Wenzu Mintoff | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116
Mela George Abela se jkun l-ewwel President ta’ Malta b’appoġġ unanimu, jew kważi, warajh. Lanqas Sir Anthony Mamo ma kellu l-appoġġ sħiħ tal-Parlament Malti warajh għax sitt deputati Nazzjonalisti — George Borg Olivier, ħuh Paolo, neputih Albert Borg Olivier de Puget, Cachia Zammit, Cassar Galea u t-Tabib Bonnici — kienu vvutaw kontra li Malta ssir Repubblika.
Għad tibqa’ tissemma’ l-famuża frażi tan-Nutar Borg Olivier li waqt li kien qed jieħu l-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni Repubblikana, qal kemm kemm jinstema’, “si et quatenus”, “jekk u safejn dan hu validu”. Xhieda oħra tad-determinazzjoni u l-istinatezza tar-raġel, anki jekk kien żellaqha bil-Latin minn taħt l-ilsien, u fl-istess ħin sintomu tas-sindromu tista’ tgħid ta’ kull mexxej jew ex-mexxej fi tmiem il-karriera politika tiegħu, li jispiċċa mogħti l-ġenb u f’minoranza fil-partit tiegħu stess.
Nazzjon sħiħ. Bla dubju ta’ xejn George Abela għandu l-kwalitajiet u l-ħiliet kollha meħtieġa biex dan l-appoġġ kważi unanimu li jsostni n-nomina tiegħu għal President se jissarraf f’ħidma għaqlija biex tissaħħah l-identità nazzjonali ta’ dan il-pajjiż, is-sens ta’ għaqda fost il-poplu biex xi darba Malta tkun tagħna lkoll, mhux biss tal-parti rebbieħa bl-esklużjoni tal-parti telliefa, biex nibdew niffurmaw parti minn nazzjon sħiħ u mhux żewġ tribuwijiet.
S’issa l-Presidenza tal-pajjiż ftit li xejn kellha rwol effettiv li jħalli mpatt fuq it-tessut soċjali u l-kuxjenza kollettiva ta’ dan il-pajjiż. Il-profil ta’ din il-kariga għadu marbut intrinsikament ma’ protokoll, ċerimonji, parati u mal-jamboree annwali tal-Istrina. Kull min okkupa din il-kariga fil-passat, u li sa ftit tal-ġranet qabel kien jimmilita fil-kamp politiku, spiċċa jilbes sarima ma’ ħalqu, attent għal kull kelma li toħroġ minn fommu li ma jmurx ikun hemm min jinterpretah ħażin b’mod politiku partiġġan. Bl-appoġġ kważi unanimu li tgawdi n-nominazzjoni ta’ George Abela kemm fil-Parlament u anki fost il-poplu, dan mhux se jkollu għalfejn il-ħin kollu jagħmel dawn il-brejkijiet mentali u joqgħod lura milli jgħid dak li jħoss fil-kuxjenza li għandu jgħid għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu tiegħu.
Pawlu Xuereb
Il-ħatra ta’ George Abela bħala President, għall-inqas fuq il-karta, tidher li għandha l-potenzjal kollu possibbli biex tingħata tifsira ġdida lil din il-kariga, ħa tkun tassew punt ta’ referenza, l-awtorità morali jekk mhux legali, garanti għat-tħaddim sew u xieraq tas-sistema demokratika ta’ pajjiżna.
L-ironija hi li mill-avvent ta’ Malta Repubblika fl-1974 kien biss l-Aġent President Pawlu Xuereb li f’ċirkostanzi verament diffiċli qeda dan ir-rwol kruċjali, anki jekk ismu mhux dejjem jidher fil-lista uffiċjali ta’ dawk li kienu fil-kariga ta’ President tar-Repubblika.
Fi żmien li Malta tista’ tgħid kienet f’xifer ta’ gwerra ċivili, kien Pawlu Xuereb li wara l-inċidenti vjolenti fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat għamel appell imqanqal minn fuq it-televiżjoni biex tieqaf immedjatament il-vjolenza u li kien ġab lil kulħadd f’sensih u f’postu.
F’Mejju 1987, meta Malta kienet bejn sema u ilma, kien Pawlu Xuereb li ta’ ġentlom li kien żgura li kollox jimxi sew fit-trasferiment tal-poter li seħħ dak iż-żmien mil-Laburisti għan-Nazzjonalisti. Ħasra li s’issa baqgħet ma ġietx milqugħha x-xewqa li kemm-il darba esprimiet il-mara ta’ Pawlu Xuereb, Edwige, li probabbilment tirrifletti wkoll ix-xewqa modesta tiegħu, li fis-sala tal-Palazz fejn jinżammu l-kwadri tal-ex-Presidenti jitwaħħal ukoll kwadru tiegħu.
