Pauline Miceli | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Iċ-ċertifikati huma l-kejl li bihom iż-żgħażagħ jikkwalifikaw biex jidħlu għal korsijiet ta’ studju fi skejjel post-sekondarji u istituzzjonijiet ogħla fosthom l-Università. L-għażla tal-istituzzjonijiet li joffru xi tip ta’ taħriġ vokazzjonali jew akkademiku qegħda dejjem tikber. In-numru ta’ studenti li qegħdin jimirħu iktar ’il bogħod u jfittxu universitajiet jew kulleġġi barranin qiegħed ukoll jiżdied. Hemm uħud li jsibu l-kwalifiki meħtieġa mill-Università tagħna wisq ibsin u għandhom il-mezzi finanzjarji u jafu preċiż xi jridu.
Madankollu l-biċċa l-kbira ta’ l-istudenti li jispiċċaw l-iskola sekondarja jkunu għadhom bejn ħaltejn liema linja ta’ xogħol jew studju jridu jaqbdu. Uħud ibiddlu kemm is-suġġetti kif ukoll l-iskola fejn jattendu għax jew jiskopru interessi ġodda jew għax forsi x-xewqat u l-fantasiji tat-tfulija, ma jibqgħux jappellaw.
Iċ-ċertifikati jistgħu juruna kemm dik it-tifla taf tikteb bl-Ingliż, jew kemm taf Bioloġija iżda ftit jirriflettu l-ħiliet u l-livelli miksuba mill-istudenti tul it-12-il sena ta’ attendenza fl-iskola. Bosta huma ż-żgħażagħ Maltin li fil-lingwi, per eżempju, jafu jiktbu u jesprimu rwieħom sew fil-kitba imma jbatu mmens biex imbagħad jitkellmu. Konsegwentement jingħalqu iktar fihom infushom meta fl-istess klassi jkun hemm żgħażagħ oħra bi lsienhom ħafif għall-Ingliż għax ikunu trabbew f’ambjent fejn jitħaddmu ż-żewġ ilsna. Rifless ta’ klassijiet soċjali? Nuqqasijiet fil-metodu tat-tagħlim? Kultura? Probabbilment taħlita tagħhom ilkoll.
Iċ-ċertifikati ma jgħidu xejn dwar l-iżvilupp sħiħ tal-persuna. Ftit juruna x’tabilħaqq jafu dawn iż-żgħażagħ. Niltaqgħu ma’ studenti b’riżultati brillanti li joqogħdu lura, bla stima ta’ xejn tagħhom infushom, jibżgħu iħarsu lejk, la jafu jitkellmu u lanqas jaħsbu. Imbagħad ikollok oħrajn li bil-mod kif jippreżentaw irwieħhom taħsibhom xi professuri. Jew l-isbaħ tad-dinja. Tul is-snin naħdem maż-żgħażagħ nibqa’ mistgħaġba bil-ħiliet u t-talenti ta’ wħud li jigu għandna bi ftit ċertifikati biss. Il-kwalitajiet sbieħ joħorġu l-iktar f’attivitajiet extra-kurrikulari organizzati mill-istudenti nfushom jew fi klassijiet tad-drama. Dawn iħallu l-ikbar impatt fuqna l-edukaturi u fuq sħabhom stess u jqawwulna qalbna.
Wara bosta snin nitkellmu dwar l-assessjar tal-istudenti fl-iskola bdejna resqin biex fl-aħħar nimplimentaw sistema ta’ assessjar iktar wiesgħa minn sempliċi eżamijiet tradizzjonali tal-kitba kif nafuhom. Bl-assessjar formattiv mill-ewwel snin tal-iskola l-għalliema jibdew jgħinu lit-tfal jibnu l-portfolio tagħhom.
Dan jinkludi x-xogħol kollu li t-tfal jipproduċu fil-klassi, l-espressjoni artistika u lingwistika u wkoll ir-riżultati tat-testijiet formali li jibqgħu jingħataw. Il-kejl isir fuq il-livelli milħuqa f’kull stadju tal-edukazzjoni. Iċ-ċertifikat li jkunu jistgħu jingħataw fl-aħħar jinkludi wkoll il-ħiliet miksuba f’attivitajiet ta’ wara l-ħin ta’ l-iskola. B’hekk iċ-ċertifikati li jippreżentaw għad-dħul f’xi skola post-sekondarja, l-Università jew l-MCAST ikun jista’ jgħid ferm iktar dwar il-kapaċitajiet tal-istudenti minn dawk ippreżentati s’issa. Ir-realizzazzjoni ta’ din il-ħolma ta’ assessjar għad irridu narawha.
Iċ-ċertifikati ftit jgħidulna dwar il-kwalità ta’ edukazzjoni li qed noffru lit-tfal u liż-żgħażagħ. X’qed ngħallmuhom? Tagħrif bla siwi għall-ħajja? Ħafna dati u informazzjoni bl-amment li jintesew malli jingħalqu l-kotba? Kemm tassew qed niżviluppaw moħħ l-istudenti biex nagħmlu minnhom adulti li jafu jaħsbu b’moħħhom u mhux sempliċiment jirrepetu bħall-pappagalli dak li jkunu mġiegħla jitgħallmu mill-għalliema tul is-snin twal tal-iskola. Kemm qed nagħtuhom iċ-ċans jiftħu ħalqhom u jiċċalinġjaw dak li ngħidulhom?
Is-sistema edukattiva tagħna minn isfel sa fuq nett donnha tgħix taħt ombra. Fil-kinder hemm bosta li jġegħluhom jiktbu u joqogħdu bilqegħda bla ma jitniffsu. Jgħajtu minflok jitkellmu u jirraġunaw magħhom. Id-dar jgħajtu magħhom. Fil-primarja jgħajtu magħhom. Fis-sekondarja jgħajtu iktar magħhom. Sakemm ikissruhom b’mod li t-tfal jibżgħu jitkellmu u jgħidu kif jaħsbuha li ma jmorrux iqanqlu r-rabja tal-kbar. U nibqgħu sejrin hekk f’kull livell sa l-Università. Ma stagħġibtx meta dan l-aħħar kellna konferma uffiċjali mill-ombudsman tal-Università li qed jiskopri kemm l-istudenti jibżgħu jitkellmu u jilmentaw.
Biex inkun ġusta dan l-atteġġament lejn it-tfal u l-metodu ta’ tagħlim huma replika ta’ dak li nsibu f’bosta mill-familji. Huma fil-kultura tat-trobbija. Forsi għalhekk ftit naraw ribelljoni sana fiż-żgħażagħ tagħna. Minflok jirribellaw joħorġu mis-sistema u jarmu ċ-ċansijiet li jistgħu jieħdu biex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa.
Għax anke fis-sistema kif inhi hemm bosta għalliema u proġetti edukattivi li jistgħu jgħinuhom jikbru. Iżda mingħajr l-għodda tal-ħiliet meħtieġa biex jaċċessaw dak li qiegħed hemm għalihom flimkien mal-fiduċja fihom infushom inkunu qegħdin nipperpetwaw is-sistema. |
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|