Carmelo Mifsud Bonnici | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116
Daqt jieħu l-ġurament 1. Nhar it-Tlieta li ġejjin l-Istati Uniti jkollhom iċ-ċerimonja tal-ġurament ta’ Barack Obama. F’dawn is-snin kollha li ilna naraw elezzjonijiet u ġuramenti, naħseb li ma konniex qed naraw daqshekk interess daqs din id-darba. Jolqtuk ir-riklami, jimpressjonawk id-diversi persuni u awtoritajiet li qed jikkummentaw, ibassru u jipprofetizzaw x’se jiġri miegħu dan il-bniedem. Kważi kważi, mingħajr ma trid, f’dan ix-xenarju mondjali li qiegħed jiżviluppa, tibda tħoss li qed jippretendu ferm iktar milli se jkun jista’ jagħti. 2. Għax mhemmx dubju li qiegħed jiret kriżi ekonomika u finanzjarja li d-dinja qegħda tħares u tgħabbi bir-responsabbiltà pajjiżu. Mhu se jkun xejn faċli għalih li jirnexxilu jġib miżuri tant effettivi li jdawwar dak li qed nidħlu għalih biċċa biċċa. Dan huwa iktar ikkumplikat għax “solidarjetà ekonomika” li kienet qed topera llum iddiżintegrat ħafna. M’għadx għandna sitwazzjoni fejn is-saħħa finanzjarja Amerikana kienet garanzija għall-istati kollha li għandhom xi forma jew oħra ta’ kapitaliżmu. 3. It-tmexxija, is-sehem primarju tal-Istati Uniti, bħalissa hu mitluf. Anzi r-realtà hi iktar differenti minn qabel għax minn dak li qed naraw kull demokrazija ħarġet bil-pakkett varju tagħha. Miżuri nazzjonali li jirriflettu naturalment prijoritajiet interni bla mhemm koordinazzjoni oħra, għax il-mument huwa iebes. Hi l-Unjoni Ewropea li rnexxielha taħdem biex tnaqqas dan l-effett. Imma kemm u safejn irnexxielha għad irridu naraw, issa iktar u iktar li tlaqna fi Presidenza li għandha hi stess numru ta’ problemi. 4. Ir-responsabbiltà hija ikbar meta wieħed jikkunsidra li mill-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin l-ideat, il-programm u l-miżuri ekonomiċi li ħarġu minnu ddettaw stat ta’ dipendenza li qatt ma kien hemm fl-Istorja tad-dinja. Jekk l-amministrazzjoni Obama mgħandhiex kontro-programm ta’ riforma, allura x-xenarju se ikun iktar iebes. Anki jekk għandu, dan jidher li tul din is-sena se jkollna iktar problemi. Dan se jinbidel għax hemm dubju li xi pajjiżi se jibnu pedamenti ġodda li bihom se jippruvaw inaqqsu mid-dipendenza tagħhom. Il-pożizzjoni qawwija tal-Istati Uniti se tonqos għal ċertu perjodu. Kemm dan se jdum u jekk terġax tibda s-saħħa “dominanti” jiddependi ħafna minn dan il-bniedem. 5. Ir-raġuni tindika li l-passi tal-bidu tiegħu jridu jsiru fis-suq intern tiegħu. Jekk irid jerġa’ jqabbad il-makkinarju għandu joħloq iktar postijiet tax-xogħol. Irid jibni politika li tmexxi l-ekonomija lejn iktar tixrid ta’ miżuri li jqabbdu n-nar ta’ dak li għandhom bżonn id-diversi Stati li jiffurmaw l-Amerika. Però fil-frattemp, ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja se jkollhom opportunitajiet ikbar biex jidħlu fix-xenarju. Il-pożizzjonijiet tal-biċċiet fuq il-mejda nbidlu u se jibqgħu jinbidlu. Biss, fejn u kemm, għad irridu naraw. 6. Iktar ma jgħaddi ż-żmien il-kumplikazzjonijiet qed jikbru. Is-sistema kostituzzjonali Amerikana din id-darba ħadmet kontra dak li l-fundaturi riedu. Għax il-ħsieb li tħalli l-President ta’ qabel fil-kariga għal numru ta’ xhur qabel jidħol dak li ġie elett hawn kellha effetti xejn pożittivi. L-amministrazzjoni Repubblikana sabet ruħha de-leġittimata diġà qabel l-elezzjoni u dan eventwalment wassal għal “vojt” politiku li fih il-primat tal-preżenza Amerikana naqas ħafna. Il-konflitt f’Gaza jinkwadra ruħu f’dan ukoll. Imma jidher li dan mhuwiex se jkun kapitlu li jingħalaq u jisparixxi. L-effetti f’termini ta’ Presidenza ta’ azzjonijiet terroristiċi żgur li se jitilgħu ‘l fuq. Il-vjolenza iktar vjolenza ġġib. Ma ssolvix problemi. Dan Obama għandu diġà quddiemu, u terġa’, iktar xenarju iebes għal Hilary Clinton li jista’ jrendi ruħu bħala l-eżami għaliha. 7. Fil-volumi ta’ kliem li nkitbu f’dawn il-jiem laqtuni l-veduti ta’ Henry A. Kissinger u Mario Tronti li b’livelli varji ta’ biża’, it-tnejn qed jirreaġixxu kontra l-ottimiżmu kbir li dan il-President il-ġdid irnexxielu jibni. Kissinger, mimli esperjenza, oriġinarjament b’lealtà Repubblikana, jiddikjara li kien il-President John F. Kennedy biss li rnexxielu jibni tant fl-immaġinazzjoni tal-umanità. Element li għal dan il-bniedem hu essenzjali għall-ordni mondjali ġdid. Proprju għalhekk li dan il-valur m’għandux jintilef. Fuq pożizzjonijiet iktar iebsa Tronti, li jrid jikxef iktar dak li hu Obama (għalih), f’termini li jneħħu kull idealiżmu, jiddeskrivi l-elezzjoni tiegħu bħala “una Machiavellina presa di potere, perfetta”. 8. Il-ġurament ta’ dan il-President wasal ukoll. Kemm se jibdel u x’se jibdel għad irridu naraw. Iżda għandu ħafna vantaġġi li ħaddieħor ma kellux fosthom, kif qal Tronti: “Era facile essere contro Bush, sarà difficile essere contro Obama”.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan