Joe Cassar | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Lil George Abela sirt nafu l-Università f’Tal-Qroqq. Ma konniex fl-istess kors imma fl-għadd tas-snin bejnietna kien hemm biss ftit xhur. Wara ż-żwieġ, George li kien iżżewweġ lil Margaret, skrivana l-Università, ġie joqgħod f’Margerita, Triq il-Palma, Ħal Tarxien. It-tnejn li aħna midħla tal-politika. Hu żamm il-vot fuq Ħal Qormi, raħal twelidu, imma martu kienet imniżżla fuq Ħal Tarxien u skont George, il-vot tagħha kien jiġi fuqi mill-ewwel.
Il-ħbiberija ssaħħet fil-Qorti. Wara s-seduti ta’ wara nofsinhar xi avukati kienu jmorru fil-ħanut ta’ Frans għall-kafè b’irħis. Kien jiġi Eddie Fenech Adami, mexxej tal-Oppożizzjoni, Karmenu Mifsud Bonnici, li kien għadu ma daħalx fil-politika u ħuh Mario, li kien jaf il-qoħob ta’ kulħadd.
Xi drabi jien u George konna nsibu rwieħna waħedna u dejjem ħajjartu biex jagħti sehem qawwi fil-politika billi joħroġ għall-elezzjoni. Kont nafu bħala bniedem ta’ onestà kbira, intelliġenti u għaqli, ħabib kbir ta’ Ġużè Abela ta’ Ħad-Dingli li kien miżżewweġ Ħal Tarxien.
Wara l-aħħar seduta tiegħi bħala maġistrat kont ħiereġ mill-Qorti u sibt ruħi wiċċ imb wiċċ miegħu. Għidtlu li l-mannara ta’ Liġi mhix imġedda kienet se twarrabni l-Ħadd li kien ġej (14 ta’ Jannar 2007).
Biċ-ċajt, bħal drabi oħra, żidt: “Nagħmlu partit flimkien”. Ilmaħt fil-qrib lil Stefan Zrinzo Azzopardi li staqsejtu jekk iridx jidħol magħna. Tbissimna. Kont imdejjaq għax kont naf li f’daqqa kont se nsib ruħi waħdi u bla xogħol wara snin twal ta’ ħidma.
U hekk iż-żmien jgħaddi f’biċċiet ta’ ħajja qawsalla ta’ lwien. Wara r-riżenja ta’ Alfred Sant, ħabib tiegħi wkoll, xtaqt li George isir mexxej tal-Partit Laburista u jwettaq il-bidla meħtieġa. Imma l-Mulej, minn George, nisrani prattikanti, xtaq ħaġ’oħra: tnissil ta’ għaqda fost poplu ċkejken mifrud.
Fis-17-il sena fil-Parlament ħadt sehem tliet darbiet għall-ħatra ta’ President tar-Repubblika: Pawlu Xuereb (aġent president) Ċensu Tabone u Ugo Mifsud Bonnici. Fit-13 ta’ Frar 1987 Eddie Fenech Adami ssekonda mozzjoni ta’ Karmenu Mifsud Bonnici biex l-Ispeaker Pawlu Xuereb isir President. Kien intlaħaq ftehim bejn il-partiti meta l-qagħda f’Malta ma kinitx kif mixtieqa.
Ma’ Pawlu Xuereb, li wara tani l-ġurament għall-ewwel ħatra tiegħi, sirt ħbieb sewwa. Kien ikellimni fuq bintu u jien kont ngħidlu fuq iż-żewġ uliedi. Oħt martu kienet miżżewġa Ħal Tarxien.
Fl-4 ta’ April 1989 ittieħed vot fuq Ċensu Tabone (35 kontra 34) li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin. Eżatt ħames snin wara l-Oppożizzjoni ma qablitx li jinħatar Ugo Mifsud Bonnici, Ministru tal-Edukazzjoni u Riżorsi Umani, li kien għadu relattivament żgħir imma vot ma tteħidx.
F’artiklu qasir f’Il-Ġens, ftit wara l-elezzjoni, ktibt li kellha ssir ħidma għall-għaqda fid-dawl tar-riżultat tal-elezzjoni. Semmejt pakkett: ħatra ta’ Speaker, ħatra ta’ President, pairing fil-Parlament, bdil fis-sistema elettorali.
Tgħid?
Aħjar nagħlaq hawn u nissokta darb’oħra. |
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|