Joe Ellis | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116
Din il-ġimgħa smajna bl-aħbar li l-awtoritajiet governattivi bdew iżarmaw l-istruttura li nbniet f’Tas-Sliema magħrufa bħala l-Magic Kiosk. Il-kera kienet skadiet u d-Dipartiment tal-Artijiet ta avviż lill-inkwilin biex joħroġ mill-post. L-inkwilin – jew l-ex-inkwilin – ma obdiex u għaldaqstant id-Dipartiment uża l-poteri li tagħtih il-Liġi u beda jżarma l-ħanut.
Wieħed jistaqsi: x’hemm ħażin f’dan kollu? Din struttura li kienet tkerraħ pjazza ħelwa, il-kera kienet skadiet u l-inkwilin ma kellu l-ebda dritt li jkompli jokkupa l-post. Għaldaqstant wieħed faċli jikkonkludi li l-awtoritajiet kellhom kull dritt jieħdu l-passi li ħadu. Effettivament l-awtoritajiet użaw liġi li kienet għaddiet fl-1972 li permezz tagħha l-Kummissarju tal-Artijiet għandu dritt jiżgombra lil kull min ikun jokkupa bla titlu art tal-Gvern u dan mingħajr ma jkollu bżonn jirrikorri għall-Qorti. Huwa dan l-aspett li jħassibni.
Meta ċens jew kirja tagħlaq u s-sid ma jiħux lura f’idejh il-post mogħti b’ċens jew mikri s-sid ma jistax jieħu l-Liġi f’idejh u jmur ikeċċi lil min ikun baqa’ jokkupa l-proprjetà tiegħu. Ma jkollux triq oħra ħlief li jirrikorri għall-qrati u jitlob li jingħata d-dritt jiżgombra lil min ma rrispettax il-ftehim miegħu. Mhux talli hekk, talli matul dawn l-aħħar 80 sena l-leġiżlatur għamel minn kollox biex is-sid ma jiħux lura f’idejh dak li suppost jerġa’ jiġi għandu meta jiskadi ż-żmien miftiehem.
Fuq ir-riforma proposta fil-Liġi tal-Kera nitkellmu darb’oħra: illum jinteressana l-aspett tal-privileġġi li għandu l-Gvern.
Il-Gvern m’għandux għalfejn imur il-Qorti bħalma jkollu jagħmel iċ-ċittadin komuni. Kulma jagħmel il-Kummissarju tal-Artijiet – jew iċ-Chairman tal-Malta Industrial Parks fil-każ ta’ fabbriki – hu li jiffirma ordni, jinnotifikaha bil-Pulizija u jekk dak li jkun ma jobdix isib malajr lill-Pulizija li jkeċċuh mill-post in kwistjoni.
Wieħed jiskanta ferm li dan l-eżempju tant ċar ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti arbitrarjetà uffiċjali u li ġiet introdotta fiż-żernieq tal-epoka tant mistmerra Mintoffjana, mhux talli ma tneħħietx talli llum qed tintuża aktar u aktar.
Wieħed jista’ jirribatti u jgħid li wieħed dejjem jista’ jmur il-Qorti ħalli jwaqqaf lill-awtoritajiet. Bħalma kull avukat jaf, m’hemm xejn awtomatiku f’talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni: daqqa joħroġ u ħafna drabi le. Hija tassew ħasra li meta din il-liġi drakonjana ġiet iddikjarata li tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, il-Qorti Kostituzzjonali ma qablitx u dehrilha li jekk l-individwu jingħata żmien biżżejjed biex jieħu l-każ il-Qorti u jipprova jżomm l-ordni ta’ żgumbrament, allura l-individwu jkun salvagwardat.
Il-problema f’din l-analiżi hi, kif diġà għedna, li m’hemm xejn awtomatiku f’talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Min kien xortih tajba żamm l-ordni ta’ żgumbrament u min kien żvinturat spiċċa fit-triq.
Madankollu l-punt li qed nagħmel hu li teżisti Liġi għaċ-ċittadin u Liġi għall-Gvern. Dan forsi għadu l-wirt tal-era kolonjali imma llum il-Gvern huwa Malti, elett kull ħames snin mill-Maltin. Allura x’ġustifikazzjoni teżisti li l-Gvern ikollu privileġġi fil-konfront taċ-ċittadin? Effettivament il-Gvern f’pajjiżna għandu privileġġi kbar. Anke fil-każ li semmejna, suppost li biex l-istruttura in kwistjoni tneħħiet kellu jkun hemm permess tal-Mepa. Wieħed jiddubita ferm kemm f’dan il-każ tali permess intalabx, aħseb u ara li ngħata. Jekk ingħata verament ingħata fi żmien impressjonanti għax individwu jrid jistenna x-xhur, jekk mhux snin, biex jingħata permess simili.
Mhux hekk fejn jidħol il-Gvern. Kellna ministru fil-leġiżlatura preċedenti li kien jisfida apertament lill-Mepa u d-dipartiment li kien jaqa’ fid-dikasteru tiegħu kien jibda proġetti kbar mingħajr lanqas jindenja japplika għall-permess.
Din il-ġimgħa l-kollega tiegħi Anna Mallia rreferiet fil-MaltaToday Midweek għall-istruttura li se jkollha l-Lufthansa Teknik. Din l-istruttura nbniet mill-Malta Industrial Parks imma l-permess għal din l-istruttura mastodontika ħareġ fi ftit jiem għax intużat il-proċedura hekk msejħa tad-Development Notification Order. Din hi proċedura għal żvilupp ta’ natura minuri bħal per eżempju, dixx ta’ satellita fejn l-applikant kull ma jrid jagħmel hu li javża lill-Awtorità.
F’dan il-każ, u dan ma kienx l-uniku każ fejn intużat l-istess strateġija, biex jiġi evitat il-proċess twil ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni kumplikata bħalma neċessarjament kellha tkun dik tal-LufthansaTeknik, l-awtoritajiet kull ma għamlu kien li taw notifika tal-iżvilupp. Mentri investitur lokali jrid jgħaddi mill-proċess sħiħ li joħodlu ħafna ħin, flus u enerġija, dan l-iżvilupp ġie notifikat u ma kienx hemm bżonn ta’ approvażżjoni mill-Mepa.
Issa, m’hemmx dubju li dan hu investiment ferm importanti għall-pajjiżna li se jħaddem ħafna nies u jipprovdi xogħol ta’ kwalità. L-awtoritajiet li rnexxielhom jattiraw dan l-investiment f’pajjiżna għamlu biċċa xogħol ferm tajba u ħaqqhom prosit kbir. Li mhux aċċettabli hu li dan l-investiment ingħata trattament preferenzjali għax il-Gvern hekk ried, mentri investituri oħra, lokali u m’humiex, ikollhom jgħaddu minn proċess twil u li jinvolvi ħafna flus u dan anke fi proġetti ferm meritevoli.
F’demokrazija Parlamentari s-saltna tad-dritt għandha tkun fuq kulħadd, anke fuq il-Gvern. Il-Liġi għandha tkun l-istess għal kulħadd, mhux ikollok Liġi għaċ-ċittadin u oħra għall-Gvern jew għall-proġetti li jrid il-Gvern. Minkejja li f’demokrazija Parlamentari, il-Gvern, ċioè l-Eżekuttiv, suppost hu mrażżan mill-branek l-oħra tal-Istat u ċioè l-Parlament u l-Qrati, f’pajjiżna l-Eżekuttiv għandu strapoter kbir u l-branek l-oħrajn huma dgħajfa fil-konfront.
Spiss jiġri li l-Eżekuttiv joħroġ avviżi legali li jagħtuh poter li jaqbeż dak li suppost għandu bil-Liġi li jkun għadda l-Parlament. Madankollu l-użu indiskriminat ta’ avviżi legali ftit li xejn iqajjem kontroversja u għalkemm kwalunkwe membru tal-Parlament għandu d-dritt li jipproponi mozzjoni biex tali avviż legali jiġi revokat, il-maġġoranza Parlamentari tal-Gvern tiżgura li ftit hemm skop għal tali mozzjoni.
Pajjiżna mexa ħafna ’l quddiem mill-Indipendenza lil hawn, il-maturità demokratika kibret u kellna kemm-il alternanza tal-poter.
Ħadd m’għadu joħlom li juża l-vjolenza bħala arma politika. Imma l-istrapoter tal-Gvern hu ferm preokkupanti u nħoss li aktar ma jgħaddi ż-żmien it-trażżin fuq dan l-istrapoter qed jonqos u mhux jiżdied.
Iċ-ċittadin huwa wisq għeri fil-konfront tal-Istat u għalhekk tiffjorixxi l-arte d’arrangiarsi fejn kulħadd idabbar rasu kif jista’. Dan irrikonoxxieh Gonzi stess meta fl-aħħar elezzjoni ħeba l-ministri tiegħu u pproġetta ruħu bħala l-personifikazzjoni tal-Gvern.
Imma biex tikkoreġi din it-tendenza hemm bżonn ta’ tibdil strutturali mhux kosmetiku. Hemm bżonn ta’ Parlament f’saħħtu, b’Parlamentari li jżommu lill-Eżekuttiv kontinwament fuq ponot subgħajh. Biex jagħmlu hekk il-Parlamentari jrid ikollhom riżorsi adegwati, honorarium tajjeb li jippermettilhom li ma jagħmlux xogħol ieħor barra dak Parlamentari. Hemm bżonn ta’ qrati, fosthom tribunali amministrattivi, li wkoll ikollhom riżorsi adegwati u jkunu verament ta’ tarka għaċ-ċittadin.
Il-partit fil-Gvern m’għandu qatt jinsa l-effetti devastanti fuq bosta nies tal-arbitrarjetà governattiva fis-snin sebgħin u tmenin. Il-fatt li issa hu jinsab fil-Gvern mhux garanzija li tali arbitrarjetà mhix qiegħda sseħħ illum ukoll. Il-partit fl-oppożizzjoni ma jistax jistrieħ għax jistenna li l-Gvern eventwalment se jaqa’ f’ħoġru imma jeħtieġ li jagħmel kruċjata kontra kull aspett ta’ arbitrarjetà għax dan hu d-dmir sagrosant tiegħu. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Il-Punt - Benny Borg Bonello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|