jista’ jkollu l-iprem intenzjonijiet għax mhux se tkun faċli għalih li jħoll l-għoqiedi politiċi u ekonomiċi li se jsib mhux biss fil-front internazzjonali iżda dawk daqstant gravi fil-front lokali.
Biex jipprova li hu President tajjeb irid ikollu l-kuraġġ li jammetti u juri bil-fatti li ekonomija mibnija fuq is-suq ħieles assolut hi ħażina. Se jkollu, u jidher li hekk se jagħmel, jimxi fuq il-passi ta’ F. D. Roosvelt u jimbarka fuq il-verżjoni ta’ New Deal. Dan jista’ jsir biss jekk il-Gvern tiegħu jibdel ir-regoli ta’ logħba li issa qdiemet billi mingħajr ma jindaħal iżżejjed, fl-istess ħin ma jħalli lil ħadd jgħaffeġ fuq ħadd.
Irid juri lid-dinja kollha li l-Amerika tirrispetta l-ordni internazzjonali u li terġa’ tikseb ir-rispett mill-komunità internazzjonali mhux għax hi b’saħħitha, iżda minħabba l-valuri li suppost tirrappreżenta. Għalhekk għamel tajjeb li ddikjara li se jagħlaq darba għal dejjem l-infami ħabs ta’ Guatanamo Bay u postijiet ta’ detenzjoni li hemm fl-Ewropa.
L-Amerika kienet tilfet ir-rispett ta’ dawk il-pajjiżi li għandhom għal qalbhom il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Għamel tajjeb li se jitbiegħed mill-ħmar il-lejl tal-Iraq għalkemm ma nafx kemm se jservi ta’ ġid li se jżid il-preżenza tat-truppi Amerikani fl-Afganistan. Iżda kollox ma’ kollox Obama se jipprova jitbiegħed mill-politika militarista ta’ Bush.
Dan ħareg ċar mill-ewwel diskors ta’ Hilary Clinton bħala s-Segretaja tal-Istat. Il-missjoni ta’ Obama se tkun li jipprova jsib soluzzjonijiet paċifiċi u mhux bilfors militari u li se tkun imfassla politika barranija fuq linji bħal dawk ta’ Bill Clinton li wasslu għall-paċi relattiv mhux biss fil-Balkani iżda saħansitra fil-Lvant Nofsani.
Għalhekk lanqas ma kienet aċċidentali l-ħatra bħala rappreżentanti Amerikani ta’ George Mitchell u Richard Holbrooke.
George Mitchell, bħala rappreżentant Amerikan għal kwistjonijiet bejn il-Palestina u l-Iżrael, jawgura l-possibbilità ta’ soluzzjoni dejjiema. Mitchell diġà ta prova tal-ħiliet tiegħu kemm fuq il-kwistjoni tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll biex il-Lhud ma jkomplux jibnu aktar kolonji f’art Palestinjana. Hu tifel ta’ omm Lebaniża u missier Irlandiż u bħal donnu maqtugħ biex jidħol fin-nar għall-paċi.
Richard Holbrooke kien l-arkitett wara l-ftehim ta’ Daytona fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Bill Clinton. Dan il-ftehim ġab it-tmiem tal-gwerra etnika fil-Bosnja.
Dawn iż-żewġ ħatriet seħħew ftit tas-sigħat biss wara li Obama kien għadu kemm ħa l-gurament presidenzjali bħal donnu biex b’ħeffa jibgħat il-messaġġ tal-intenzjonijiet tajbin tiegħu lid-dinja kollha.
Dan il-messaġġ ta’ rikonċilajazzjoni u tama nħass anke internament fi ħdan l-amministrazzjoni ġdida. Mhux lil kulmin serva taħt Bush tneħħa. Żamm lil xi wħud. Lir-rival tiegħu Hilary Clinton ħatarha f’kariga importanti u ta’ prestiġju. Biha miegħu se jkollu wkoll b’mod indirett lil żewġha Bill Clinton, li bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu, xorta jibqa’ wieħed mill-aktar Presidenti karismatiċi. Aktar minn hekk inissel nostalġija għaż-żminijiet meta d-dinja kienet aktar stabbli u għaddejja minn epoka ta’ paċi relattiv. B’hekk juri li l-unika rabta li għandu mas-sistemi tal-imgħoddi hi ma’ dik il-parti li tħeġġeġ tweġibiet paċifiċi.
Iżda fil-verità Obama m’għandu l-ebda triq oħra ħlief dik tal-paċi. George Bush kellu x-xorti li l-kriżi ekonomika kbira li għaddejja minnha l-Amerika nibtet tort tal-politika ekonomika ħażina tiegħu iżda fl-istess ħin ġiet fl-aħħar xhur tal-amministrazzjoni.
F’dan ix-xenarju kważi apokalitiku, l-Amerika ma tiflaħx tidħol għal spiża ta’ triljuni ta’ dollari biex issostni kampanji militari madwar il-globu. Minbarra dan, se jkollu jirrifjuta madwar $270 biljun f’taxxi biex iħalli aktar flus fl-idejn bit-tama li jiżdied il-konsum u ma jintilfux aktar impiegi.
Għalhekk biex isir dan kollu hu essenzjali li jkun hemm il-paċi. Bil-paċi l-ispiża militari tonqos u minbarra dan il-President ikollu aktar ċans jiffoka fuq ħwejjeġ domestiċi li taħt Bush kien ġew traskurati kif jixhed il-kollass assolut tas-sistema bankarja Amerikana.
B’mod subliminali Obama qiegħed jibgħat messaġġ li mhuwiex biss President tal-Amerikani iżda tal-komunità internazzjonali kollha. M’għandi l-ebda dubju li se jagħti trattament privileġġat lill-kontinent Afrikan li minn meta ntemmet il-Gwerra Bierda dejjem baqa’ sejjer lura. Iżda Obama għandu l-opportunità li jikseb mill-ġdid ir-rispett billi joqgħod għal-liġijiet internazzjonali kollha.
Għalhekk għandu jimxi fuq il-passi ta’ Kevin Rudd u jiffirma t-Trattat ta’ Kyoto. Għandu jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar reati li jwettqu suldati Amerikani f’artijiet barranin. Obama jrid juri li l-Amerika tassew temmen fis-saltna tal-Liġi.
F’sens ġenerali Obama se jkun tajjeb. Iżda l-aspettattiva hi kbira u Obama, aktar minn kull President ieħor ta’ qablu, irid jaħdem bla heda għas-suċċess. Is-suċċess tiegħu se jiddependi minn kemm se jsib kooperazzjoni jew tfixkil minn dawk ta’ madwaru u viċin tiegħu. Minbarra dan nittama li ma sseħħx il-profezija ta’ Fidel Castro, li ukoll wera ammirazzjoni għal Obama.
Fidel bassar li Obama jiġi assassinat. F’dan is-sens nagħtih parir li jaħrab dawk it-teatri li kien jiffrekwenta Abraham Lincoln.
Żur toniabela.blogspot.com
L-unika ħaġa negattiva li nista’ nsib fil-fatt li l-President tal-Amerika llum huwa Obama huwa l-fatt li l-Ambaxxatriċi Bordanaro se tispiċċa. Ma nafx jekk kieku tela’ McCain kinitx tispiċċa xorta minn Malta. Ma naħsibx. Għax kienet qed tagħmel bicca xogħol eċċellenti.
Jiena ltqajt ma’ Bordanaro darbtejn u kont impressjonat mhux biss bil-kariżma u l-intelliġenza tagħha iżda l-aktar bis-sens ta’ ġustizzja soċjali li għandha. Kont nitħawwad kif qegħda fil-Partit Repubblikan meta jkolli ngħid li fil-politika tħares ħafna lejn ix-xellug.
Anke jekk tara x’għamlet Bordonaro fil-karriera tagħha tinduna mill-ewwel fejn iħabbat il-polz politiku tagħha. Ħasra li se titlaq għax hawn Malta wriet ir-ruħ soċjali li wara kollox għandu l-poplu Amerikan u li ma tantx jintwera fil-media internazzjonali. Ma nafx jekk Molly Bordanaro hix se tinbidel għax inbidel il-Gvern imma jekk huwa hekk huwa żball kbir u ma jirrifletti xejn il-mod kif Obama wiegħed li se jimxi anke ma’ dawk li mhux bilfors kienu parti mill-kampanja tiegħu bħala President.
Ħafna jinsistu li l-fatt li Obama huwa iswed ma għandhiex u ma kellhiex x’taqsam mal-fatt li sar President tal-Amerika. Assolutament ma naqbilx. Obama sar President tal-Amerika mhux biss għax huwa iswed iżda għax huwa iswed wkoll. U li tkun iswed rebaħ fuq li tkun mara. Kieku Hilary Clinton kienet sewda wkoll kieku Hilary hija l-President tal-Amerika.
Ħafna jqisu dan id-diskors bħala ‘għarukaza’. Xi ħadd skandalizza ruħu għax fuq it-televixin kont għedt li għandu jkollna President mara.
“X’jiġiferi jkollna President mara għax mara?” Ovvja, jien ma kontx qed ngħid “aqbdu mara u għamluha President” iżda “Hawn ħafna nisa f’Malta li kapaċi jkunu President u Prim Ministri”.
Il-fatt li n-nies, suwed u bojod, għażlu lil Obama President kien stqarrija importanti. Kienet stqarrija li tagħmilha cara li l-kulur tal-ġilda ma tagħmel l-ebda differenza.
Tinstema’ kontradizzjoni li tagħżel iswed biex turi li ma hemmx differenza. Iżda l-kontradizzjoni tisfuma jekk teħodha f’kuntest ta’ ftit snin ilu meta missier Obama kien imur f’ristorant u ma jinqediex għax iswed. Meta s-suwed kienu ttrattati bħala razza inferjuri.
Meta kien jingħad, kif b’mod oxxen għadu jingħad minn uħud f’pajjizna, li moħħ is-suwed hu inferjuri għal dak tal-bojod, li aħna l-bojod xi razza superjuri.
Issa għandna l-iktar persuna bl-akbar poter u popolarità fid-dinja li hu iswed. Tiċċajta hix stqarrija importanti! Tiċċajta jaqbiżlekx id-dmugħ kif ġara lili meta qed narah jieħu l-ġurament! Bkejt kif bkejt meta kont għamilt ġurnata nsegwi l-ħelsien ta’ Nelson Mandela mill-ħabs. Il-ħolma ta’ Martin Luther King stenbħet u nfirxet u tkattret.
L-istqarrija seħħet mal-gurament. Iżda n-nies se tiġġudikah mhux għax huwa iswed u abjad iżda għax huwa l-President. Obama ġie fi żmien tajjeb. Li tiġi wara George W. Bush mhux diffiċli li tagħmel ħoss pożittiv.
Ara kieku Obama ġie wara Clinton l-istorja kienet tkun differenti. Obama ma jistax ikun President agħar minn W Bush. Iżda Obama għandu problema serja. Lil Obama nistħajlu dak il-film tajjeb li tkun sejjer tara, tiltaqa’ ma’ xi ħadd qabel il-film jirrakkuntalek kemm ħa gost jarah, kemm hu film tajjeb. Il-film veru jkun tajjeb imma tant tkun qed tistenna li jkun tajjeb li jiddiżappuntak. Obama hekk se jiġrilu. Se jiddiżappunta lil ħafna nies li minnu qed jistennew il-mirakli.
Il-kelma mirakli qed nużaha mhux b’kumbinazzjoni. Għax miraklu jrid ikun biex isolvi l-problemi serji li l-Amerika għandha quddiemha. Il-kampanja ta’ Obama qed tippreżentah kwazi mirakoluż.
Obama seta’ faċilment kien wieħed minn dawk li naraw fuq God TV taparsi jfejjaq lin-nies billi jipperswadihom li fiequ. U jfiequ. Obama għandu l-kariżma li jipperswadi lin-nies tħalli f’idejh u sserraħ rasha.
Għandu l-kapaċità li jispiralek fiduċja. F’ħafna mid-diskorsi tiegħu ma jkun qal xejn konkret iżda l-mod kif jgħidu, il-pawsiet li jieħu, il-ħarsa tiegħu, it-tonalità tal-vuċi, tipperswadi. Il-politika hija l-arti tal-persważjoni. Obama huwa l-ikbar artist.
Imma meta dawk ta’ God TV imorru d-dar u saqajhom terġa’ tibda tuġagħhom u daharhom jerġa’ jitgħawweġ u s-suppost miraklu jkun għadda n nies jerġgħu jiffaċċaw ir-realtà. X’jagħmlu? Jerġgħu jaraw recording ta’ God TV? Taf taħdem. Hekk wkoll jista’ jiġri fil-każ ta’ Obama. Il-mistoqsija tkun – “Kemm-il miraklu se jibqa’ jaħdem?” speċjalment jekk jibda jiżdied l-uġigħ?
|
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|