Il Punt - Esther Sant | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Ta’ min jgħid li l-kanċer tas-sider hu l-aktar wieħed komuni fin-nisa Maltin. Mill-banda l-oħra għandu perċentwal għoli ta’ fejqan imqabbel ma’ kanċer ieħor speċjalment jekk jinqabad kmieni.
Meta ssir taf b’xi aħbar bħal din ix-xokk u trawma huma xi ħaġa li ma timmaġinahiex. Ta’ 36 sena żgur li ma kontx qed nistenna aħbar bħal din u x-xokk u t-trawma kienu mhux għalija biss imma għall-familja u dawk kollha qrib tiegħi. Ħsibt li kien hemm xi żball fir-riżultat tal-patoloġija.
Iżda l-fatt kien li ridt nagħmel deċiżjoni kbira u malajr għax iż-żmien kien kontra tiegħi. Issir qisek ma tafx jekk intix tgħix ġo xi film ikrah jew realtà. Wara li għaddiet l-operazzjoni kien hemm passaġġ ieħor iebes – dan kien il-kimoterapija u r-radjuterapija. Dawn ħadu madwar ħames xhur u l-appoġġ ta’ dawk kollha ta’ madwari kien importanti ħafna f’dak l-episodju.
Helen Muscat hi infermiera tal-breast care u kienet waħda fost oħrajn li għenitni u kienet ta’ appoġġ kbir għalija. Ġara li hi wkoll inħasdet bl-aħbar ta’ kanċer fis-sider. Wara li reġgħet qamet fuq saqajha u setgħet tgħix ħajja normali bdejna nitkellmu dwar l-Action for Breast Cancer Foundation (ABCF).
Il-fondazzjoni twaqqfet fl-2007 u ġiet reġistrata mal-Kummissjoni tal-Volontarjat. Kif jixhed l-isem xtaqna nagħmlu pressjoni mhux biss dwar l-għarfien iżda wkoll dwar il-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider u għalhekk bdejna petizzjoni biex f’Malta jiġi implimentat programm nazzjonali ta’ breast screening skont il-linji gwida tal-UE.
F’Jannar 2008 il-Prim Ministru ħabbar li se jwettaq dan il-breast screening u għalhekk kellu jinbeda studju biex jiġi implimentat. Illum nafu li l-istudju hu lest u qed nistennew bil-ħerqa biex il-programm nazzjonali ta’ breast screening jiġi varat mill- aktar fis mingħajr aktar telf ta’ żmien.
Il-petizzjoni, li issa laħqet għal kważi 5,000 firma, se nippreżentawha fil-Parlament. Qed insostnu biha li n-nisa Maltin se jilqgħu l-invit biex isirilhom l-iscreening u b’hekk niżguraw li r-riżultat ta’ attendenza jkun wieħed sodisfaċenti.
F’istess waqt inħeġġu lill-Ministru li l-infermiera tal-breast care, li llum qegħdin ibbażati fi klinika pjuttost żgħira fl-isptar Mater Dei, jittieħdu fi Breast Unit skont kif inhu stipulat fil-linji gwida tal-UE imsejjaħ “European guidelines for quality aasurance in breast cancer screening and diagnosis”.
Fil-klinika, bi spazju ferm limitat fejn qed iservu, is-sena li għaddiet raw mal-1,471 każ ta’ problemi li għandhom x’jaqsmu b’mod jew b’ieħor mas-sider.
Matul iż-żmien li l-ABCF ilha mwaqqfa ġejna kkuntattjati minn tliet nisa li bħalissa qed jieħdu l-Herceptin biex ngħinuhom fil-problema finanzjarja li kienu qed jiffaċċjaw. Sa ftit ilu din il-mediċina riedet tinxtara u l-prezz tagħha kien ilaħħaq mal- €40,000 għal trattament sħiħ.
Għalkemm mhux in-nisa kollha li jkollhom kanċer tas-sider ikunu jeħtieġu dan it-trattament dan ikun ta’ tbatija psikoloġika kbira għal mara li tiġi preskritta dan it-trattament minħabba l-prezz esaġerat tiegħu. L-ABCF, flimkien ma’ personalitajiet fil-mezzi tax-xandir, għamilna kampanja biex din il-mediċina tingħata b’xejn.
Il-mixja li mxejna fis-sħana ta’ Ġunju, kull darba li kellna l-opportunità li nitkellmu u anke f’attivitajiet oħra, dawn ma waqgħux fuq widnejn torox għax fl-aħħar tas-sena li għadha l-Herceptin tniżżlet mal-lista ta’ mediċini b’xejn tal-Formulatorju tal-Gvern.
Nirringrazzjaw lill-Ministru John Dalli u lis-Segretarju Parlamentari Joe Cassar għall-provediment ta’ din il-medicina li bla dubju neħħiet piż kbir minn fuq pazjenti li jkollhom bżonn dan it-trattament.
L-ABCF ikkontribwiet lil dawn il-pazjenti billi ħallsitilhom trattament wieħed li jlaħħaq għal ftit aktar minn €2,000 għal kull vjala.
Il-volontarjat hu qasam li jien iltqajt miegħu waqt din il-ġlieda li għandi kontra l-kanċer tas-sider. Hu l-kontribut li nagħti lis-soċjetà u li jagħtini lura ħafna sodisfazzjon. L-ABCF b’determinazzjoni u perseveranza qed tkun ta’ leħen biex negħlbu l-kanċer tas-sider u n-nisa Maltin u Għawdxin ikollhom ċans aħjar ta’ fejqan u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Nagħlaq b’messaġġ lill-awtoritajiet biex inkunu proattivi u naħdmu fuq il-prevenzjoni. Jeħtieġ li naqbdu l-barri minn qrunu u niġbdu ħabel wieħed biex inħarsu s-saħħa tal-familji tagħna u nsalvaw l-ambjent ta’ madwarna, il-wirt tagħna u ta’ uliedna.
Kofundatriċi ta’ Action For Breast Cancer Foundation
|
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|