Gran Mastru
Ma tonqosx ir-retorika u l-ħafna platitudnijiet li qed jingħadu u se jibqgħu jingħadu fil-gimgħat u x-xhur li ġejjin sakemm jgħaddi l-element tan-novità minn fuq l-aħbar li se jinħatar President tar-Repubblika xi ħadd li ġej mill-partit tal-Oppożizzjoni u li għalhekk igawdi l-fiduċja tista’ tgħid ta’ kulħadd.
Imma tqum waħidha l-mistoqsija: din il-mossa ta’ Gonzi meta ppropona lil Abela bħal kap tal-Istat kienet tassew animata minn spirtu ta’ tiġdid li jfittex l-għaqda nazzjonali jew kienet manuvra tattika li tidher li qed tfittex l-interessi nazzjonali meta fir-realtà kienet parti mil-logħba taċ-ċess politiku li jiddilettaw biha n-Nazzjonalisti?
Ejja ngħiduha kif inhi ma tistax ma tmejjillux il-kappell lil Gonzi u lil dawk li hemm warajh jagħtuh il-pariri għal din il-mossa sottili u sublimi tal-aqwa Gran Mastru taċ-ċess. B’din il-mossa studjata, Gonzi rnexxilu jolqot diversi għasafar b’ġebla waħda. L-istrateġija ta’ Gonzi hi aktar minn ċara.
Minkejja li għandu maġġoranza relattiva ta’ ftit mijiet ta’ voti, Gonzi ddeċida lil jieħu diversi miżuri kontroversjali u mhux popolari bħaż-żieda esagerata fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma f’dan iż-żmien bikri tal-leġiżlatura bit-tama li jkun jista’ jieħu l-ħsad aktar viċin tal-elezzjoni.
Gonzi qed jgħaddas rasu u jiġi jaqa’ u jqum mill-opinjoni pubblika u r-rabja tan-nies għall-PN li qabel l-elezzjoni wiegħed debba u ftit wara ppreżentalna ħmara.
Fix-xhur li għaddew il-Gvern ta’ Gonzi deher mhux ftit insensittiv għal dak li qed iħossu n-nies, għax proprju fil-mument li ħafna nies bdew iħossu l-għafsa tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tat-telf ta’ impiegi u gimgħa ta’ xogħol imnaqqsa għal erbat ijiem, Gonzi u sħabu taw lil xulxin u lill-ex-ministri u segretarji parlamentari zidiet qawwija fis-salarji, eċċ. Saħansitra ministru partikolari ħass ukoll li kellu għalfejn jordna karozza lussuża Jaguar minn flus il-poplu f’dan il-mument diffiċli għal ħafna nies.
Fl-istess waqt GonziPN deher ukoll arroganti meta rrifjuta li jiltaqa’ ma’ 11-il union li talbu li jiltaqgħu miegħu dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u minflok bagħathom għand ir-Regolatur meta dan ma kellu x’jaqsam xejn mal-kontijiet il-ġodda.
Bin-nomina ta’ George Abela għal President ta’ Malta, Gonzi rnexxielu joħloq diversiv mill-aqwa li għall-mument jaljena n-nies mill-problemi ta’ kuljum, fejn mad-daqqa ta’ għajn il-Gvern se jidher li mhux iżomm il-poter kollu għalih li qed jinvolvi persuni ta’ fehma politika differenti fit-tmexxija tal-pajjiż u li qed ifittex l-għaqda nazzjonali. Ikolli nammetti li n-Nazzjonalisti ċ-ċess politiku jafu jilagħbuh ... u kif! Għax għajr għall-fatt li rrinunzjaw li jaħtru lil xi ħadd minn tagħhom għall-kariga strettament ċerimonjali, fir-realtà n-Nazzjonalisti mhuma se jċedu xejn mill-poter li għandhom u bil-ħatra ta’ Abela politikament se jkunu gwadanjaw ferm aktar minn dak li ċedew.
Wieħed ma jridx jinsa wkoll iż-żigarella l-oħra li ppruvaw jiġbdu n-Nazzjonalisti b’din il-mossa, li għall-minoranza żgħira fil-Partit Laburista, isem George Abela jqajjem ċertu rankur ġej mill-passat u li minħabba f’hekk ċerti msaren fl-intern tal-Partit setgħu jgergru, xi ħaġa li fortunatament ma ġratx ... għax hekk in-Nazzjonalisti jafu jilagħbu sew iċ-ċess, ħaddieħor tgħallem minnhom u qatgħalhom l-għatx bil-perżut. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Il-Punt - Benny Borg Bonello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|