Editorjal | 25 ta’ Jannar 2009 Nr 117
Ma ħaqqux prosit il-Ministru George Pullicino talli ħa l-briga biex iwaqqaf is-serq tal-ilma tal-pjan? Alla jbierek qed iċaqċaq il-frosta bħallikieku ma kienx hu li ħalla burdell sħiħ f’dan il-qasam fl-amministrazzjoni preċedenti.
Wasal biex jaqlibha lil Austin Gatt li kien l-ewwel wieħed li pperfezzjona t-teknika tad-dinja l-ġdida meta qalilna li kien sab l-impjant tal-gass fil-Qajjenza fi stat ta’ gallinar. Xejn ma ħabbel rasu jgħidilna bħallikieku ma kienx sieħbu tal-istess partit Josef Bonnici li kien responsabbli qablu.
Pullicino rfina t-teknika u issa jridna nemmnu li d-dinja hi ġdida għal kollox minkejja l-fatt li kien hu l-ministru responsabbli biex jinforza l-liġi u jiġbor multi ta’ bejn l-€20,000 u l-€50,000 meta jinqabad xi ħadd itella’ l-ilma tal-pjan minn xi borehole jew spiera bla permess.
Xi 12-il sena ilu għaddiet din il-liġi waqt li dawk kollha li kienu ħaffru l-ispieri illegali sa dak in-nhar ingħataw liċenzja. Ħaġa naturali li b’eżempju bħal dak tħajjar ħaddieħor u tħaffru aktar boreholes illegali. Issa sirna nafu li tħaffru 2,643 borehole. Kemm jittella’ ilma minnhom ma jaf ħadd.
Issa li dawn l-2,643 ruħ marru jinkitbu se jeħlu l-multi jew jingħataw il-maħfra? Jekk Pullicino jaħfrilhom jew jonqos li jħarrikhom ikun qed jagħti rigal mill-fondi pubbliċi ta’ €52 miljun. Jekk jaqbad u jgħidilhom ma jerġgħux min ser jibqa’ jemmen li l-frosta qed iċaqċaqha bis-serjetà?
Madankollu ta’ Pullicino mhix kbira. Akbar ħafna ta’ John Dalli. Miskin wiret id-diżastru ta’ Deguara. Qabbduh jamministra fjask kolossali u biex ikomplu jgħaffġuha ma jridux jagħtuh il-flus biex isolvi l-problema. Magħfus minn kullimkien ma baqax lura. Stqarr ċar u tond li hu Tonio Fenech li mhux qed jgħaddilu l-flus biex isolvi l-problema.
Imma dan l-isptar kemm ser jixorbilna flus? Hu u jinbena niftakar min igħid li ma kienx hemm bżonn ta’ iżjed sodod għaliex in-numru kbir ta’ swali tal-operazzjonijiet kienu se jeliminaw id-dewmien u l-ħtieġa ta’ sodod. Tant li Mater Dei fih anqas sodod minn San Luqa.
Infaqna somma astronomika biex bnejnieh, ’il fuq minn €466 miljun u s-swali tal-operazzjonijiet hemm qegħdin, 13-il sala operatorja. U m’hemmx min iħaddimhom. Mela x’kienet dik l-istorja kollha qabel l-elezzjoni, dik il-propaganda kollha bil-professuri famużi jdawru n-nies u jagħmlu riklami? Kieku kienet kwistjoni ta’ investiment privat u aħna konna ħriġna sehimna għall-isħma konna ngħoddu ruħhna ffrodati.
B’xorti tajba kien investiment pubbliku li ħadd ma jħabbel rasu għalih. Flus il-poplu u l-poplu min jafu? Ħadd ma jħabbel rasu xi stajna għamilna b’dawk il-flejjes kollha kieku ma berbaqnihomx f’monument għall-glorifikazzjoni ta’ erba’ rjus kbar u ħamest ibwiet imburġjati.
Meta John Dalli jasal li jipponta subajgh lejn Tonio Fenech tibda tħokk rasek bla ma trid. Issa ndunaw li trid il-flus biex tħaddem sptar? Issa taw kas li 13-il sala operatorja ma jaħdmux waħedhom u li għandek bżonn in-nies imħarrġa u mħallsa sew? Ilhom jafu minn meta tfasslu l-ewwel pjani għall-isptar Mater Dei.
Ħadd ma jbellagħhielna li d-dinja bdiet ilbieraħ. |
|
Harry Vassallo jintervista lill- Profs Kenneth Wain
Editorijal


Emmanuel Micallef

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Pauline Miceli
Joe Cassar
Il-Punt - Esther Sant
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|