MediaToday

Toni u Peppi | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116

Il-candid cameras, il-ġenituri u t-tfal

TONI

Ħadd m’għandu d-dritt jieħu vantaġġ mit-tfal, lanqas jekk ikun hemm il-kunsens tal-ġenituri tagħhom. Qiegħed ngħid dan għax wara l-kontroversja tal-Family TV dwar programm li kienu involuti fih it-tfal, qrajt f’gazzetta lokali l-ġenituri tat-tfal kienu jafu b’dak kollu li kellu jiġri f’dak il-programm.
Mhux hekk biss, iżda kienu saħansitra xi wħud mill-ġenituri li taw parir kif tista’ issir l-inkejja u jekk mhux ukoll iż-żebliħ tagħhom. Kulħadd kien jaf x’se jiġri f’dak il-programm minbarra t-tfal infushom. Fi żminijiet meta d-drittijiet ċivili qegħdin isiru aktar sofistikati u fejn saħansitra nieħdu b’ħafna serjetà d-drittijiet tal-annimali, għad għandna min iħares lejn it-tfal bħallikieku kienu biċċa proprjetà ta’ min ġabhom fid-dinja.
Mill-programm tal-Family TV ħareġ ċar li minkejja kull diskors sabiħ dwar il-ħarsien ta’ wliedna, aħna stess għadna ma fehmniex li anke t-tfal għandhom id-drittijiet tagħhom. Fil-fatt illum għandna charter tad-drittijiet tat-tfal, li milli jidher ħafna ġenituri għadhom ma fehmux il-kontenut tagħha u ma jagħmilx ħażin li ninsistu li f’kull dar fejn hemm it-tfal mhux biss għandu jkun hemm kopja tagħha, iżda li l-ġenituri jaqrawha.
Meta darba kont l-Indja kont nilmaħ ħafna tfal b’xi diżabbiltà gravi f’kull kantuniera jittallbu. Għall-ewwel kont naħseb li twieldu hekk jew li kellhom xi diżgrazzja.
Iżda tant bdejt nara minnhom li staqsejt kif jista’ jkun li fit-toroq kien hemm tant tfal jittallbu u b’xi mankament. It-tweġiba tahieli missunjarju li kien qed idawwarni. Spjegali kif kienu l-ġenituri tagħhom stess li jimmankawhom biex ikunu jistgħu jqanqlu ħniena waqt li jkunu jittallbu. Għall-ewwel inħsadt, iżda fhimt li dak kien mod krudili ta’ għixien.
Fortunatament għalina f’Malta ma narawx dawn ix-xorta ta’ xeni, iżda ftit nintebħu li jista’ jkun hemm drabi fejn nistgħu ‘nimmankaw’ lil uliedna. Fil-fehma tiegħi l-programm televiżiv f’din il-kwistjoni kien waħda minn dawn l-okkażjonijiet.
Meta qrajt kif ħaduha wħud mit-tfal, waqt ġlieda finta li seħħet fil-programm u li saħansitra kien hemm tfal li kellhom joqogħdu għat-tgħajjir, ftakart proprju fit-toroq tal-Indja. Komplejt ikkonfermajt dwar il-mod kif ġew disprezzati dawn it-tfal, meta f’rapporti differenti ġie rakkuntat kif waħda mit-tfal infexxet tibki mingħajr waqfien.
Nista’ nobsor is-sens ta’ mistħija li ħasset din it-tifla u llum hu stabbilit li t-tfal fil-pubbliku għandhom dan is-sens ta’ mistħija akbar minn dak tal-adulti. Li ma jifhmux l-adulti hu li aħna l-kbar għandna s-sistema difensiva tagħna ħafna aktar b’saħħitha minn dik tat-tfal.
Jekk xi darba naqgħu għaċ-ċajt fuq it-televixin dejjem nistgħu niddefendu lilna nfusna jekk wara xi ħadd jipprova jgħaddina biż-żmien. Fi żminijiet fejn il-bullying dejjem qiegħed jikber fl-iskejjel, li twaqqa’ għaċ-ċajt lit-tfal quddiem udjenza kbira hi ħaġa perikoluża ħafna. Dawn iridu jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ ħbiebhom l-iskola jew fejn jattendu soċjalment.
It-tfal mat-tfal jistgħu jkunu aggressivi ħafna u s-sens ta’ stima lejhom infushom jew ma’ oħrajn bħalhom jista’ jkun baxx ħafna. Dan joħloq xenarju perikoluż ħafna. Kulħadd għandu jiġi responsabbilizzat, anke l-politiċi.
Fl-aħħar elezzjoni ġie materjal propagandistiku f’idejja fejn anke l-isem tat-tifel inkwistjoni ssemma b’ismu u b’kunjomu. Bqajt skantat mhux wisq għaliex il-ġenituri ppermettew li dan isir, iżda kif il-politiċi ma rrealizzawx x’setgħu jkunu l-konsegwenzi fuq dan it-tifel fl-iskola fejn jattendi.
Meta tara l-istess politiċi jieħdu vantaġġ mit-tfal ma fadal xejn x’tgħid aktar. Jien xejn ma naqbel li għaliex il-ġenituri jagħtu l-kunsens tagħhom allura t-tfal jispiċċaw jiżfnu fin-nofs.
Fil-verità nemmen li għandna nagħmlu liġi fejn nidentifikaw diversi sitwazzjonijiet fejn lanqas jekk jingħata l-kunsens tal-ġenituri, it-tfal m’għandhom qatt jispiċċaw ballun politiku jew ta’ divertiment.
Sal-lum il-liġijiet tat-tfal huma xi ftit defiċjenti. Biex nagħti eżempju ċar anke l-Awtorità tax-Xandir m’għandha awtorità speċifika biex tħares li tfal ma jiġux abbużati fuq programmi tat-televixin.
Lanqas l-Att dwar il-Kummissarju tat-Tfal ma jipprovdi għodda effettiva biex din il-protezzjoni tingħata fil-waqt u b’mod effettiv. It-tfal qegħdin kontinwament jiġu abbużati quddiem għajnejna mingħajr ma nintebħu.
Studju li sar l-Amerka jikkonkludi li ħafna vjolenza fit-tfal ħafna drabi ssir minn dak li jaraw fuq it-televixin jew logħob vjolenti fuq siti elettroniċi jew li jinxtraw fi ħwienet.
Bħalma aħna daqshekk moralisti li ma nippermettux il-pornografija u saħansitra għandna Bord ta’ Ċensura, fil-fehma tiegħi għandu jkun hemm awtorità effettiva li jippresediha l-Kummissarju tat-Tfal biex jara li logħob ta’ din ix-xorta ma jiġix f’idejn it-tfal tagħna.
Nemmen ukoll li fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir għandu jkun hemm ukoll dipartiment li janalizza x’xorta ta’ programmi tat-tfal qegħdin jiġu proposti jew fejn f’dawk il-programmi se jkunu involuti fihom it-tfal biex b’hekk nantiċipaw il-ħsara li tista’ issirilhom.
Forsi li kien hemm dipartiment ta’ din ix-xorta dak il-programm tal-Family TV ma kienx isir. Ta’ spiss noħorġu b’kampanji nazzjonali dwar suġġetti soċjali biex nissensibilizzaw xi problema partikulari.
Sal-lum għadna m’għamilna l-ebda kampanja serja dwar x’inhuma d-drittijiet tat-tfal u dwar l-edukazzjoni tal-ġenituri biex jiġu rispettati dawn id-drittijiet. Tkun kampanja li teduka fost oħrajn lill-ġenituri dwar x’tip ta’ programmi televiżivi għandhom iħallu lit-tfal jaraw. Dwar l-użu tajjeb tal-kompjuter mit-tfal, bħal pereżempju l-istallazzjoni ta’ firewall jew passwords li jkunu jafuhom il-ġenituri biss.
Hu dritt tat-tfal li jkollhom lil min iħarishom f’dinja fejn kulħadd lest jabbuża minnhom. Jien nemmen li għandna naġġornaw il-liġijiet kriminali wkoll. Dik il-parti ta’ dawn il-liġijiet li tindirizza b’mod dgħajjef għall-aħħar lill-ġenituri jekk jaqbżu l-limiti ta’ dak li hu raġonevoli ta’ dixxiplina. Iżda meta hemm bżonn li tindirizza lil terzi persuni li mhumiex il-ġenituri, ħlief għal reati konnessi ma’ sess, il-Liġi tagħna ma tipprovdi xejn jew hi biss negliġibbli.
Minbarra dan irridu nirrealizzaw ukoll li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna hi bil-wisq interessata indirettament fis-suċċess tal-adulti milli tat-tfal infushom biex b’hekk ma nnaqqsux fit-tfal mill-istima lejhom infushom biex meta jsiru adulti jkollhom l-għodda li jistmaw lit-tfal flok jużawhom.
Wisq nibza’ li s-sistema edukattiva tagħna hi aktar interessata fis-suċċess li jikseb l-għalliem fir-rata ta’ tfal li jgħaddu minn taħt idejh u jkollhom suċċess fl-eżamijiet. Wisq nibża’ li anke l-ġenituri aktar moħħhom fl-isfida li wliedhom jgħaddu mill-eżamijiet mhux biss għax iridu l-aħjar għal uliedhom iżda wkoll bħala sens ta’ kburija għalihom.
Din fiha nnifisha toħloq abbuż imperċettibbli tat-tfal li ’l quddiem jirrifletti ħażin fit-tfal meta jikbru. L-abbuż fuq it-tfal hu bħal ġrieħi antiki fuq il-ġisem. Għalkemm ifiequ xorta jibqgħu marka
għall-għomor dak li jkun.

Żur toniabela.blogspot.com

PEPPI

Fl-imgħoddi jien għamilt candid cameras. Ngħid is-sew ċerti candid cameras li għamilt dak iż-żmien mhux bilfors nerġa’ nagħmilhom illum. Eżempju darba għamilna candid camera. Il-vittmi kienu applikaw minn fuq avviż falz fil-gazzetta li aħna konna għamilna.
Hawn diġà jibdew il-mistoqsijiet. Hu sewwa li persuna li tkun qed tfittex ix-xogħol tara avviż u tingħata l-impressjoni li feġġgħet tama li ssibu għax isejħulha għal interview? Hu sew li tibgħat l-informazzjoni dwarha? Hekk kien ġara f’waħda mill-candid cameras li għamilt.
Din il-candid camera mhux biss kienet ċajta iżda turi wkoll preġudizzju. Dawk li jiġu għall-interview, qabel ma jidħlu, jingħataw l-impressjoni minn dawk il-kompliċi li jkunu ħarġu mill-interview, li l-persuna li qed tintervista hi gay.
Allura meta jidħlu tarahom joqogħdu attenti u jinterpretaw il-mistoqsijiet li s-soltu jistaqsu dwar l-niterview bħala xi ħaġa konnessa mas-sess. ‘Lest taħdem bil-lejl?” ma baqgħetx domanda innoċenti għax il-preġudizzju dak iż-żmien aktarx kien ikbar u ħafna kienu jaħsbu li tkun omosesswali ifisser li taħseb fis-sess 23 siegħa kuljum. Bogħod sew mill-verità għax il-ħafna persuni omosesswali li naf huma normali bħal kulħadd, jekk hawn min hu jew hi normali. Għax jien nemmen li ħadd mhu normali.
Allura din il-candid camera, li anke kellha għan tkisser dan il-preġudizzju, kienet etika? Ma nafx. Imma llum naħsibha darbtejn biex nagħmilha. L-istess meta għamilna l-candid cameras taparsi interviews għall-film li suppost kellna naħdmu. Ix-xena kienet li jkunu marbutin ma’ siġġu. Ikunu marbutin ta’ veru.
F’daqqa waħda l-krù jibda jgħajjat li xebgħu bil-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom, jaqbdu u jitilqu. U jħallu lill-vittma marbuta mas-siġġu. Lil dawn marbuta jibda jxoqq l-għaraq għalihom. Jibdew jgħajtu biex xi ħadd imur iħollhom.
Kultant kienu jdumu marbutin xi tliet kwarti biex jiżdied id-daħk tal-udjenza. Issa din kienet ħaġa sewwa? Il-kunċett ta’ candid camera minnu nnifsu jippreżenta diversi dilemmi. Hu sew:
- li tagħmel ċajta lil xi ħadd u toħroġha fil-pubbliku?
- li tagħmilha u tiffilmjaha mingħajr il-permess tal-persuni involuti?
Jekk ir-risposta għal waħda jew għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet hi mhux sew allura l-candid cameras ma jibqgħux etiċi. Jien inwieġeb: Iva, sew, sakemm
- Iċ-ċajta tkun fil-pubbliku wara l-permess tal-persuna.
- Iċ-ċajta trid tkun sitwazzjoni li kulħadd jirreaġixxi l-istess fiha.
- Li ċ-ċajta ma jkollhiex konsegwenzi oħra fuq il-vittma
Lili kienu għamluli candid camera veru tajba. Wara Xarabank ġew qaluli li qed inqarraq fir-rigali li nagħtu f’Xarabank. Ovvja, jien inħraqt u tbaqbaqt. Blajtha sal-ponta ta’ saqajja. Kienet ħelwa għax poġġewni f’sitwazzjoni fejn tinħaraq u f’sitwazzjoni fejn kulħadd jiġrilu l-istess: jinħaraq. Naturalment ir-reazzjoni ta’ min jinħaraq tkun differenti.
F’dan is-sens ma nara assolutament xejn ħażin, anzi ara ma jfettlilniex nieqfu nagħmlu minn dawn iċ-ċajt! Imma mbagħad ikolli diffikultà naċċetta candid cameras fejn tkun fuq ajruplan u taparsi nħataf. Din rajtha fuq it-televixin Taljan.
Jew tidħol ġol-garaxx u ssib tigra li tpoġġik f’rokna u tintefa tistennik tiċċaqlaq quddiemha. Lanqas naqbel ma candid camera fejn persuna ssib id-demm mal-art fejn il-karozza u xi ħadd jgħidilha li x’aktarx għaffġet bniedem u ma ndunatx. Dawn candid cameras li jafu jkollhom konsegwenzi fuq is-saħħa tal-persuna. Huma perikolużi ħafna.
Il-Kummissarju tat-Tfal ħarġet titkellem kontra candid cameras li saru fuq stazzjon privat fejn kienu jinvolvu lit-tfal. Hawn il-biċċa tal-candid camera tibda tikkomplika ruħha. M’iniex ngħid li t-tfal ma jistgħux ikunu vittmi ħelwin ta’ candid cameras iżda l-attitudni mat-tfal trid tkun kompletament differenti.
Jekk xejn, għax meta jagħtuk il-kunsens li tista’ turiha, għad mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu dan. Allura jekk l-omm tgħidlek ‘iva’ biex bintha fl-aħħar tidher fuq it-televixin, taf li dik l-‘iva’ ma tkunx ‘iva’ għat-tifla li biex tikkuntenta lil ommha tkun lesta taqa’ għaċ-ċajt fuq il-mezzi tax-xandir.
Jien rajt dawn il-candid cameras meta kienu qed jixxandru. Ma rajthomx biex nikteb dan l-artiklu. Rajthom għax nipprova nara kulma jiġri fuq it-televixin.
Meta rajthom m’għidtx ‘x’għarukaża’ kif qed tgħid il-Kummisarju tat-Tfal imma darrsuni ftit l-aktar għax qisu kien hemm tentattiv biex dawn il-persuni ta’ età żgħira jaqgħu għaċ-ċajt li tispiċċa tidħaq bihom flok bis-sitwazzjoni li tpoġġew fiha. L-akbar difett li kellhom kien it-tul tagħhom. Ċajta taf issir insult meta tibqa’ titwal u titwal u tkompi titwal.
Mill-banda l-oħra tajjeb li t-tfal tagħna jitgħallmu jidħku bihom infushom u jħossuhom komdi anke jekk jaqgħu għaċ-ċajt. Nibqa’ nsostni li wliedna mhux jitgħallmu biżżejjed kif ifallu, kif ma jgħaddux minn eżami u anke kif kultant jaqgħu vittmi ta’ xi ċajta kultant goffa.
Nittama li l-Awtorità tax-Xandir ma toħroġx b’xi direttiva li biex xi ħadd tagħmillu candid camera trid iġġib il-kunsens tiegħu minn qabel.

 

Intervista
Jan: Jimxi fuq il-passi ta’ missieru

Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop


Editorijal
Tama ta’ għaqda



Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Wenzu Mintoff
Si et quatenus



Carmelo Mifsud Bonnici
Daqt jieħu l-ġurament



Joe Ellis
Liġi waħda għall-Gvern u Liġi oħra għaċ-ċittadin



Toni u Peppi
Il-candid cameras, il-ġenituri u t-tfal


Il-Punt - Benny Borg Bonello
Kejl ħażin tal-Enemalta


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan