Editorjal | 18 ta’ Jannar 2009 Nr 116
Waqt li Malta xegħlet bl-aħbar li kien intgħażel il-President il-ġdid, ftit kienu dawk li taw kas tad-dibattitu li sar fil-Parlament dwar il-Liġi tal-Kera.
L-għażla ta’ President tisraq l-għajn. Se jitqiegħed fil-quċċata ċerimonjali tal-Istat l-Avukat George Abela, magħruf għall-militanza tiegħu fi ħdan il-PL iżda nnominat mill-Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi. Mossa bħal din ma tistax ma taljenaniex.
Min għandu d-delizzju tal-politika malajr jintilef iħabbel rasu dwar it-tifsira li għandha din in-nomina: kemm f’qawwa simbolika, kemm bħala manuvra politika bejn il-PN u l-PL.
Gonzi jidher li lagħab lil Muscat billi għamel turija ta’ ġenerożità politika. Muscat ma setax igħid le. Irid jew ma jridx lil George Abela bħala President kien jidher ikrah wisq kieku wera l-iċken sinjal li ma jridux.
Joseph Muscat għaġġel ilaqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-PL biex kiseb approvazzjoni tan-nomina ta’ Abela. Tant għaġġel li wasal qabel il-Grupp Parlamentari tal-PN li ddiskuta n-nomina tard wisq meta l-ħaġa kienet diġà saret pubblika u għalhekk fatta.
Jidher li Gonzi kien lagħab lil kulħadd. Dawk id-deputati Nazzjonalisti, fosthom Jeffrey Pullicino Orlando, li ħadu għalihom, ħadu bħala risposta li l-Prim Ministru kien awtorizzat minn kulħadd biex jagħmel din in-nomina.
Ifhimha kif trid, jew li Gonzi kien kellem lil kulħadd mingħajr ma laqqa’ lil xi grupp ta’ deputati jew li l-awtorità tiegħu ġejja dirett mill-Kostituzzjoni li torbtu biss li jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ironikament l-oppożizzjoni mistennija minn xi deputati tal-PL tidher li għebet fl-approvazzjoni tal-Grupp Parlamentari waqt li ħarġet fil-beraħ oppożizzjoni mhix mistennija mill-kamp tal-PN minħabba l-mod kif tħabbret in-nomina.
Dan kollu bħall-grigalata li laqtitna f’dawn il-jiem: storbju, riħ, xita ... għal ftit jiem imbagħad jgħaddi kollox. George Abela se ikun il-President li jmiss.
Feraħlu kulħadd u ferħu bih il-biċċa l-kbira tal-Maltin li kellhom għatx għal sinjal ta’ ftehim bejn il-partiti fil-Parlament wara snin twal ta’ konfront dejjiemi. Nifirħulu aħna wkoll u nawgurawlu ħatra memorabbli.
Jasal għaliha mgħobbi b’tamiet sbieħ ta’ ħafna u ħafna Maltin. Għandu opportunità tad-deheb biex juri l-potenzjal sħiħ tal-Presidenza bħala forza morali li tgħaqqad iżjed minn kull min ġie qablu. Jista’ jħalli fil-wirt politku tiegħu ħafna iżjed milli qatt kellu tama li jħalli warajh kieku baqa’ miexi f’karriera fi ħdan partit minnhom. Issa naraw.
Dan kollu satar bil-kbir diskussjoni kruċjali li qegħda ssir fil-Parlament. Jidher li jaqbel liż-żewġ partiti fil-Parlament li ma jitqanqal l-ebda ferment dwar ir-riforma fil-Liġi tal-Kera. Ngħiduha kif inhi, mhux suġġett li jqabbdek xi eċċitament sakemm ma toqgħodx f’xi dar bil-kera kkontrollata jew sakemm m’intix sid ta’ xi dar li taqla’ minnha xi kera taż-żufjett.
Aħna li m’għandniex minn dan l-interess mingħalina li m’għandniex x’naqsmu. Mhux veru. Il-qofol ta’ kollox f’Malta hu l-prezz tal-proprjetà. Hemm rabta qawwija bejn x’jiġri fil-kiri u x’jiġri fis-suq tal-proprjetà. Min minna m’għandux interess? Ukoll dawk li joqogħdu fi djar tal-Gvern jintlaqtu meta jseħħ taqlib ekonomiku minħabba tbagħbis f’settur kruċjali bħal dan.
Kieku din il-liġi kienet se toħloq suq tal-kiri bis-serjetà, kieku dak il-bisibilju ta’ djar vojta kienu se jaslu fuq is-suq b’offerta realistika; kieku din il-liġi kienet se twassal biex ikun hemm min jagħraf li jaqbillu jikri għax il-kirjiet qatt ma jistgħu jogħlew b’mod esaġerat; kieku bilfors jiġi affettwat il-prezz tal-proprjetà. Kollox kieku.
Fil-fatt din il-liġi, bħal elf ħaġ’oħra, tagħraf biss il-pressjoni li saret biex tinbidel liġi staġnata u antikwata maqtugħa għal kollox mill-bqija tar-realtà madwarha. Bħal kull tibdil fil-Liġi tal-Kera li seħħ tul dawn l-aħħar 60 sena qegħda tillapazza billi ċċedi għall-pressjoni mingħajr m’għandha l-kuraġġ li twettaq riforma mill-qiegħ.
Jidher ċar minn issa li malli tgħaddi l-liġi mill-Parlament jibdew serje ta’ kawżi li jwasslu sal-Qorti Ewropea.
Il-klassi politika Maltija beżgħet milli tagħraf li l-Liġi tal-Kera kif inhi u kif se tiġi emendata tikser il-Liġi Ewropea. Qed jittrattaw lis-sidien u lill-inkwilini bħalma l-Gvern Nazzjonalista ttratta lill-kaċċaturi u lin-nassaba. Qed jippruvaw jidhru sbieħ ma’ kulħadd meta jafu sew li r-riforma mhi riforma xejn u se sseħħ finalment biss meta jintrebħu l-kawżi f’qorti barranija. B’hekk kemm il-Gvern u kemm l-Oppożizzjoni jkunu jistgħu jwaħħlu fl-UE meta jinqala’ l-inkwiet.
Il-medja tal-kera ta’ dar ikkontrollata ma taqbiżx il-€172 fis-sena. Kważi mkien ma ssib tikri b’anqas minn €230 fix-xahar b’kera liberalizzata.
Mela l-medja tal-kera kkontrollata qegħda 1/15 tal-kera medja tas-suq u l-liġi proposta fl-2009 trid li din il-kera mnaqqsa tiżdied skont l-indiċi tal-għoli tal-ħajja sakemm xi darba l-inkwilini jkunu mietu kollha. Mhi riforma xejn.
Kienet tkun riforma kieku wasslet fuq is-suq offerta li tiżboq id-domanda, kieku jsir jaqblilna nikru u mhux nixtru djarna. Kienet tkun riforma kieku jinħoloq suq tal-kera li jkun alternattiva qawwija u b’hekk iżżomm milli jisparaw ’il fuq il-prezzijiet tal-proprjetà. Kienet tkun riforma rispettabbli kieku mmirat li teħles mill-jasar tad-dejn lill-eluf ta’ koppji żgħażagħ.
Kienet tkun riforma fejjieda kieku tfasslet b’mod li tibda teħles parti mill-flejjes li dfinna fil-ġebel biex inkunu nistgħu nħaddmuhom għall-iżvilupp tal-ekonomija tagħna.
Kienet tkun riforma bis-serjetà kieku l-Gvern għaraf darba għal dejjem li kull għajnuna soċjali fil-qasam tad-djar għandha tingħata mill-Istat u mhux mill-privat skont ix-xorti. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jan Chircop
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Il-Punt - Benny Borg Bonello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|