MediaToday

Sports | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117

Lura f’Malta, mill-ġdid…biex jerġa’ jirbaħ!

Mark Attard

L-isem ta’ Lucian Dronca jafu kulħadd. Ir-Rumen jibqa’ popolari u sinonimu ma’ Birkirkara. Magħhom lagħab għal diversi staġuni. Lagħab u rebaħ kollox taħt il-gwida tal-kowċ ta’ dak iż-żmien, Stephen Azzopardi. Possibilment dan kollu jista’ jerġa’ jirrepeti ruħu b’differenza li din id-darba ma’ Sliema Wanderers.
Ma nkunx qed neseġerahom jekk ngħid li Dronca huwa wieħed mill-aktar plejers ta’ klassi li ġew jilagħbu f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Il-pożizzjoni tiegħu tal-aħħar raġel hija ta’ serħan il-moħħ għal kull kowċ u gowlkiper.
Il-plejer ftakarni sew hekk kif iltqajt miegħu nhar it-Tnejn filgħaxija. Kien għadu kemm spiċċa minn sessjoni tajba ta’ gym. Qabel ma jpoġġi bil-qiegħda ħdejja stennejtu għal ftit ħin mhux ħażin jispiċċa d-diskursta li kien għaddej biha ma’ Stephen Azzopardi. Konxju li Stephen jafni sew, ma niskantax jekk kien qiegħed jgħidlu kif għandu jirrispondi għal ċerti domandi.
Lucian baqa’ l-istess bniedem mistħi u forsi kwiet iżżejjed. Kellu stil ta’ xagħar twil sa aktar minn nofs dahru. Illum qatgħu għal kollox. Madankollu, aktar milli konvint li baqa’ popolari ħafna man-nisa ta’ Malta. Tkun l-ewwel ħaġa li ninnota fih u kellimtu fuqha. Ngħidlu li hekk m’għadux sexy kif kien fil-passat. Jidħak kemm jiflaħ qabel ma jirrispondi…
“Iva, qtajtu. Issa qed nikber. M’għadnix żagħżugħ. Għadni sexy, imma!”
Jgħidli li martu u ibnu reġgħu ġejjin jgħixu pajjiżna nhar il-Ġimgħa.
“Erġajt se nibda ngħix f’Malta almenu sakemm jispiċċali l-kuntratt ma’ Sliema Wanderers. Inutli naħbi u ma ngħidlekx li l-pajjiż jogħġobni. Iżda l-futur ma nafux. Min jafu għadha? Qatt ma bsart li kont se nerġa’ niġi Malta iżda llum qiegħed hawn.”
Lucian Dronca twieled fit-30 ta’ Mejju 1973 f’Arad fir-Rumanija, post b’popolazzjoni ta’ anqas minn 200,000 ruħ. Miżżewweġ lil Carina u missier Ra-Naar, tifel ta’ 6 snin li twieled f’Malta meta missieru kien għadu taħt kuntratt ma’ Birkirkara.
“Il-futbol huwa ħajti u xogħli. L-ikbar sodisfazzjon f’ħajti hu li l-iktar ħaġa li kont inħobb irnexxielhi nagħmilha xogħli. Minn ta’ età żgħira kont noħlom li nsir plejer professjonali. Naħseb li rnexxieli u għalhekk nista’ ngħid li l-ambizzjonijiet li kelli lħaqthom.
“Iffissat fuq il-futbol. Forsi iżżejjed u għalhekk li ta’ din l-età għadni nilgħab. Inqisni persuna li nħobb naħseb biss fit-tajjeb tal-ħajja. Meta jkun hemm xi ħaġa li magħha għandha t-tajjeb u l-ħażin naħseb u nitkellem biss fuq it-tajjeb. Huwa parti mill-karattru tiegħi.”
Lucian jirrakkuntali fuq żogħzitu. Jgħidli li beda jilgħab il-futbol minn meta kien għadu tifel sakemm ġie Malta għall-ewwel darba u reġa’ ġie ftit tal-jiem ilu wara esperjenza f’Singapore.
“Bdejt meta kelli 13-il sena fir-Rumanija. Lgħabt sa 23 sena ma’ Arad. Lgħabt żewġ staġuni fl-Ewwel Diviżjoni u erba’ oħra fit-Tieni Diviżjoni. Imbagħad mort tliet snin nilgħab fil-Kroazja u tliet snin oħra fil-Ġermanja.
“Malta ġejt għall-ewwel darba fl-2001 ma’ Birkirkara. Kien kolp ta’ fortuna kemm għalija u kemm għal Birkirkara bil-mod kif spiċċajt hawn. Dak iż-żmien kien Alfred Cardona l-kowċ. Warajh ġie Stephen Azzopardi. Għamilt tliet snin u nofs ma’ Birkirkara. Issa dak sar passat għalija. Irrid naħseb u nikkonċentra biss fuq is-Sliema.
“Kont qed nilgħab f’Singapore u wara tliet snin u nofs spiċċali l-kuntratt. Jien u Stephen Azzopardi bqajna dejjem fil-kuntatt. Tkellimna u erġajt aċċettajt niġi hawn l-aktar għax kont naf diġà xi kwalità ta’ kowċ hu.
“Malta gżira żgħira, xemxija u mdawra b’baħar mill-isbaħ. Hawn nies twajba ħafna u jogħġobni l-istil tal-Maltin. Immur fejn immur se nibqa’ niftakar f’Malta tul ħajti kollha.”
L-impressjoni li nieħu ta’ Lucian hija li jobgħod jipparaguna. F’intervista ta’ kważi siegħa dejjem evita li jipparaguna xi ħaġa ma’ oħra, tkun xi tkun. Hekk jagħmel meta nistaqsih fuq id-differenza li jara bejn Birkirkara u Sliema Wanderers.
“Żewġ klabbs kbar għad daqs tal-pajjiż. Probabbli hemm differenzi bejn it-tnejn iżda ma nixtieqx nagħmel paraguni. Ma jkunx professjonali għalija. Niddejjaq inqabbel. Int qed tagħmel xogħlok iżda prova ifhem li għalija mhix professjonali.”
Ikellimni fuq Sliema Wanderers. Fuq dan ma jisibx oġġezzjoni li jirrispondi b’kumdità kbira.
“L-aspirazzjonijiet tagħna huma għoljin ħafna. Bħalissa qed nippruvaw intellgħu l-livelli tagħna sakemm ikun kuntent il-kowċ. Nemmen li nistgħu nirbħu l-unuri. Dan it-tim b’saħħtu biżżejjed. Hemm ħafna talent u taħlita tajba bejn il-veterani u ż-żgħażagħ. Jien nasal biex ngħidlek li anki l-istaff tekniku u l-Kumitat jimxu b’mod professjonali ħafna. Żgur li rridu nirbħu l-unuri b’dan it-tim.”
Ngħidlu jekk hux konxju li hu fost l-aqwa barranin li qatt ġew jilagħbu pajjiżna u xi tkun ir-reazzjoni tiegħu meta jisma’ diskors bħal dan.
“Veru li huwa ta’ unur kbir li nisma’ d-diskors li jien wieħed mill-aqwa barranin li qatt ġew Malta. Iżda ma nistax nibqa’ ngħix fil-passat. Irrid naħseb fil-preżent. Żgur li meta jikber plejer jista’ biss innaqqas u mhux iżid. Se nipprova nagħmel minn kollox biex tal-inqas inżomm il-livelli li kelli.
“Sakemm tkun għadek komdu tilgħab biż-żewġ saqajn ma naħsibx li huwa ta’ żvantaġġ għax ikollok ftit taż-żmien. Difensur, minbarra l-veloċità u s-saħħa jrid ikollu s-sens u jaf il-logħba. Irid jobsor x’ikun ġej. Irid teknika tajba biex ibiegħed il-periklu kemm jista’ jkun mingħajr inkwiet żejjed.”
Nitolbu l-opinjoni tiegħu fuq l-aqwa plejer Malti li qatt lagħab miegħu jew kontrieh fil-kampjonat tagħna.
“Ma tantx nista’ ngħidlek bħalissa. Ili hawnhekk ftit wisq. Iżda nista’ ngħidlek li bla dubju l-aktar wieħed veloċi huwa Michael Mifsud. Niftakru mas-Sliema meta jien kont ma’ Birkirkara. Għandu potenzjal enormi. Anqas nista’ ngħidlek x’inbidel minn dak iż-żmien sa llum għax kulma ili hawn żewġ logħbiet biss.”
Sakemm naslu biex nikkonkludu jinqalgħu aktar kollegi fit-tim tiegħu li jiddeċiedu jpoġġu viċin tagħna. Kollha kienu għadhom kif lestew mill-eżerċizzji fiżiċi tagħhom.
Fih ninnota bħal qisha biża’ li mhux jirrispondi b’kumdità l-mistoqsijiet tiegħi. Nemmen li l-ġurnalisti m’humiex l-ikbar ħbieb tiegħu.
“Le, mhux qed nibża’ nkellmek. Ma nħobbx nitkellem jekk ma nkunx ċert. Mhux ma nħobbx il-media iżda nħalli lill-attakkanti jidhru qabli. Għax huma jiskurjaw! Jien id-diskors tiegħi nħobb nagħmlu biss fil-grawnd. Il-mod kif nilgħab huwa biżżejjed. M’hemmx għalfejn noqgħod nitkellem fil-media.”
Imma possibbli ma rajt xejn jinbidel f’Malta minn dak iż-żmien li tlaqt sal-lum li erġajt ġejt lura?
“Li jien żgur minnu hu li hawn ħafna kowċis iżgħar miż-żmien l-ieħor. Nemmen li hawn aktar ħajra għall-futbol Malti u kull fejn tmur id-diskors jibqa’ dejjem l-istess wieħed li kulħadd jitkellem fuq il-futbol.”
Lucian ma jirrispondinix meta nistaqsih min jaħseb li hu l-aqwa difensur tal-mument iżda jagħtini isem fuq min hu l-aqwa plejer inġenerali.
“L-aqwa difensur iebsa ngħidlek. Iżda l-aqwa plejer tad-dinja ngħidlek li hu Cristiano Ronaldo. Iżda żgur li Messi u Ronaldhino jiġu warajh. It-tifel tiegħi jgħidlek li Ronaldhino l-aqwa wieħed.”
Nistaqsih opinjoni l-għala jaħseb li mir-Rumanija m’għadhomx joħorġu dawk il-plejers ta’ klassi mondjali kif kienu darba.
“Ma nafx x’nirrispondik. Ir-Rumanija kellha plejers kbar imma bħal donnu l-problema ġejja mill-federazzjoni tagħna. M’għadx hemm dawk iż-żgħażagħ li kienu jitilgħu qabel. Fiż-żmien tiegħi meta kont fit-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena niftakar plejers kbar li ħadu fama mondjali. F’moħħi jiġini Georgie Haji. Fir-Rumanija huwa meqjus bħala l-aqwa plejer ta’ kull żmien. Inqisuh bħala l-Maradona tar-Rumanija.”
Lucian Dronca jibgħat messaġġ aħħari lill-partitarji Slimiżi u jirringrazzja lill-Kumitat tal-Blues għall-fiduċja li wrew fih.
“Nispera li din is-sena nirbħu unur biex inkun nista’ niddedikah lin-nies ta’ Tas-Sliema. Jekk ma nirbħux il-kampjonat forsi nirbħu t-Trophy. Nixtieq li jibqgħu jiġu jarawna l-grawnd. Ninsabu tim magħqud u l-ispirtu li hemm bejn il-plejers iżidilna l-għaqda.
“Nixtieq nirringrazzja lil Stephen Azzopardi u lill-Kumitat ta’ din l-opportuinità li reġgħu tawni. Nispera li nħallas lura l-fiduċja li wrew fija.”

Intervista
Il-volontarjat taħt regoli ġodda

Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain




Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President



Carmelo Mifsud Bonnici
Mur għidilhom



Joe Ellis
Baħrin tal-maltemp



Toni u Peppi
Barak Obama: bidla għall-aħjar jew għall-agħar?


Pauline Miceli
X’jgħidulna ċ-ċertifikati

Joe Cassar
Il-politika u lil hinn minnha


Il-Punt - Esther Sant
Il-kanċer tas-sider f’Malta. X’baqa’ xi jsir?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan