MediaToday

Joe Ellis | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117

Baħrin tal-maltemp

Aħbarijiet tajbin saru rari ħafna bħalma kienet l-aħbar din il-ġimgħa tal-qligħ li ħabbar il-ġgant Amerikan, IBM. Dan il-ġgant li ilu li tilef il-kważi-monopolju li darba kellu fil-qasam tal-kompjuters (anzi ħareġ mill-manifattura tagħhom kompletament), irnexxielu jirbaħ problemi kbar u qiegħed ibassar li se jkollu sena tajba appuntu għax bosta se ikunu d-ditti li se ikollhom bżonn is-servizzi tiegħu biex jaqtgħu mill-ispejjeż.
Aħbar oħra ta’ din il-ġimgħa kienet li d-ditta tal-karozzi Taljana Fiat se tieħu sehem ta’ 35 fil-mija fid-ditta Amerikana Chrysler, ditta li ilha fix-xifer tal-falliment għal dawn l-aħħar 40 sena, kellha żewġ għajnuniet statali kbar u ilha tibdel l-idejn. Il-Fiat m’hi se toħroġ xejn flus għal dan is-sehem imma se tipprovdi t-teknoloġija li għandha biex il-karozzi tal-Chrysler isiru aktar ekonomiċi fil-konsum. Iż-żewġ ditti wkoll se jiddistribwixxu l-prodotti ta’ xulxin fl-aġenziji li għandhom.
Il-Fiat sa ftit snin ilu tant kienet f’qagħda tant ħażina li l-General Motors, sa ftit ilu l-akbar fabbrikant ta’ karozzi fid-dinja, ħallset penali ta’ żewġ biljun dollaru ħalli teħles mill-obbligu li kellha li tixtri l-ishma kollha tal-Fiat. Il-Fiat, taħt it-tmexxija għaqlija ta’ Sergio Marchionne u t-tim maniġerjali żagħżugħ li għaqqad, ma wettqitx mossa falza u bdiet tirkupra s-sehem tagħha tas-suq bi prodotti friski u nnovattivi.
Dawn il-manuvri industrijali u finanzjarji jfakkruna fil-logħba tal-Monopoly fejn filli wieħed ikun qed jakkwista l-proprjetà u filli jispiċċa l-ħabs jew ikollu jbigħ il-proprjetà. Din il-logħba ġiet żviluppata fi żmien id-Depressjoni l-Kbira tas-snin 30 minn nies li spiċċaw bla xogħol.
Logħba oħra li konna nilagħbu meta konna żgħar hi s-Snakes and Ladders fejn ukoll filli wieħed ikun tiela’ u filli wieħed jieħu tisbita u jispiċċa minn fejn beda.
L-għawġ finanzjarju li d-dinja għaddejja minnu jurina kemm hawn nuqqas ta’ ċertezzi fid-dinja li qed ngħixu. Sa ftit xhur ilu, fost il-pajjiżi li kienu meqjusa li għandhom ekonomija ferm tajba, konna nsibu lill-Irlanda u lill-Islanda. Kienu bosta l-kummentaturi li kienu jfaħħru s-suċċess ekonomiku ta’ l-hekk imsejħa “Tigra Keltika” bħala prova tas-suċċess tal-politika ta’ solidarjetà operata mill-Unjoni Ewropea – ċioè xmara li ma tispiċċax ta’ fondi li ntużaw biex il-livell ta’ għixien fl-Irlanda tjieb bil-bosta.
Anke l-Islanda, mill-banda l-oħra, kienet meqjusa bħala ekonomija żgħira li għamlet suċċess minkejja li dejjem irrifjutat li tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea. L-Islandiżi bdew jagħmlu investimenti konsiderevoli barra minn pajjiżhom u spiċċaw propjetarji ta’ negozji importanti, anke f’pajjiżna.
It-taqlib riċenti wera kemm l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi żgħar bħalna kellhom pedamenti zoppi. L-Islanda spiċċat falluta u titlob għall-għajnuna ddisprata minn hemm u minn hawn.
Riedet anke tadotta l-ewro mingħajr ma tkun membru tal-Unjoni. Bħall-Islanda, l-Irlanda spiċċat ukoll tinnazjonalizza bank ewlieni. Is-settur bankarju kollu hu mhedded minħabba li hu wisq espost għas-suq tal-proprjetà li fuqu kienet ibbażata ħafna mill-prosperità li deher li kellha l-Irlanda.
Ironikament hemm vuċi minn grupp żgħir ta’ Irlandiża li qed jitlob li l-pajjiż joħroġ mill-ewro u biex ħalli l-pajjiż ikollu l-libertà li jirristruttura ruħu kif l-Ingilterra qed tagħmel billi tħalli l-isterlina tiżvaluta ruħha.
Fil-fatt l-Ingilterra ntlaqtet ħafna minn din il-kriżi u s-settur bankarju tagħha hu f’qagħda tal-biki. Bosta banek qed jispiċċaw f’idejn l-istat jew f ’idejn kompetituri li ma tantx huma f’qagħda aħjar minnhom. Anke hawnhekk, it-tisbita fil-prezzijiet tal-proprjetà qed tħarbat il-kotba tas-self tal-banek. Il-banek qed joqogħdu lura milli jsellfu u qed iwaqqfu l-ekonomija Ingliża. F’dan il-frakass kollu l-mistoqsija naturali li tqum hi : fejn kienu r-regulaturi finanzjarji? Nafu li l-S.E.C. fl-Amerika ma bassritx il-kriżi tas-sub-prime u ma ndunatx bil-qagħda ferm vulnerabbli ta’ investment banks bħall- Merill Lynch u Lehman Brothers.
Il-kumpanija enormi ta’ assigurazzjoni A.I.G. spiċċat tixrob aktar minn 150 biljun dollaru f’fondi federali biex tibqa’ għaddejja (u spiċċat f’idejn il-Gvern). U ħadd ma xamm il-frodi enormi ta’ Madoff li allegatement jilħaq 50 biljun dollaru. Inkredibbli.
Imma anke r-regulatur Ingliż ma tantx ħareġ bl-unuri. Il-mudell regulatorja li bena 10 snin ilu Gordon Brown kien ibbażat fuq indipendenza fil-politika monetarja tal-Bank of England, l-istituzzjoni ta’ Financial Services Authority, biex tissorvelja l-operat tal-istituti finanzjarji u l-parteċipazzjoni tat-Teżor.
Dan il-mudell ċertament ma tax ir-riżultati mixtieqa: il-kriżi tan-Northern Rock kibret probabilment minħabba t-titubanza tal-Bank of England li jipprovdi likwidità lil dan il-bank bir-riżultat li eventwalment it-Teżor spiċċa jinnazzjonalizza l-bank.
Il-kriżi kompliet tikber bir-riżultat li l-Gvern ġiegħel lil-LloydsTSB jieħu lill- HBOS u RBS spiċċa kważi kollu tal-Gvern. RBS, bank li mid-dehra ħafna Maltin tilfu flus fl-ishma tiegħu, sena u nofs ilu kien wieħed mit-tliet banek li xtraw il-bank Olandiż ABNAmro. Xtraw bl-għoli meta s-suq kien qabad in-niżla u spiċċa f’qagħda insostenibbli.
Malta imitat il-mudell regolatorju Ingliż u għaldaqstant mistoqsija leġittima hi jekk dan il-mudell huwiex tassew l-aktar wieħed propizju. Jekk dan il-mudell falla b’mod daqshekk ċar fl-Ingilterra u fl-Irlanda, ċertament ma nistgħux nistrieħu fuqu.
Imma s-settur finanzjarju m’huwiex biss dak tal-banek, u r-regulatur finanzjarju jirregola wkoll il-ħruġ tal-ishma u tal-bonds fil-Borża. Għaldaqstant ikun ferm f’loku li l-Gvern jeżamina l-effikaċja tar-regolamentazzjoni f’dan il-qasam tant vitali – anke jekk l-orizzont jidher seren.
Il-kriżi finanzjarja dinjija qed tinfirex fis-settur industrijali u ekonomiku u d-domanda għall-prodotti qed tonqos b’mod impressjonanti. Il-Gvern s’issa ma ħassx il-ħtieġa li jniedi programm ta’ stimulu kif qed jagħmlu pajjiżi oħrajn Ewropej.
Jagħmel sew il-Prim Ministru li jitkellem b’kunfidenza dwar il-qasam ekonomiku għax l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel hu li jxerred il-pessimiżmu. Il-Ministru tal-Finanzi għamel mossa tajba meta għolla l-garanzija tal-Istat fuq id-depożiti bankarji għal € 00,000.
Imma t-terremot finanzjarju li qed jagħti lok għal tsunami ekonomiku se jolqotna fiċ-ċert u m’hemmx lok ta’ titubar.
Fuq kollox, pajjiżna huwa żgħir u jeħtieġ sforz kollettiv biex nissuperaw il-kriżi li qed tikber fuq l-orizzont. Il-Ministru tal-Finanzi ma jagħmilx ħażin li, flimkien mal-Oppożizzjoni, jagħżel grupp ta’ ekonomisti biex jissuġġerixxu l-politika li teħtieġ li tiġi adottata biex nissuperaw l-isfidi li se jiżviluppaw, sfidi li x’aktarx huma akbar minn dawk tad-Depressjoni l-Kbira.
Kif rajna, xejn m’hu żgur fid-dinja li qed ngħixu u ma trid xejn biex pajjiżna jitlef ir-rotta kif għamlu pajjiżi oħra.
Kunsill ekonomiku konsultattiv li jħaddan ekonomisti ta’ professjoni politika diversa huwa għodda li l-Ministru tal-Finanzi għandu jfittex li jkollu biex jevita li dan iseħħ.

Intervista
Il-volontarjat taħt regoli ġodda

Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain




Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President



Carmelo Mifsud Bonnici
Mur għidilhom



Joe Ellis
Baħrin tal-maltemp



Toni u Peppi
Barak Obama: bidla għall-aħjar jew għall-agħar?


Pauline Miceli
X’jgħidulna ċ-ċertifikati

Joe Cassar
Il-politika u lil hinn minnha


Il-Punt - Esther Sant
Il-kanċer tas-sider f’Malta. X’baqa’ xi jsir?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan