Pjazzetta | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Adrian Grima
“għajnejk nifduna
bil-qerq tas-sewwa tiegħek –
kollox pulitka”
Ħajku 79
“fin-nofs imrassa
b’ingassa mal-fruntiera –
il-Lebaniżi.”
Ħajku 82
Impossibbli taqra l-poeżiji l-ġodda ta’ John P. Portelli, Taħt iċ-Ċirasa / Under the Cherry Tree, mingħajr ma taħseb fil-massakru li sar min-nies ta’ Gaża mill-armata Iżraeljana, l-unika superpotenza militari u nukleari fil-Lvant Nofsani, bejn l-innijiet tal-Milied u l-inawgurazzjoni trijonfali tal-Presidenza ta’ Barack Hussein Obama.
Impossibbli twarrab il-konklużjoni loġika li dan il-massakru seħħ biex politiċi Iżraeljani jirbħu l-elezzjonijiet ġenerali tagħhom u r-reġimi mhux demokratiċi Għarab, bħall-Eġittu, dawk li l-Istati Uniti ssejħilhom “moderati,” jipproteġu d-dittaturi u d-dittatorjati tagħhom.
Għax f’Taħt iċ-Ċirasa, it-tieni ġabra ta’ Portelli, professur Malti-Kanadiż tal-Filosofija tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Toronto, hemm rabja kontra dinja li fiha l-bnedmin jabbużaw mill-poter politiku u ekonomiku tagħhom biex jibnu l-imperi tagħhom fuq il-fdalijiet li jħalli t-tifrik ta’ ħaddieħor.
F’Nagħdab u f’xogħlijiet oħrajn, il-poeta jeħodha qatta bla ħabel kontra n-neoliberiżmu: kontra r-regoli li jfasslu d-diriġenti sinjuruni tal-kumpaniji l-kbar biex iħarsu l-interessi tagħhom kontra dawk li ma jifilħux jiqfulhom; kontra l-ipokreziji tal-mexxejja li jipprietkaw mod u fil-ħajja pubblika u privata tagħhom jagħmlu mod ieħor; kontra “l-individwaliżmu esaġerat” li jinkoraġġixxi lil dawk li jifilħu biex iħawlu huma u jiġu jaqgħu u jqumu mill-ġid komuni; kontra l-individwi u l-establishment politiku u ekonomiku li ħsiebhom biex iberrdu u jitfu l-għadab ta’ dawk kollha li jispiċċaw minn taħt f’sistema inġusta; kontra l-vanġelu tal-konsum u l-illużjoni li l-kapitaliżmu joffri libertà u għażla ħielsa.
Portelli jagħdab kontra dan kollu mhux biss bil-passjoni tal-intellettwali li ma jaħsilx idejh mir-responsabbiltajiet li għandu lejn uliedu u lejn is-soċjetà inġenerali, imma anki bil-konvinzjoni infurmata u ffurmata ta’ filosfu u edukatur li l-għadab biss, dak li jifqa’ “l-għata / marida” (Benninni), dak li jheżżeż “ir-regħba / setgħana / li toħnoq / kull ħjiel / ta’ ħajja / ferħana” (Ix-Xita), għandu l-ħila jbiddel l-istatus quo u jsewwi l-inġustizzji individwali u strutturali.
Il-bejgħ, ix-xiri u l-gwerra
In-neoliberiżmu jipponta fuq il-kontroll tal-kollettiv permezz tal-individwu (“hawn ħadd ma jista’ għalina,” Dak in-Nhar), fuq il-kontroll tal-ħsibijiet, ix-xewqat u l-istinti tiegħu, u għaldaqstant jibża’ li l-manipulazzjoni tiegħu tista’ taħrablu minn idejh u tittrasforma ruħha f’għadab kontra s-sistema. In-neoliberiżmu jrid il-kwiet; l-għadab (dak li ma jinxtarax, la bil-flus u lanqas biċ-ċejċa tal-poter) hu l-għadu ewlieni tiegħu għax iqalleb l-ilma qiegħed u l-ftit li jkunu fuq jissugraw li jispiċċaw isfel, bħall-maġġoranza.
Għalhekk ir-riċetta tal-president Amerikan George W. Bush lill-poplu maħsud tiegħu wara l-atti terroristiċi tal-11 ta’ Settembru, 2001, kienet ixtri u insa, biex ir-rota tibqa’ ddur u ma jinbidel xejn. Il-bejgħ, ix-xiri u l-gwerra jimxu id f’id. Għax f’idejn dawk li għandhom il-poter, il-gwerra hi mezz ta’ kontroll, konferma u tisħiħ tal-poter morali u politiku, u għalhekk ekonomiku, tagħhom (bħal fil-gwerra tal-Iżrael kontra l-Libanu fis-sajf tal-2006 li tissemma f’Iż-Żwieġ, Maqbuda u l-ħajku nru. 82). Din hi gwerra maħsuba, ikkalkulata, razzjonalizzata.
U forsi għalhekk ukoll, l-Iżrael ta’ llum, wara 22 jum ta’ bumbardament bla ħniena ta’ nies bħalna li ilha tifgahom fil-ħabs li ħolqitilhom f’Gaża mill-2006, trid tiddeċiedi kif jintefqu l-flus li se jibnu mill-ġdid dak li farrket bil-bombi hi stess. Hekk tkun il-prepotenza tal-poter. Hekk trid il-kompliċità ta’ reġimi Għarab suppost ħbieb.
Spirtu Ħieles
Il-gwerra li jibża’ minnha n-neoliberiżmu hi dik li tinbet bla kontroll, fi ħdanu, kontrih u kontra l-interessi tiegħu. U din il-gwerra hi sikwit riżultat ta’ moħħ li jimraħ, bħalma jagħmel Portelli f’Jimraħ il-Moħħ, għax spirtu verament ħieles jibqa’ jistaqsi sakemm isib tweġiba konvinċenti u jekk iħoss il-ħtieġa qalila li jiżbroffa “mir-rassa” ebda kliem ħelu ma jżommu.
Il-ktieb ġie ppubblikat bl-għajnuna finanzjarja tal-uffiċċju tal-BOV f’Toronto u l-qligħ jingħata lill-knisja tal-Maltin f’Toronto li ilha tgħin lill-emigranti mill-1930. Il-ktieb jinxtara mingħand il-PEG fuq www.peg.com.mt jew billi ċċempel 21440083.
Dr. Adrian Grima hu senior lecturer fil-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Żur
www.adriangrima.com
|
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|