MediaToday

Intervista | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117

Il-volontarjat taħt regoli ġodda

Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain

Kenneth Wain stqarr miegħi li meta nħatar Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji kien ilu ma jmiss ma’ waħda minn dawn l-għaqdiet minn meta kien Scout. Forsi għalhekk li jitkellem dwarhom b’għajnejh ileqqu bejn mistgħaġeb b’dak li sab u bejn mistħi li ma kienx apprezzahom kif jixirqilhom. Jew forsi għax minnu.
Jitkellem dwar l-Att dwar l-Għaqdiet Volontarji tal-2007 bħala “tappa importanti ferm għal dan is-settur li jifforma realtà ta’ importanza ekonomika, kulturali u soċjali liema bħala”.
“Taħt il-kappa ta’ għaqdiet volontarji, il-Liġi tiġbor kull xorta ta’ għaqda minn dawk kbar ħafna b’diversi impjegati u turnover ta’ flejjes kbar sa l-iċken każin tal-banda, għaqda ambjentali jew soċjali,” qalli Wain. “Sas-sena li għaddiet ma kienx hemm liġi li tirregola din ir-realtà”.

Għaqdiet ċertifikati
Staqsejtu jekk hemmx biża’ li l-liġi tista’ toħnoq jew ittellef. Nafu li għaqdiet jinbtu skont il-mument: min minnhom ikampa u jissoda u min jgħib wara ftit.
“Il-liġi hi maħsuba biex tirregola u biex tiffaċilita x-xogħol għal dawn l-għaqdiet u mhux biex tfixkilhom. Flimkien mal-Kunsill jien narah dmiri li naqdihom u nipprovdilhom qafas li fih jistgħu jkunu iżjed koerenti u effettivi.
“Bħalissa għadna fil-bidu iżda l-policies li jitfasslu mill-Kummissarju flimkien mal-Kunsill huma mmirati li jippermettu iżjed trasparenza u għalhekk fiduċja f’min ikun irid jaħdem ma’ dawn l-għaqdiet: il-Gvern, għaqdiet oħra, istituzzjonijiet Ewropej, entitajiet kummerċjali u l-pubbliku.
“Għandu jingħad ukoll li r-reġistrazzjoni tibqa’ ħaġa volontarja: min jidhirlu li tkun ta’ ngombru għalih hu u jibda jew min ma jarax li hemm xi vantaġġ għall-għaqda tiegħu mhux imġiegħel jirreġistra
“Bħalissa għadna fl-istadju tal-capacity building naraw kif u kemm ser nimpjegaw nies iżda f’moħħi għandi dejjem li ma ndumux ma nkunu f’qagħda li ngħinu sew biex l-għaqdiet isibu għajnuna biex jiffaċċjaw problemi maniġerjali, ta’ kontroll ta’ finanzi u biex jidħlu għall-proġetti. Għandi f’moħħi li nkunu nistgħu nipprovdu wisgħa fl-uffiċċju għal xi għaqdiet li jkollhom bżonn ta’ post fejn jiltaqgħu.”
X’jieħdu l-għaqdiet li jirreġistraw mal-Kummissjoni?
“Wara li jagħmlu l-proċess ta’ reġistrazzjoni jinħarġilhom Numru ta’ Ċertifikazzjoni li bih jikkwalifikaw għal eżenzjoni mit-taxxa, għall-fondi tal-Gvern u biex jieħdu sehem fil-proġetti tal-UE. Ħadd mhu mġiegħel jinkiteb iżda min ma jinkitibx ibati ċerti żvantaġġi. Biex għaqda tinkiteb mal-Kummissjoni trid tippreżenta kopja tal-istatut tagħha u mozzjoni ta’ awtorizzazzjoni għal din ir-reġistrazzjoni flimkien ma’ stqarrija tal-kontijiet tagħha. L-għaqdiet kbar ikollhom jippreżentaw il-kontijiet verifikati minn awditur.
“Bħalissa għaddejjin minn proċess biex niffissaw kriterji iżjed ċerti għar-rapporti li jkun hemm bżonn li jsiru fis-snin ta’ wara l-ewwel reġistrazzjoni”

Il-Kunsill
U min huma l-membri tal-Kunsill?
“Il-Liġi ħasbet għall-Kunsill u mhux għall-Kummissarju waħdu bħalma hemm f’pajjiżi oħra għax kien hemm xi biża’ li Kummissarju mingħajr Kunsill kien ikollu wisq saħħa. Il-membri tal-Kunsill jinħatru b’approvazzjoni tal-Kumitat tal-Kamra tad-Deputati dwar l-Affarijiet Soċjali. Ma jistgħux ikunu deputati jew impjegati tal-Gvern.”
Dan igħodd għall-għaqdiet ukoll?
“L-awtonomija mill-Gvern hi importanti. Dawk l-għaqdiet li ma jkunux awtonomi mill-Gvern jingħataw ċertifikazzjoni iżda jingħataw żmien biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Jistgħu jingħataw proġetti mill-Gvern jew igawdu mill-impjieg ta’ nies seconded minn mal-Gvern iżda mhux flus. Il-mod kif iħaddmu flushom u l-amministrazzjoni tal-għaqda jridu jkunu kompletament f’idejhom”

Demokrazija interna
Dortlu għall-kwistjoni tad-demokrazija interna. Mhix l-ewwel darba li smajna b’xi għaqdiet iddominati minn xi personalità qawwija li ma tkunx trid terħi l-poter jew li tabbuża mill-poteri tagħha.
“Skont il-liġi l-Kummissarju għandu s-setgħa li jinvestiga l-ilmenti ta’ membri tal-għaqdiet ukoll ta’ dawk l-għaqdiet li ma jkunux inkitbu mal-Kummissarju kemm jekk il-fondi tal-għaqda ma jitħaddmux kif jixraq, kemm jekk l-istatut ma jkunx rispettat. Fejn ikun xieraq nista’ wkoll noffri l-medjazzjoni u fejn tippermetti l-Liġi nista’ nagħti direttivi jew nimponi multi. F’każ ta’ deċiżjoniiet bħal dawn hemm ukoll id-dritt ta’ Appell lill-Bord tal-Appell”
Staqsejti x’impressjoni għandu ta’ dan is-settur wara sena fil-kariga
“Għadna lanqas bdejna. Għalkemm inkitbu mal-200 għaqda dawn huma biss ftit mill-għaqdiet li jeżistu u jaħdmu f’Malta. Għandna ħafna nies impenjati f’ħafna xogħlijiet ta’ ġid.”
Jara li hemm fejn hemm xi nuqqasijiet li nistgħu nneħħu?
“F’xi għaqdiet, u anke bejniethom, ġieli jinqalgħu problemi ta’ territorjaliżmu, min ma jridx li xi ħadd jidħollu fl-għalqa tiegħu jew kompetizzjoni żejda bejn għaqdiet li jaħdmu fl-istess settur.”

Ġbir ta’ fondi
Dan l-aħħar smajna b’regoli ġodda dwar il-ġbir ta’ fondi fil-mezzi tax-xandir maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir. Kien hemm id il-Kummissarju f’din il-biċċa xogħol?
“Iva. Għalkemm ilha li saret il-liġi dwar il-ġbir ta’ fondi mill-pubbliku sibna li kienet injorata minn kulħadd. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Pulizija u mal-Awtorità tax-Xandir biex il-ġbir isir skont regoli ċari. Il-pubbliku għandu jkollu moħħu mistrieħ li jingħata kont tal-fondi li jiġabru. Jidher li l-Pulizija ma kellhiex ir-riżorsi biex tħaddem il-liġi u tant ilha minsija li ħafna nies lanqas kienu jafu li kellhom bżonn ta’ liċenzja mill-Pulizija biex jagħmlu ġabriet minn dawn.
“Xogħolna hu li ngħinu. Għalhekk dawk l-għaqdiet li jirreġistraw magħna ma jkollhomx bżonn ta’ liċenzja tal-Pulizija iżda jkollhom jagħmlu rapport dwar il-ġbir. Bħalissa meta ninnutaw li xi ħadd qiegħed jagħmel kampanja għall-ġbir tal-fondi mingħajr liċenzja niġbdulhom l-attenzjoni li jmisshom juru jew in-numru tal-liċenzja tal-Pulizija jew in-numru ta’ ċertifikazzjoni tal-għaqda volontarja.
“Min jagħmel ġabra taħt il-liġi oriġinali jrid japplika għand il-Pulizija u fi żmien erba’ ġimgħat minn meta tintemm il-kampanja ta’ ġbir jirreklama f’żewġ gazzetti l-ammont li jkun ġabar u fi żmien ħmistax jippreżenta rapport flimkien ma’ kopji tar-reklami li jkunu dehru fil-gazzetti.
“Min jirreġistra mal-Kummissjoni jgawdi minn proċedura iżjed sempliċi. B’dan il-mod jinkixfu ukoll dawk li jabbużaw mill-fiduċja tan-nies bi ġbir qarrieqi. B’hekk igawdi s-settur kollu kemm hu.”

Tiġdid tas-settur
Staqsejtu dwar xi tendenzi li jarahom jaffettwaw lil dan is-settur. Iż-żagħżagħ qed isibu ħin għas-settur tal-volontarjat? Bħalma kienu dari?
“Dan hu suġġett li jitlob riċerka apposta u jixraq li niddedikaw enerġiji u riżorsi biex is-settur tal-għaqdiet volontarji jkun jista’ jiġġedded b’nies ġodda u iżjed żgħażagħ. Hemm bżonn ta’ politika komuni mfassla bejn is-setturi tal-politika soċjali, edukazzjoni u sports biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Bħalissa hemm nuqqas ta’ tagħrif: l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika m’għandux statistika aġġornata fuq dan is-settur u għalhekk m’hemmx bażi sura biex titfassal politika apposta.
“Xogħol bħal dan isir bħala parti mill-pjan strateġiku li qiegħed jitħejja fl-2009 u bih inkunu nafu jekk il-baġit li ngħatajna jkunx biżżejjed għall-ħidma li dħalna għaliha. Soċjetà ċivili b’saħħitha tiżgura li jkollna demokrazija b’saħħitha u dan jidher li jagħrfu sew l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali li jagħtina appoġġ importanti.”

Il-partiti politiċi
Qed issemmi d-demokrazija u l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali u tfakkarni li l-partiti politiċi wkoll jistgħu jingħaddu mal-għaqdiet volontarji, privati u awtonomi mill-Gvern. Dawn jidħlu taħt l-awtorità tal-Kummissjoni? F’pajjizi oħra l-partiti politiċi jingħataw finanzjament mill-fondi pubbliċi u ma jingħaddux mas-settur tal-volontarjat. Kif se taħdem mal-partiti politiċi?
“Dan hu suġġett daqsxejn delikat u diġà għandi l-ħsieb li niltaqa’ mal-partiti politiċi bħala parti mix-xogħol tiegħi. Naqbel li l-partiti politiċi għandhom ikollhom finanzjament pubbliku u jsegwu regoli ċari. Bħalissa jgawdu minn eżenzjonijiet speċjali u vantaġġi żleali fil-kompetizzjoni li jagħmlu lis-settur tal-volontarjat.”

Il-Knisja
Realtà importanti oħra f’dan il-kamp hi l-Knisja bil-ħafna għaqdiet u entitajiet tagħha, dinja għaliha. Kif jaħbat magħha l-Kummissarju?
“Diġà ltqajt mal-Knisja biex nitkellmu dwar id-diffikultajiet li niffaċċjaw. Minħabba direttiva li ħarġet il-Kurja l-ebda għaqda tal-Knisja ma nkitbet mal-Kummissjoni sakemm issir kjarifika tas-sitwazzjoni. Għalhekk il-Knisja m’għandhiex min jirrappreżentaha fil-Kunsill.
“Hemm bżonn ta’ xi kjarifika tal-liġi f’xi aspetti u fassalna xi proposti iżda għad m’għandniex risposta dwarhom. Madankollu jidhirli li għal dawk l-għaqdiet reliġjużi li jaqgħu b’mod ċar taħt il-liġi m’għandux ikun hemm diffikultà. Din hi realtà ġdida li teħtieġ adattament bil-mod. Minħabba esperjenzi fl-imgħoddi, jinqalgħu suspetti u biżgħat li jkollna nindirizzawhom flimkien. Forsi trid iż-żmien biex tindara li l-Kummissarju hu indipendenti mill-Gvern.”

Indipendenza mill-Gvern
Kemm hu indipendenti u kemm għadha friska ż-żebgħa tal-Kummissjoni kollha kemm hi joħroġ mill-fatt li l-membri tal-Kunsill jinħatru minn nies attivi f’għaqdiet reġistrati u oħrajn li m’humiex reġistrati minn amministraturi ta’ għaqdiet u minn benefatturi. Għalkemm dawk nominati jkunu approvati mill-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali, Wain stqarr li l-proċedura ħoloqha hu.
“Fir-Rapport Annwali li għandha tħejji l-Kummissjoni għandhom isiru dawk il-proposti ta’ emendi tal-liġi li nkunu rajna li hemm bżonnhom tul is-sena. Għadna fl-ewwel stadji tal-ħidma tagħna u għadna qed niskopru din ir-realtà u dak li teħtieġ.”

Muntanja moħbija
L-impressjoni li ħadt jien hi li kieku ma dħalniex fl-UE ħadd ma kien se jħabbel rasu biex jaħtar Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji jew jgħaddi xi liġi dwarhom. Ħafna għaqdiet talbu li tiddaħħal sistema ta’ registrazzjoni għaliex mingħajr dan ir-rikonoxximent uffiċjali ltaqgħu ma’ diffikultajiet serji meta ġew biex jieħdu sehem f’xi programmi tal-UE.
Hekk, kważi bla ħsieb, ersaqna biex nesploraw u niddokumentaw is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna li nistgħu nqabbluh ma’ muntanja moħbija taħt il-baħar. Forsi bis-saħħa ta’ din il-liġi u bil-ħidma tal-Kummissarju Wain se nibdew nifhmu kemm hu importanti għalina lkoll dan is-settur.

 

Intervista
Il-volontarjat taħt regoli ġodda

Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain




Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President



Carmelo Mifsud Bonnici
Mur għidilhom



Joe Ellis
Baħrin tal-maltemp



Toni u Peppi
Barak Obama: bidla għall-aħjar jew għall-agħar?


Pauline Miceli
X’jgħidulna ċ-ċertifikati

Joe Cassar
Il-politika u lil hinn minnha


Il-Punt - Esther Sant
Il-kanċer tas-sider f’Malta. X’baqa’ xi jsir?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan