MediaToday

Aħbarijiet | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116

George Abela: ħajtu u ħidmietu

CHARLOT ZAHRA jirrapporta dwar il-bosta fażijiiet tal-karriera politika u professjonali tal-Avukat George Abela li se jinħatar id-disa’ President tar-Repubblika fil-5 ta’ April li ġej. Abela, li għandu 60 sena, se jkun l-ewwel President minn żmien Sr Anthony Mamo li jinħatar bil-kunsens tal-Gvern u l-Oppożizzjoni

Mill-piena kapitali għall-ħatra minn Gonzi
Meta kien fil-politika George Abela, bħala Deputat Mexxej Laburista, ma kienx joqgħod lura milli jikkritika lill-Partit Nazzjonalista.
Waqt Konferenza Generali Straordinarja tal-MLP qabel l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 1996 kien stqarr li n-Nazzjonalisti “ħaqqhom il-piena kapitali” ta’ dak kollu li wiegħdu u m’għamlux. L-għada, Abela kien irtira dik id-dikjarazzjoni imma l-ħsara politika, sew għall-immaġini tiegħu personali kif ukoll ta’ dik tal-Partit Laburista, kienet diġà saret.
Iżda meta Abela kisirha mal-Mexxej Laburista Alfred Sant sentejn wara, Abela flimkien mal-ħabib tiegħu Lino Spiteri, li wkoll kien irriżenja ftit tax-xhur wara li nħatar Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi minn Sant meta ma qabilx mat-tneħħija tal-VAT, beda bil-mod il-mod isir aktar aċċettabbli għan-Nazzjonalisti, li wżawh kemm felħu biex jattakkaw lil Alfred Sant bil-famuż slogan fuq il-billboard “Ma’ Alfred Sant ma taħdimx”
Qabel ir-referendum għas-sħubija ta’ Malta fl-UE f’Marzu 2003 Abela kompla jitbiegħed mill-Parit Laburista meta ma kienx qabel mal-pożizzjoni tal-Partit dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE u kien anki ħa sehem fil-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC).
Waqt li Abela ma tantx kellu relazzjoni eċċezzjonali ma’ Eddie Fenech Adami r-relazzjoni ma’ Gonzi kienet waħda ta’ ħbiberija profonda li tmur lura għal meta Gonzi u Abela kienu jattendu l-istess kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. It-tnejn li huma jagħtu dik il-perċezzjoni ta’ moderati, tant li anki simpatizzanti Nazzjonalisti magħrufa, bħal Andrew Borg Cardona, faħħar lil Abela bħala speċi ta’ “Gonzi tax-xellug”.
Wara li spiċċa minn konsulent legali tal-GWU fl-2000 Abela kkonċentra fuq il-prattika legali privata tiegħu fejn ingħata bosta kuntratti ta’ konsulenza legali minn entitajiet pubbliċi.
Fl-iktar każ klassiku l-kumpannija legali ta’ George Abela ħadet il-każijiet kollha tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wara li Anthony Degaetano, il-Konsulent Legali impjegat mill-MEPA, kien ħa b’suċcess azzjoni legali kontra l-istess Awtorità dwar il-ksur tad-drittijiet tiegħu meta ttieħdu passi dixxiplinarji kontrieh. Il-kuntratt lill-kumpannija legali ta’ Abela mill-MEPA ingħata bi ħlas annwali ta’ €30,000 (Lm13,000) u rata ta’ €46 (Lm20) kull siegħa.

President tal-MFA : bejn Sivilja u Ta’ Qali
Ir-rabta ta’ George Abela mad-dinja tal-futbol bdiet fl-1976 meta sar President ta’ Qormi FC. Sitt snin wara nħatar President tal-Malta Football Association (MFA), kariga li dam jokkupa għal 10 snin.
Matul il-Presidenza tiegħu sar investiment qawwi fl-infrastruttura tal-Grawnd Nazzjonali f’Ta’ Qali, fosthom nfetħu gymnasium u klinika tal-fiżjoterapija, saret l-installazzjoni tas-sistema tad-dawl artifiċjali fil-grawnd u nbnew grawnds iżgħar għat-trejning.
Taħt il-presidenza ta’ Abela Malta sofriet l-agħar telfa fl-istorja tat-tim nazzjonali fejn Malta tilfet 12-1 kontra Spanja f’Sivilja.
F’intervista li din il-gazzetta għamlet fit-12 ta’ Ottubru 2008 ma’ Alex Azzopardi, li kien wieħed mill-plejers tat-tim nazzjonali li lagħab f’dik il-logħba kontroversjali, l-eks-pleyer tat-tim nazzjonali stqarr: “Dik il-logħba għadha tissemma sal-lum. Jekk tmur Spanja jsemmuhielek.
“Kienet saret anki nkjesta li jien kont parti minnha imma ma ħareġ xejn. Kien George Abela President. Spanja kienu tim qawwi u ibqa’ ċert li kieku riedu kienu jiskurjaw aktar gowls. Konna mitlufin u anqas nafu fejn qegħdin. Naħseb kienet l-iktar esperjenza negattiva ta’ ħajti.
“L-Olanda kienu tawna ħamsa xi ftit jiem qabel u mingħalihom għaddew. Imbagħad morna Spanja u qlajna 12. Ma konniex nifilħu għal żewġ partiti bħal dawk waħda wara l-oħra fi ftit jiem barra minn darna. Għalija kienet farsa,” sostna Azzopardi.
Kien wara din t-telfa li ttieħdet id-deċiżjoni li għall-ewwel darba l-plejers tat-tim Nazzjonali Malti jibdew jittrenjaw fuq bażi professjonali u ddaħħlet l-iskema professjonali u għall-ewwel darba nġieb kowċ nazzjonali mill-Bulgarija, Guentcho Dobrev.
Fl-1992 Abela ħalla dik il-kariga u minfloku nħatar l-Avukat Joe Mifsud bħala President tal-MFA, kariga li għadu jżomm sal-lum.
Iżda Abela xorta waħda għad għandu rabta indiretta mal-MFA għaliex huwa wieħed mill-klijenti regolari fil-gym tal-MFA f’Ta’ Qali.

 

Intervista
Jan: Jimxi fuq il-passi ta’ missieru

Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop


Editorijal
Tama ta’ għaqda



Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Wenzu Mintoff
Si et quatenus



Carmelo Mifsud Bonnici
Daqt jieħu l-ġurament



Joe Ellis
Liġi waħda għall-Gvern u Liġi oħra għaċ-ċittadin



Toni u Peppi
Il-candid cameras, il-ġenituri u t-tfal


Il-Punt - Benny Borg Bonello
Kejl ħażin tal-Enemalta


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan