MediaToday

Emmanuel Micallef | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116

Pajjiż kontroversjali

Ma nafu nagħmlu xejn jekk ma noħolqux il-kontroversja. Mhux għax kultant it-trikki trakki ma jagħmlux ħajjitna iktar attraenti. Imma f’dan il-pajjiż naħseb li l-iktar ħaġa li nieħdu gost nagħmlu hi li naqblu li ma naqblux. Ma jimpurtax li nesprimu opinjonijiet differenti. Allaħares nippruvaw immeru dak li kienu jgħidu missirijietna li mitt bniedem mitt fehma. Iżda mill-banda l-oħra ma jistax ikun li kull meta xi ħadd jiftaħ ħalqu qishom jinfetħu bibien is-sema u kulħadd ifajjar bl-addoċċ.
L-agħar ħaġa li nagħmlu iżda hi li fejn naslu biex niftiehmu noqogħdu nfettqu biex nilagħbuha kemm aħna rridu nkunu differenti mill-kumplament. Biex nidhru kontroversjali. Sfortunatament ħafna huma dawk l-opinjonisti li jaqilgħu kritika għaliex jikkummentaw fuq kull suġġett li jeżisti mis-sema ’l isfel.
L-ispeċjalisti jiddejqu jisimgħu jew jaqraw opinjonijiet li tpoġġihom f’dell ikrah u ħafna drabi jiġri li minflok jirribattu b’argumentazzjoni (anke akkademiċi) jekk ikun hemm bżonn, jispiċċaw jiddubitaw il-fehma tal-opinjonisti jew artikolisti fil-ġurnali. Nispiċċaw li flok noħolqu d-dibattitu nirriduċu kritika kontra oħra fuq min jagħmel l-argument u mhux fuq l-argument innifsu.
Fil-politika din il-kwistjoni ta’ kontroversja nikluha qisha biċċa ħobż bil-butir. Ma narawx jekk proposta mressqa minn naħa jew oħra hix siewja jew le. Mhux biżżejjed li nevalwawha u naraw kif nistgħu nemendawha ħalli tkun aħjar. Le, kull darba rridu nabortixxu l-idea, jekk jista’ jkun qabel ma toħroġ minn fommna. Jekk naħa toħroġ b’xi ħaga bis-sens, minflok nammettuha naraw kif indawruha biex immaqdruha sempliċiment għax l-idea jew il-proposta tkun giet minn naħa l-oħra. Qishom il-partiti politiċi tagħna ma jistgħu jaqblu f’xejn. Bħal dak li qallu l-politiċi tagħna, hu x’inhu t-twemmin politiku li jħaddnu, mhux Malta jgħixu!
Għalhekk tinstema’ aħbar straordinarja kif il-Prim Ministru nnomina lil eks Deputat Mexxej tal-PL bħala l-President ta’ Malta li jmiss. Jien ngħid li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba rrispettivament min hi l-persuna. Il-poplu fil-biċċa l-kbira wera kunsens għal din l-għażla għax il-poplu hu mxebba’ li f’kull ma nagħmlu bilfors irridu nagħtu l-kulur li jaqblilna.
Iżda kif spiċċat din il-biċċa? L-aħbar ma kinitx kif il-Prim Ministru refa’ rasu ’l fuq mill-interess partiġġan u bagħat messaġġ li hemm ċirkostanzi fejn il-partit m’għandux jiġi qabel il-pajjiż. Minflok fittixna min kien kontra n-nomina fil-Partit Nazzjonalista u min kien kontra fil-Partit Laburista. Min ma kienx sodisfatt b’daqshekk qagħad ifittex biex jara jekk wara kollox din in-nomina kinitx xi ħaga ta’ barra minn hawn jew le!
Minkejja li aħna magħrufin li aħna insara ferventi (kien xi żmien!) xorta waħda nfittxu l-kontroversja f’dak li jingħad mill-Knisja. L-Arċisqof innifsu kellu joħroġ jiċċara, jekk mhux biex inkomplu nħawdu l-borma, l-interpretazzjonijiet li taw il-mezzi tax-xandir lokali u barranija dwar id-diskors tal-Milied tal-Papa dwar l-inseminazzjoni artifiċjali u l-omosesswalità. X’fehem eżattament il-poplu b’dak li ntqal?
Ħafna kienu dawk li tħawdu għax ma jagħmlux distinzjoni bejn id-drittijiet u d-dmirijiet morali u dawk ċivili. Dak li jinteressana mhux x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dawk li jistgħu jaqtgħu xewqithom u jkollhom it-tfal, jew jekk tnejn min-nies tal-istess sess għandhomx dritt jgħixu bl-istess drittijiet daqs tnejn minn nies tas-sess oppost. Id-dibattitu spiċċa biex niftħu għajnejna għal dak li nixtiequ nisimgħu waqt li nissiġillawhom għal dak li ma jdoqqx għal widnejna. L-aqwa li tkun ħarġet il-kontroversja.
M’għandniex xi ngħidu dak li jagħmel il-Gvern tal-ġurnata hu dejjem suġġett għal interpretazzjonijiet differenti. Dan jiġri għax il-Gvern biex ipinġi għemilu qisu xi duwa tal-Madalena ma jitkellimx ċar imma jagħmel kif jaqbillu.
Nieħdu mit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Hawn xi ħadd li jista’ jgħid li jaf eżattament x’se jħallas u għaliex ir-rata hi dik li sab fuq il-kont li rċieva? Forsi mhix kwistjoni li qajmet kontroversja sħiħa din tat-tariffi? Serviet biex uriet li l-Gvern ma kienx imħejji tajjeb; uriet li l-unions jitfixklu fil-ġid u wriet ukoll kif fejn suppost ningħaqdu ponn biex nilqgħu għall- kriżijiet li jiġu minn barra nispiċċaw noħolqu problemi minn ġewwa. Min jgħid li bil-prezz taż-żejt illum stajna ffrankajna dan l-inkwiet u min jgħid li ma nistgħux nagħmlu mod ieħor.
Kien hawn xi ħadd li qal li dan pajjiż tal-Mickey Mouse. Jien ngħid li issa sirna pajjiż ta’ viva l-kontroversja!

Intervista
Jan: Jimxi fuq il-passi ta’ missieru

Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop


Editorijal
Tama ta’ għaqda



Emmanuel Micallef
Pajjiż kontroversjali



Wenzu Mintoff
Si et quatenus



Carmelo Mifsud Bonnici
Daqt jieħu l-ġurament



Joe Ellis
Liġi waħda għall-Gvern u Liġi oħra għaċ-ċittadin



Toni u Peppi
Il-candid cameras, il-ġenituri u t-tfal


Il-Punt - Benny Borg Bonello
Kejl ħażin tal-Enemalta


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan