Aħbarijiet | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando, li kkritika bl-aħrax il-proġett dwar l-estensjoni tal-Mużew tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann proposta mill-Fondazzjoni tal-Kattidral, ma riedx jikkommetti ruħu meta mistoqsi mill-gazzetta Illum dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista li titlob għall-irtirar tal-fondi tal-Gvern Nazzjonalista destinati għall-proġett.
“Se nsegwi l-andament tad-dibattitu u mbagħad nieħu deċiżjoni f’dak l-istadju,” kien il-kumment xott xott ta’ Pullicino Orlando meta kkuntattjat minn din il-gazzetta lbieraħ.
Meta l-ġurnalist ta’ din il-gazzetta fakkar lil Pullicino Orlando li huwa kien tkellem bil-qawwa kollha kontra dan il-proġett, id-Deputat Nazzjonalista ma ħax gost u heddu bi ksur ta’ privileġġ.
“Dik hija l-pożizzjoni tiegħi. Jekk tkompli tistaqsi nressqek għal ksur ta’ privileġġ,” qal Pullicino Orlando b’ton aħrax għall-aħħar.
Il-mozzjoni Laburista, imressqa mill-Mexxej Laburista Joseph Muscat lill-Iskrivan tal-Kamra, tesiġi li l-Gvern Nazzjonalista “immedjatament jirtira l-appoġġ tiegħu għall-proġett propost u minflok jipproponi l-identifikazzjoni, ir-restorazzjoni u l-użu ta’ binjiet oħra fil-Belt fil-kuntest ta’ pjan professjonali għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.”
Il-mozzjoni titlob ukoll lill-Gvern Nazzjonalista biex iniedi “konsultazzjoni wiesa’ dwar l-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett biex jintlaħaq qbil dwaru, iktar u iktar għaliex l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti tkopri aktar minn leġiżlatura waħda u għaldaqstant hemm il-ħtieġa ta’ kontinwità fl-għanijiet li tkun lil hinn mill-politika partiġġana.”
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fit-13 ta’ Novembru li għadda d-Deputat Nazzjonalista kien proprju stieden lill-Gvern biex jirtira l-fondi allokati għall-estensjoni “stravaganti” taħt l-art tal-Mużew tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann u minflok jużahom għar-restawr urġenti tal-Forti Sant’Iermu.
Pullicino Orlando kien qal li ma setax jifhem kif il-Gvern kien qed ifittex €14 miljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea fuq il-proġett kontroversjali ta’ San Ġwann meta żewġ fortijiet setgħu jiġu restawrati b’terz tal-ammont.
“Huwa ċar li l-pajjiż irid jagħraf il-prijoritajiet tiegħu,” qal Pulliċino Orlando, waqt li appella lid-Diviżjoni tal-Ippjanar u l-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jirrikonsidra l-proġett.
Pullicino Orlando kien talab lill-Fondazzjoni tfittex soluzzjoni orħos u aktar vijabbli, fosthom li jesebixxu parti mill-esibiti fil-mużew f’palazz fil-qrib.
“Għandu l-Gvern jimxi b’dan il-proġett, meta jkun qed iġib ruħu bħal missier li jħalli lit-tfal joħorġu bi ħwejjeġ qodma u mqattgħa waqt li jixtri BMW biex jimpressjoni lill-ħbieb tiegħu? Meta wieħed iqis ir-riżorsi limitati tiegħu dan il-pajjiż ċertament li għandu bżonn jissettja l-prijoritajiet tiegħu,” kien sostna Pullicino Orlando fil-Parlament.
Fid-dawl tal-oppożizzjoni tiegħu għal dan il-proġett mhuwiex eskluż li Pullicino Orlando jivvota favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista hu ukoll.
Meta tard is-sena l-oħra l-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral, li fost il-membri tagħha hemm ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-UE Richard Cachia Caruana, kienet nidiet il-proposta tagħna li tħaffer taħt il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann biex tespandi l-mużew tagħha, kienet qamet kritika ħarxa minn bosta għaqdiet ambjentalisti li oġġezzjonaw għall-impatt qawwi tal-proġett propost fuq l-istruttura eżistenti.
|
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|