Intervista | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116
Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop
“Iddeċidejt li nsegwi l-passi ta’ missieri,” jistqarr Jan Chircop, it-tifel tad-Deputat Laburista Karl Chircop li miet f’Ottubru li għadda wara ġimgħat sħaħ f’koma.
Iż-żagħżugħ jgħid li ddeċieda li meta f’Ġunju li ġej itemm il-kors universitarju fil-mediċina jibda jipprattika ta’ tabib tal-familja u jwarrab għal kollox il-ħsieb li kellu li jmur jispeċjalizza fuq re-construction surgery barra minn Malta.
Jistqarr li kellu diġà f’idejh l-applikazzjoni biex jagħmel dan il-pass imma ftit ilu ħa d-deċiżjoni finali.
Kienet il-mewt ta’ missieru li tefgħetu f’rotta differenti? Forsi l-fatt li jħalli lil ommu waħidha tfendi ma’ tlett itfal żgħar?
“Dawn kienu fatturi li kkunsidrajt imma ma kinux il-fatturi maġġuri. Dejjem staqsejt lili nnifsi din il-mistoqsija dwar jekk għandix inkun tabib tal-familja.
“Hi sensazzjoni sabiħa ħafna. Tiltaqa’ ma’ ħafna każijiet differenti u mhux dejjem l-istess rutina.”
Imma Jan Chircop jinkwetah il-fatt li ħafna tobba Maltin, speċjalment żgħażagħ, qed jitilqu minn Malta u jmorru jaħdmu f’pajjiżi oħra? Hemm brain drain?
“Medikament iva. Teżisti problema. Dawk li jsiefru ma nlumhomx. Hemm ħafna fatturi: il-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet f’Malta huma tali li ma tistax tibqa’ hawn biex tispeċjalizza fil-qasam li tixtieq,” jispjega ż-żagħżugħ.
Inkompli nniggżu.
“Il-problema hi kbira ħafna. Ma tistax tissolva sempliċiment billi ngħidu għandna sptar ġdid. Iridu jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi. Il-Gvern irid jistimulahom lit-tobba żgħażagħ.”
Għal Jan Chircop id-deċiżjoni dwar fejn se jaħdem u jekk hux se jmur barra hi lesta.
“Eventwalment naqta’ għal rasi. Nippreferi li nkun fin-nukleu tal-familja. Se nkun qed nieħu gost nagħmel iż-żjarat fid-djar u fi kliniki differenti.”
Missieru kemm kien influwenti fl-għażliet li qed jagħmel bħalissa fil-karriera?
“Il-papà kien influwenti ħafna. Kont narah ta’ kuljum mal-pazjenti. Kont nara r-rispett u l-imħabba reċiproka minnhom, kif kien jgħinhom u jtejbilhom ħajjithom.
“Kien jgħinhom mhux biss mill-aspett mediku. Kien jilqa’ lil kulħadd. Għalih xogħlu ma kienx biss limitat għall-bagalja. Kien jgħin lill-proxxmu. Ma kienx persuna li jgħidlek se jaqdik imbagħad jinsik. Kien jaqbad il-mobile dak il-ħin u jaqdik.”
Il-politika … kif iħares lejha? Jikkonferma li kien hemm diġà min avviċinah biex joħroġ għall-politika u jimla’ l-vojt li ħalla missieru?
“Kbirt fil-politika għal dawn l-aħħar 12-il sena. Konna ngħixu ta’ kuljum u naf x’tirrikjedi u x’tieħu mill-ħin tiegħek. Il-politika fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha. Hi deċiżjoni li għad irrid nieħu fil-futur. Ma nafx hix kwistjoni ta’ sentejn, ta’ ħamsa jew ta’ 15-il sena oħra,” tkun it-tweġiba.
“Infurmati li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm min avviċinak biex toħroġ kandidat. Tikkonferma?,” nistaqsih.
“Il-possibbiltà li noħroġ għall-politika hi possibbiltà li ma nistax naqbad u nwarrabha. Kien hemm iva min ġie jkellimni. U kien hemm mill-kbir saż-żgħir,” tkun ir-reazzjoni.
Nitolbu min u jinsisti li f’dan l-istadju żgur mhux se jsemmi ismijiet anke jekk fi kliemu jagħti x’jifhem li bil-kelma ‘kbir’ kien qed ifisser l-ogħla ġerarkija tal-Partit Laburista.
Kien hemm ukoll l-imbuttatura tal-canvassers.
“Kien hemm ħafna minnhom li l-maġġoranza kont qed nistenniha li se javviċinawni għax kienu qrib ħafna ta’ missieri. Naf li dawn kienu nies li seta’ jafda fihom. Kienu dawn in-nies li ġew mill-ewwel. Imma ma kinux biss canvassers. Kien hemm ukoll ħbieb tal-familja li b’mod ġenerali għenuna li npoġġu lilna nfusna mill-ġdid fuq saqajna.
“Mhux se ngħid li tinsa għax għadna għaddejjin mill-effetti tal-mewt ta’ missieri. Imma dawn in-nies jgħinuk biex issib il-kuraġġ biex taffronta s-sitwazzjoni.”
Imma l-pass ta’ jekk għandux jidħol jew le fil-politika ddiskutieh m’ommu?
“Ma ddiskutejniex fil-fond dwaru. Naf ommi xi tħoss. Tiddiskuti kemm tiddiskuti naf kif taħsibha,” iwieġeb filwaqt li jgħolli jdejh u jferraq xagħru.
Bejn mistoqsija u oħra jtarrafli li ommu għandha r-riservi tagħha dwar id-dinja politika.
“Missieri kien joħroġ mid-dar fit-8am u jidħol lura anke wara l-11 ta’ bil-lejl. Ma tantx jifdallek ħin għall-familja. Li kien ibellaħni f’missieri kien li dejjem kien isib ħin għall-familja. Kien dejjem hemm għalina kollha. Nammirah li minbarra li kien tabib u missier ta’ familja kien ukoll fil-politika,” ikompli t-tifel.
“Fl-aħħar mill-aħħar naf l-iżvantaġġi tal-politika. Se tkun l-għażla tiegħi u ħadd mhu se jindaħal. La meta se jkomplu jgħiduli oħroġ għall-politika u lanqas meta se jkun hemm min jgħidli żomm barra minnha,” jistqarr b’affermazzjoni.
Inżellaqlu argument ieħor. Naħseb konxju li missieru kien maħbub u fl-aħħar elezzjoni ġab numru kbir ta’ unijiet. L-istorja s’issa dejjem uriet li fejn iben ried isegwi lil missieru jew qaribu politikament irnexxielu u tela’ fil-Parlament: Beppe Fenech Adami, Carmelo Mifsud Bonnici, Mario Demarco, Paul Borg Olivier…
“Veru, veru. Is-saħħa tal-isem qiegħda hemm. Xorta iżda ma tidħol imkien fid-deċiżjoni tiegħi. L-Ingliż jgħid li the proof of the pudding is in the eating u jien nemmen li fil-politika int biss se tipprova lilek innifsek.”
Qatt kien involut f’politika studenteska?
“Dejjem żammejt lura minn dawn l-affarijiet. Tbeżżagħni ftit għax Malta naf kif aħna. U xorta. Jien ma ridt qatt li nxekkel il-karriera tiegħi. S’issa dejjem irraġunajt li jew tistudja jew tiġġieled il-ġlieda. Ridt dejjem neċċella u nġib riżultati tajbin u għalhekk qatt m’għamilt dak il-pass.”
Il-fatt li missieru kien fil-politika awtomatikament tefgħu fl-arena tal-argumenti u xi minn daqqiet għat-tinbix ta’ studenti mhux tal-istess fehma.
“Kont diġà suġġett ta’ argumenti minn studenti. Il-lecturers dejjem kienu professjonali miegħi u dik napprezzaha. Imma jkun hemm studenti li jafu x’inhuma l-fehmiet politiċi tiegħi u jekk se jattakkaw lill-Partit Laburista jattakkaw bil-kliem indirizzat fid-direzzjoni tiegħi.”
Bħal donnu dan il-punt joqros fil-laħam il-ħaj u mill-mod kif iwieġeb minn issa ’l quddiem aktar ixaqleb lejn in-naħa li aktar lest li joħroġ għall-politika milli le.
“Kull kampanja ħdimtha ma’ missieri. Id-door-to-door kont nagħmlu miegħu. Rajt ir-realtà tal-faqar, ir-realtà u l-problemi li jġib miegħu l-mard u kemm dawn iżidu mal-piżijiet u stress li diġà jkollhom ħafna familji. Dawn in-nies jekk ma jiġux megħjuna, mhux jibqgħu kif inhuma imma jmorru għall-agħar. Jien nista’ nagħtik eżempju bina. Aħna kellna appoġġ straordinarju wara li ħalliena l-papà. Mingħajr dan is-support ma nafx kif konna nkampaw daqshekk tajjeb.
“Jien nirraġuna li jekk is-support lill-familji fil-bżonn nista’ nagħtih oltre mill-bagalja ta’ tabib tkun xi ħaġa sabiħa ħafna,” isostni Jan.
U hawn tiżloq ix-xewqa politika li anke jekk qed jipprova jostorha, tgħolli rasha b’mod naturali.
“Li nixtieq nikseb bil-politika hi li nkun nista’ ntejjeb il-kundizzjonijiet ta’ saħħa, l-ambjent, l-edukazzjoni, il-finanzi u l-ġustizzja. Il-politika hi għodda oħra ta’ kif tista’ tgħin lil ta’ madwarek. In-nies sfortunatament ma tirrealizzax kemm hawn nies li jsofru ta’ kuljum.”
Għad li lejlet l-ewwel tas-sena għalaq biss 22 sena t-tifel għandu ċertu melħ politiku. Li jagħmlu differenti minn missieru hu l-mod kif iwassal il-messaġġ. Għad li jitkellem b’ċerta kalma li bla ma trid tfakkrek f’Karl Chircop, Jan juża l-vuċi u t-tonalità b’mod konvinċenti u l-messaġġ joħroġ aktar b’saħħtu.
Jekk skont Jan hemm affarijiet li fil-politika hemm bżonn li jkunu ndirizzati, dawn x’inhuma?
“Bħalissa l-problema hi li n-nies għandhom nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema ġudizzjarja u qed jieħdu l-Liġi b’idejhom. Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni qed tpoġġi wkoll piż fuq il-poplu. Irridu nitilqu mill-punt li l-immigranti huma nies bil-bżonn 20 darba aktar minna. Imma jien ngħid li issa li nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea, it is only fair li dan il-piż jinqasam. Ma dħalniex fl-Unjoni Ewropea biex nagħtu biss imma biex il-pajjiżi jgħinu lil xulxin fil-mument tal-bżonn!”
Il-lista taż-żagħżugħ tkompli.
“Ħaġ’oħra li hemm bżonn li tkun indirizzata hi l-kwistjoni tal-lecturers. Qabel l-aħħar elezzjoni l-Gvern ftaħar li se jagħti prijorità lill-edukazzjoni. Li nara ironiku hu li disa’ xhur ilu qalulna li l-edukazzjoni tagħna hi l-akbar riżorsa u l-aktar ħaġa importanti, imbagħad wasalna fejn wasalna. Fejn hi l-koerenza?”
Indawwar il-mistoqsijiet fuq il-mewt ta’ missieru. Wara din it-telfa awtomatikament ħa r-rwol tal-kap tal-familja?
“Naf li ħuti jidentifikaw lill-papà fija u ċerti affarijiet ninnutahom. Sa ċertu punt din ir-responsabbiltà ma niddejjaqx inġorrha. Naf li dawn huma ħuti. Iżda tweġġagħni li naf li ħuti għandhom il-maġġoranza ta’ ħajjithom mingħajr missierna. Irrid nikkumpensa għal dan.
“Sal-bieraħ stess tellajthom Ta’ Qali jaraw logħba tal-Hibs. Xi ħaġa li kienu jagħmluha miegħu. Fejn iħossu mumenti ta’ vojt nipprova nimla kemm jista’ jkun. Xorta hi diffiċli,” iħares għal ftit sekondi fil-ġenb imma jitkellem b’ċerta serenità.
“Fl-aħħar tmiem il-ġimgħa li għaddiet lil ħuti ħadthom il-Buskett kemm jaqtgħu ftit. Kienu affarijiet li kienu jagħmluhom ma’ missieri.”
Nistaqsieh jekk bħala familja ddeċidewx dwar il-possibiltà li jiltaqgħu mal-persuni li rċevew l-organi ta’ missierhom.
“Naf li bħalissa ommi qed tiddiskuti dan is-suġġett mal-isptar barra minn Malta,” iwieġeb Jan. Dak il-ħin fil-kamra tidħol ommu, mart Karl u tpoġġi maġenbna.
Tispjegalna li kilwa rċeviha xi ħadd ta’ 32 sena. U l-fwied omm ta’ 60 sena li għandha disat itfal. Kilwa oħra sfortunatament ma kinitx suċċess.
“Hemm organizzazzjoni li jekk tingħata kunsens bħala familja nsiru nafu min huma dawn il-persuni,” tgħid l-omm. “Għadni rrid insib ħin u nweġibhom.”
Tħares lejn binha u tistaqsieh jekk jaqbilx li jiltaqgħu mal-persuni li rċevew l-organi.
“Iva, mela. Nagħmluha. Xi ħaġa sabiħa,” jitbissmilha Jan minn fuq is-sufan.
“Mela se nagħmluha. Isiru jafu min hu d-donatur u jsiru jafu min hu Karl,” tkompli l-omm b’għajnejha issa ftit miksurin.
“Tliet ġimgħat biss qabel miet Karl jien u hu konna ddiskutejna dan is-suġġett u għidtlu li jien ma rridx ngħix fi stat ħażin li tkun kabuċċjat,” tistqarr l-omm.
“Tliet ġimgħat qabel għidtlu dejjem se nagħmlu d-donor’s card u qatt m’għamilniha. Karl qabel li nagħmlu din il-card. Mn’alla kellna din id-diskussjoni għax meta ġie nieqes id-deċiżjoni li nagħtu l-organi ma kinitx diffiċli. Dak li nixtieq, li l-ġest ta’ Karl inissel sens ta’ diskussjoni fil-familji dwar dan is-suġġett delikat,” tagħlaq l-omm.
U għat-tifel il-kbir, x’inhu dak li jixtieq li l-Maltin iżommu quddiem għajnejhom?
“Taf xiex? Nixtieq li n-nies iħarsu lejn Karl Chircop kif kien jgħix il-ħajja b’tant imħabba u rispett. U li n-nies jaslilha l-messaġġ li fil-ħajja ta’ llum għadu possibbli li jkollok ħajja kuntenta, anke jekk hi daqstant mgħaġġla u mimlija stress. Anke jekk il-ħajja mgħaġġla xorta tista’ ssib il-ħin biex lill-proxxmu tagħtih l-attenzjoni u turih li int qiegħed hemm għalih.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Il-Punt - Benny Borg Bonello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|