MediaToday

Sport - Mark Attard | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116

Raġunijiet li jagħmluk kburi li tkun mill-Kottonera

L-aħħar darba li ersaqt lejn Bormla fuq affarijiet relatati ma’ futbol kien meta St. George’s kienu għadhom Premier. Kien xi ftit tal-jiem wara li plejer ewlieni tagħhom inqabad mill-fotografu ta’ din il-gazzetta bil-warrani mikxuf waqt battibekk f’partita partikolari mill-kampjonat Premier.
Dan kollu ftakart fih f’nofs il-ġimgħa sakemm qed insuq biex niltaqa’ mal-President ta’ St. George’s. Illum l-atmosfera hi ferm differenti.
Meta niltaqa’ ma’ Chris Agius f’nofs din il-ġimgħa ġejt verament fid-dubju x’kellha tkun l-ewwel mistoqsija. Il-bniedem jagħtik lok għal diskussjoni miftuħa fuq kull tip ta’ mistoqsijiet. Għandu warajh snin ta’ esperjenza kemm fuq l-inħawi tal-Kottonera, speċjalment Bormla, kif ukoll fuq il-qasam politiku wara li minn ftit tax-xhur ilu ’l hawn ingħata l-kariga ta’ Kelliem Laburista għall-Isport. Fuq il-futbol ħadd m’għandu dubju, li jeċċella fl-istorja marbuta mal-klabb pijunier tal-futbol Malti St. George’s, li tiegħu Chris hu l-President attwali.
Biss, l-aktar każ jaħraq li għadu jidwi fl-arja madwar l-isportivi Maltin hu dak ta’ ftit tal-jiem ilu. Il-każ relatat mal-partita tal-kampjonat kontra Vittoriosa Stars li fiha żewġ plejers ta’ St. George’s ammettew fil-Qorti ta’ Malta li huma ħatja ta’ korruzzjoni.
“Il-partita kontra Vittoriosa nsejħilha misħuta. Nixtieq li tlifna u qisu qatt ma ġara xejn. Illum kulħadd jaf x’ġara. Il-Pulizija ressqet żewġ plejers fil-Qorti fuq korruzzjoni u ammettew. Hemm involut ukoll uffiċjal ta’ Vittoriosa għax semmewh il-plejers fil-Qorti. Il-kawża għadha l-Qorti u ma tantx nista’ nitkellem fuqhom,” qal Agius, b’ton li donnu kien qed jistenna dawn it-tip ta’ mistoqsijiet.
M’hemmx dubju li l-klabb ta’ St. George’s bi Chris fuq quddiem nett imxew bl-akbar serjetà fuq din il-kwistjoni. L-MFA kienet effiċjenti ħafna f’xogħolha. Il-Kumitat ta’ St. George’s ikkopera mat-tnejn biex is-suspetti li seta’ kien hemm saru realtajiet. Imma l-President ta’ Bormla mbeżża’ li dan il-każ jista’ b’xi mod idur kontra l-klabb tiegħu?
“Lanqas xejn. Ma nemminx. Bħala persuna nvoluta nemmen li tant kemm Dr. Mifsud tkellem fuq il-korruzzjoni u ddikjara li se tittieħed azzjoni ħarxa kontra kulmin ikun involut li konvint li se ssir ġustizzja ma’ St. George’s u kulħadd jieħu li ħaqqu.
“Qabel dan il-każ kont persuna li minkejja li nisma’ ma kontx nemmen li l-korruzzjoni teżisti daqshekk. Qatt ma emmint li proprju l-klabb li mmexxi jien kien se jkun involut f’każi ta’ korruzzjoni ta’ dan it-tip. Illum qed ngħid li l-korruzzjoni fil-futbol Malti hi ikbar milli kont naħseb qabel.”
Chris Agius twieled fis-17 ta’ Novembru 1961. Jgħidli li għall-grazzja ta’ Alla twieled, trabba, għex u għadu jgħix f’Bormla. Miżżewweġ lil Dorothy u għandhom tlett itfal: Elysia, avukat ta’ 24 sena; Kylie ta’ 20 sena u Yandric ta’ 11-il sena. Ninnota fih li meta jitkellem fuq Bormla qisu qed jitkellem fuq Pariġi.
Għalih, it-triq tar-Rialto sabiħa aktar minn Champ Elysees. Iżda naqbel miegħu u nifhmu meta jgħidli li hi ta’ uġigħ ta’ qalb li sfortunatament dawn l-inħawi għadhom ittimbrati bl-iswed ma’ settur żgħir tal-poplu.
“Il-mod kif jitkellmu ċerti nies fuq dawn in-naħat tal-Kottonera huwa ta’ uġigħ ta’ qalb. Bħal donnu f’kull ħaġa ħażina li jkun hawn dejjem jintefa’ dell ikrah fuq dawn il-postijiet. In-nies tan-naħat tal-Kottonera batew u għaddew minn ħafna diffikultajiet f’dawn l-aħħar snin. Jien ngħid ukoll li kien hemm gvernijiet li abbużaw minnhom għax ħallewhom jaqgħu lura. Il-bżonnijiet ta’ kuljum tawhomlhom imma affarijiet oħra le. Bniedem aħjar tagħtih il-qażba milli l-ħuta u nemmen li hekk ġara man-nies tal-Kottonera.
“Jien ngħidlek li dawn in-naħat sar progress imma seta’ sar aktar. Nemmen li fuq perjodu ta’ 10 snin dawn in-naħat se jerġgħu jkunu ċentru kummerċjali u ċentru importanti għal Malta.”
Nitkellem ma’ Agius fuq St. George’s. Jgħidli kif bdiet il-karriera tiegħu bħala plejer u kif sab ruħu President ta’ dan il-klabb li tant iħobb.
“Jien fi tfuliti bdejt nilgħab fit-toroq ta’ Bormla bħalma kienu ħafna mit-tfal tal-età tiegħi. Minn dejjem kont dilettant tal-futbol u minħabba li ħafna minn tfuliti qattajtu fil-Kottonera kont inkun ħafna lejn il-Birgu wkoll.
“Dak iż-żmien konna norganizzaw partiti tal-futbol kull nhar ta’ Sibt u Ħadd u ta’ 16-il sena bdejt nilgħab futbol kompetittiv.
L-ewwel tim li kont nilgħab miegħu kien Cospicua Dynamos u wara Cospicua St. Thomas. Wara lgħabt mal-Minors ta’ St. George’s u ħafna timijiet oħra tal-Amaeturs.
“Fl-ewwel logħba tiegħi ma’ St. George’s ma ninsa qatt li kienet kontra Sliema Wanderers. Dak iż-żmien is-Sliema kellhom plejers kbar. Kienu idoli ta’ kulħadd u kważi kollha kienu jagħmlu parti mit-tim nazzjonali. Niftakar li kienu talbuni biex nimmarka lil Gennaro Camilleri. Dik kienet l-ewwel logħba tiegħi fl-Ewwel Diviżjoni.
“Imbagħad bqajt nilgħab għal xi 10 snin ma’ Bormla. Kont captain ukoll. Fl-aħħar mort ukoll sena ma’ Vittoriosa Stars. Magħhom irbaħt ukoll promozzjoni mit-Tieni għat-Tielet Diviżjoni. Imbagħad dħalt fix-xena politika u l-futbol tfajtu fil-ġenb.
“Bqajt insegwi lil St. George’s għal dejjem. Wara li waqaft jien beda jilgħab magħhom ħija. Kulmeta nkun nista’ dejjem kont immur narahom. Fl-1998, bħal kull sena, St. George’s bdew isibuha diffiċli biex jagħmlu Kumitat u talbuni biex noħroġ għall-President. Emmint li jekk se nidħol mhu se noħroġ qatt. U fil-fatt hekk hu għax din hija d-disa’ sena tiegħi fil-Kumitat. L-ewwel sena tiegħi fil-Kumitat ġejna relegati għat-Tielet Diviżjoni. Kienet sena ta’ dwejjaq u dispjaċir kbir. Ma tantx kelli esperjenza tajba fl-ewwel sena tiegħi.”
Kif irnexxielu jistaporti din it-tip ta’ ħajja għal tant snin bejn ix-xogħol, il-politka, il-futbol u l-familja?
“Fil-ħajja l-iktar ħaġa importanti hi kif tqassam ħinek. Min jirnexxilu jagħmel time table u jżomm magħha jlaħħaq ma’ kollox. Għandi x-xogħol tiegħi, il-politika u l-futbol. Vera jirrikjedu ħin twil iżda nlaħħaq. Niddelega ħafna xogħol u jkolli nammetti li allaħares ma jkunux sħabi tal-Kumitat li jgħinuni fix-xogħol li jirrikjedi l-klabb tal-futbol.
“Konvint li l-poplu ta’ dan id-distrett japprezza x-xogħol tiegħi. Din hi r-raba’ darba li ġejt elett fil-Parlament. Fl-ewwel leġiżlaturi kont responsabbli mix-xogħol u l-industrija. Is-sena l-oħra meta bagħat għalina Joseph Muscat kont minn ta’ quddiem nett li xtaqt li jkolli x’naqsam maż-żgħażagħ u l-isport. Il-Mexxej Laburista tagħni l-isport u naħseb li kienet l-għażla perfetta għalija. L-isport ngħixu u jien insegwi kollox. M’iniex dilettant tal-futbol biss iżda tal-isport kollu u fil-preżent qiegħed niltaqa’ kontinwament mal-għaqdiet sportivi tal-pajjiż.”
Dan l-istaġun St. George’s qabdu ritmu tajjeb. Qed juru logħob tajjeb u personalment inpoġġihom mal-favoriti li jiksbu l-promozzjoni għall-kampjonat Premier. Agius ikellimni fuq l-għanijiet tal-klabb.
“Din is-sena ddeċidejna li mmorru għall-promozzjoni. Ħarisna lejn dawk il-plejers li kien hemm fis-suq u ddeċidejna li nakkwistaw l-istess plejers li bihom konna tlajna Premier xi żmien ilu. Il-plejers li ġibna din is-sena kollha għandhom esperjenza tal-Premier.
“Kellna bidu ħażin fin-Knock Out iżda emminna fit-tim u bqajna nġibu l-plejers sal-aħħar mument. Issa wasalna biex nilagħbu s-seba’ logħba. F’Jannar se nkomplu nsaħħu t-tim u diġà akkwistajna lil Mark Gauci mingħand Floriana. Qed nitkellmu fuq żewġ plejers oħra biex forsi nakkwistawhom. L-għan tagħna hu wieħed biss: dak li nitilgħu Premier!
“Il-ħolma tiegħi hi li f’Mejju li ġej inkunu wieħed mill-klabb promossi. Nemmen li għandna skwadra magħquda madwar il-kowċ. Kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed. Hemm qegħdin.
“Ix-xorti li għandna hi li dan il-klabb hu wieħed mill-ftit fil-pajjiż li m’għandu sold dejn ma’ ħadd. Għalina li nirbħu promozzjoni hu suċċess mingħajr ma mlejna lill-klabb bid-dejn. Din hi l-politika tagħna f’dan il-klabb. U dment li nibqa’ President jien nibqa’ naċċerta lil kulħadd li se nibqgħu nagħmlu dak li nifilħu. Min jiġi warajja żgur li mhux se jsib sold dejn.”
Agius hu l-President tal-aktar klabb veteran fil-futbol Malti. Għalih hu ta’ prestiġju u unur li jmexxi lil dan il-klabb b’tant storja.
“Għalija jfisser ħafna anki jekk hawn min jgħid li ma jfisser xejn. Li tkun il-President ta’ klabb pijunier tal-futbol Malti jfisser li jien għandi aktar x’nagħti lil dan il-klabb biex dak li ħallewlna missierijitna nħallih aħjar għal dawk li ġejjin warajna.
“Id-dispjaċir li għandi b’St. George’s hu li stajna rbaħna ħafna aktar fl-imgħoddi. Nemmen li la aħna konna l-pijunieri u ġejna qabel kulħadd stajna għandna aktar unuri fl-Istorja tagħna milli fil-fatt għandna. Is-sena d-dieħla se nkunu ilna neżistu 120 sena. Nixtieq li dan kollu nfakkruh fl-ogħla kampjonat tal-pajjiż.”
Inpoġġilu quddiemu xenarju. Ngħidlu biex jimmaġina li tajtu bakketta maġika li biha jista’ jibdel xi ħaġa immedjatament.
“Kieku l-ewwel ħaġa li nagħmel tkun lil St. George’s bl-aqwa plejers fid-dinja. Imbagħad nagħmel lill-klabbs kollha indaqs. Jonfqu indaqs u jekk hemm plejer tajjeb ħafna jrid ikollu wieħed tajjeb ħafna kulħadd. Ir-riżorsi tal-klabbs nagħmilhom indaqs. Naf li impossibbli biex issir imma kieku għandi bakketta maġika hekk nagħmel.”
Fil-preżent hu s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli l-bniedem responsabbli mill-isport f’pajjiżna. Puli hu persuna ħabrieka f’xogħolha u fl-ewwel ġimgħat tiegħu f’din il-kariga għamel affarijiet siewja ħafna għall-isport Malti. Fi ftit kliem Puli hu żagħżugħ li wieħed għandu jammira, anki jekk ma tkunx taqbel politikament miegħu. Agius hu tal-istess idea…
“Naħseb li Clyde hu persuna li taħdem miegħu. Hu żagħżugħ ukoll u konxju li l-isport sar parti mill-ħajja normali ta’ kuljum. Hu persuna li tal-inqas meta tiġi biex titkellem miegħu tirraġuna u jisimek. Iżda mbagħad hu li għandu l-poteri biex jattwa l-affarijiet. Nemmen li miegħu tasal u lest li ngħinu għall-ġid tal-pajjiż.”
Lejn l-aħħar nistaqsih kemm għamlu popolari l-futbol u jekk il-pożizzjoni tiegħu f’dan il-klabb tgħinux fil-ħajja politika.
“Jien ngħid li l-futbol ma għeni xejn fil-politika. Anzi, nasal ngħid li kien hemm mumenti li għamilli aktar ħsara. Ikun hawn nies li ma jarawnix sabiħ fid-distrett u ma jiħduhiex tajjeb meta nkunu se nilagħbu ma’ xi tim ieħor mill-istess distrett. Nemmen li għax-xogħol li għamilt stajt kont aktar popolari. Meta jkun hemm xi promozzjoni ta’ klabb mill-Kottonera nkun l-ewwel wieħed preżenti.”
Agius jgħidli li qiegħed igawdi l-ħajja kif inhi u jixtieq jagħmel ftit aktar snin fil-futbol. Jemmen li għal St. George’s hu impossibbli li xi darba jirbħu l-kampjonat Premier iżda ottimist li jekk il-fortuna tkun lejhom jafu jġibu l-FA Trophy f’dawn it-toroq.
“Ix-xewqa tiegħi hi li nibqa’ President. Li nirbħu kampjonat nammetti li impossibbli iżda nemmen li jekk tkun ftit fortunat l-FA Trophy mhix impossibbli. Dik hi l-ħolma tiegħi. Il-bqija ma nista’ ngerger minn xejn. Għandi familja soda u magħquda li jgħinuni ħafna fil-karriera politika u ta’ dan kollu rrid nirringrazzja lil Alla. Nirringrazzja lill-mara tiegħi li minkejja li tgerger ħafna tibqa’ tieħu paċenzja bija.”
Meta niġi biex insellimlu nsejjaħlu bil-laqam ta’ ‘Wefi’. Min-naħa l-oħra tat-triq nistaqsih il-għala jsibuh ‘il-Wefi’.
“Kien laqam li kellu missieri. Aħna qegħdin erba’ aħwa u kollha l-Wefi jgħidulna. Ma nafx għaliex.”

Intervista
Jan: Jimxi fuq il-passi ta’ missieru

Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop


Editorijal
Tama ta’ għaqda



Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Wenzu Mintoff
Si et quatenus



Carmelo Mifsud Bonnici
Daqt jieħu l-ġurament



Joe Ellis
Liġi waħda għall-Gvern u Liġi oħra għaċ-ċittadin



Toni u Peppi
Il-candid cameras, il-ġenituri u t-tfal


Il-Punt - Benny Borg Bonello
Kejl ħażin tal-Enemalta


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan