Carmelo Mifsud Bonnici | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Mur għidilhom 1. Mur għidilhom lill-antenati tagħna, lil missirijietna, lil dawk li għaddew f’pajjiżna, lil dawk li kellhom xi saħħa fuqna li ġurnata minnhom il-mexxej tal-Maltin u l-Għawdxin kellu jkun f’Berlin jintlaqa’ b’idejn miftuħa. Mur għidilhom li ġewwa l-art tal-Kaiser, tal-Kanċilliera Otto van Bismarck, Konrad Adenauer, Helmut Kohl, kellu jasal u jiġi stmat fuq l-istess livell il-Prim Ministru ta’ dawn il-gżejjer. Għal uħud dan jista’ ma jiġix mogħti valur, però għal dawk li jaqraw u jħobbu l-Istorja, żgur mhux forsi, li dan għalihom fih piż kbir. Il-pajjiż tagħna huwa issa bl-istess vuċi fil-kapitli Ewropew daqs tal-oħrajn. 2. Ma hemmx dubju li ż-żjara uffiċjali u l-laqgħa ma’ Angela Merkel fil-Ġermanja huwa pass minn vjaġġ storiku. Preżenza, importanza u fl-istess ħin affermazzjoni ta’ pożizzjoni. Ir-rapport bejn iż-żewġ pajjiżi huwa mill-aqwa. L-ekonomija taż-żewġ Membri żammet sostanzjalment tajjeb. Il-kummerċ tul dawn l-aħħar xhur ma naqasx, anzi jidher huwa xprun ’il quddiem għall-istabbiltà f’din id-dinja. Ovvjament l-ankra Ewropea hija l-Ġermanja, li terġa’ b’popolazzjoni qawwija, jekk jiġi ratifikat it-Trattat ta’ Lisbona, se tkompli tasserixxi ruħha. Il-fus tal-politika Ewropea. 3. Fl-istess mument wieħed irid jirrikonoxxi li l-pożizzjoni politika ta’ Merkel issudat iktar f’dan il-perjodu. Dan fih iktar x’tomgħod wara snin ta’ stabbiltà u dominanza Franċiża li, terġa’, żdiedet fil-livelli bi presidenza tal-Unjoni Ewropea li tat opportunitajiet li Nicholas Sarkozy apprezza sew. Għax ma hemmx dubju li ż-żmien tah diversi kriżijiet li, f’kull waħda, irnexxielu b’xi mod, jintervjeni u jiżblokka. Dan ix-xenarju kien iktar u iktar imżejjen għax fil-Ġermanja l-koalizzjoni fil-Gvern ma kinitx qed tagħti s-saħħa politika li wieħed jipprevedi. Imma l-affarijiet inbidlu. 4. Dan għax il-Partit Demokratiku-Nisrani asserixxa ruħu fl-Istat ta’ Hesse b’rebħa elettorali verament interessanti. Ġewwa Frankfurt u Wiesbaden, il-Ħadd li għadda filgħaxija, xterdet l-aħbar li filwaqt li s-CDU telgħu b’1% għal 37.5%, il-Partit Soċjal-Demokratiku SPD niżel bi 13% għal 23.5% u affermazzjoni iktar qawwija tal-Partit Liberali, li minn 9.4% tela’ għal 16.8%. Dan fetaħ beraħ il-prospett ta’ Gvern ta’ koalizzjoni bejn il-Liberali FDP u d-Demokristjani CDU f’elezzjoni ġenerali futura b’Merkel f’pożizzjoni ta’ vantaġġ. Għax il-Kanċilliera fit-tmun tibqa’ b’din l-għaqda. 5. Iktar interessanti minn dan kien id-diskors tal-Prim Ministru tagħna fil-Europäisches Haus ta’ Berlin. Hemm huwa elenka b’mod mill-iktar ċar ir-rapport tal-impatt li kellha l-Unjoni fuqna wara ħames snin. Dan id-diskors huwa fih innifsu innovattiv u riflessiv. Dan hu l-ewwel wieħed li qiegħed isir minn fost il-Membri l-ġodda u t-tieni, huwa l-ewwel wieħed li qiegħed iħares fil-fond fuq dak li pajjiżna irnexxielu jirreġistra. Dan fih b’mod ċar il-vantaġġi ekonomiċi, id-dimensjoni politika tagħna fi ħdan l-Unjoni u fl-aħħar il-viżjoni tagħna għall-futur. Id-diskors huwa miżjud b’ideat ġodda li tajjeb jekk jiġi stampat jew ċirkolat. 6. Laqatni b’mod partikolari l-aħħar paragrafu li jgħid: “Malta, the smallest Member State of the European Union, is today a positive and reliable member not just of the European Union but also of the Euro area and of the Schengen zone. These developments have transformed Malta from a relatively isolated nation on the fringes of Europe to a frontrunner of European integration. In the years to come we shall continue alsong this path with a steadfast determination.” Mur għidilhom lil dawk li batew qabilna li kellna naslu s’hawn. Pajjiż li qiegħed jimxi ’l quddiem, determinat li jisfrutta kull vantaġġ. Poplu li qiegħed jagħraf iktar u iktar li ma għandu xejn inqas minn oħrajn.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan