MediaToday

Toni u Peppi | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115

Il-poteri li jmissu jkollu l-President

TONI

Erġajna wasalna biex ikollna President “ġdid”. Meta ngħid ġdid ma jfissirx wiċċ ġdid iżda ġdid f’din il-kariġa. Qiegħed ngħid dan għaliex normalment dejjem ikun xi ħadd li wiċċu jkun ittiekel biż-żmien li jkun ilu fil-Parlament. Kultant ikolli is-sensazzjoni li din il-kariġa hija riservata għal dawk li tant ikunu ilhom fil-Parlament li jekk ma jibqgħux tinkisrilhom qalbhom.
Għalhekk kull meta jasal iż-żmien għal ħatra ġdida f’din il-kariga jibda t-tqasqis, il-manuvri politiċi u d-diċeriji li jħallu lil kulħadd kurjuż dwar jekk l-aħbarijiet li qegħdin jaslulhom humiex minnhom jew le. Aktar moħħna f’min se jkun milli x’jista’ jagħmel jew x’bidla se jġib minn jidħol f’din il-kariga. Issa jekk hemm kariga li fil-fehma tiegħi għandha tkun trasparenti hija proprju dik tal-President.
Iżda l-mod kif jinħatar, bħal speċi ta’ konklav mimli misteri, hija għal kollox kontra dak li għandu jirrappreżenta l-President ta’ Malta: jiġifieri l-għaqda nazzjonali. Prova ta’ dan hija l-ħatra ta’ Eddie Fenech Adami li minn wieħed mill-aktar Prim Ministri politikament ikkargat mat-tokk ta’ nofs il-lejl minn qargħa ħamra nbidel f’karrozzella rjali.
Iżda ħalli għall-mument ninsew min jista’ jkun u minflok naħsbu daqsxejn x’għandu jkun. Sal-lum il-President għandu pjuttost rwol ċerimonjali. Iżda mhux daqshekk. Il-Kostituzzjoni f’ċerti mumenti diffiċli tagħtih ċerti poteri. F’każijiet estremi, li s’issa pajjiżna qatt ma kellu minnhom, għandu s-saħħa li jneħħi lill-Prim Ministru u jsejjaħ ieħor floku biex jifforma maġġoranża fil-Parlament.
Meta jkun hemm vot ta’ sfiduċja ta’ importanza, kontra kull impressjoni popolari li bilfors jekk jaqa’ l-Gvern iridu jissejħu l-elezzjonijiet mill-ġdid, jista’ jekk irid, ifittex persuna fil-Parlament li jidhirlu li tista’ tgħaqqad Gvern.
Meta jum fost l-oħrajn, xi snin ilu, Eddie Fenech Adami offra r-riżenja tiegħu wara deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Impiegi, il-President ta’ dak inhar, Ugo Mifsud Bonnici ma aċċettahiex. Vera li ċerti riżenji jixbħu t-theddida ta’ nannti lin-nannu li titilqu u dejjem baqgħu flimkien sal-ġurnata tal-mewt, iżda dak in-nhar il-Gvern ma waqax.
Punt ieħor important hu li għalkemm vera li l-President jinħatar b’maġġoranza sempliċi, biex jitneħħa trid żewġ terzi tal-Kamra u għall-istess raġunijiet li jista’ jitwarrab imħallef.
Sal-lum il-konvenzjoni fil-Parlament dejjem kienet li l-President ma jistax jirrifjuta li jiffirma liġijiet. Din hija konvenzjoni antika tal-Parlament Ingliż. Iżda filwaqt li r-Reġina fl-Ingilterra tista’ teorikament titneħħa b’maġġoranza sempliċi, il-President Malti jista’ jitneħħa biss b’żewġ terzi. Jista’ jkollok il-possibbiltà li jekk il-President jagħżel li ma jiffirmax liġi tinħoloq kriżi istituzzjonali. Sal-lum ma ġarax hekk, iżda jekk tagħtikom il-memorja Eddie Fenech Adami kien pubblikament iddikjara li ma kienx lest li jiffirma liġijiet li jmorru kontra il-kuxjenza tiegħu u bħala eżempji kienu qegħdin jissemmew l-abort u d-divorzju.
Minkejja dan kollu xorta nsostni li sal-lum din il-kariga
kienet aktar ċerimonjali milli effettiva. Insostni li hemm lok li jsiru tibdiliet kostituzzjonali li jsaħħu din il-kariġa, mhux biex tingħata aktar saħħa lil min qiegħed jokkupaha, iżda biex innaqqsu mill-politika partiġġana u ġieli settorjali fil-pajjiż. Biex dan isir, bil-mod li titneħħa, għandu jkun ukoll il-mod kif jinħatar.
Irid ikun hemm metodu ta’ ħatra li jersaq ħafna aktar lejn il-konsensus nazzjonali milli hu llum. Dan jista’ jsir fil-Parlament jew minbarra l-Parlament. Nippreferi tal-ewwel milli tat-tieni.
Jiena tal-fehma qawwija li jekk lill-President nagħtuh aktar poteri aktar hemm iċ-ċans li jekk ma neqirdux għal kollox il-politika partiġġana żgur li mmewtu ħafna minnha.
Proprju fil-bidu ta’ din il-leġislatura l-ewwel kontroversja kienet dwar il-ħatriet partiġġani li saru f’ħafna mill-karigi pubbliċi u kostituzzjonali. Waħda mill-funzjonijiet tal-President għandha tkun li jaċċerta li jinħatru dawk in-nies li tassew jimmeritahom jokkupaw karigi pubbliċi li jitħallsu minn fondi pubbliċi. Jaċċerta li dawn isiru, għalkemm wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru, mhux fuq bażi ta’ kulur politiku iżda fuq linji ta’ kompetenza.
Dejjem emmint li anke l-armata għandha taqa’ taħt l-awtorità tal-President u twieġeb lejh biss. Waqt li ż-żamma tal-ordni pubbliku, bħall-Korp Tal-Puliżija, it-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili, eċċ, għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Prim Minstru. B’hekk mhux biss neħilsu minn kriterji li ħafna drabi jkunu politiċi, iżda anke għat-tisħiħ tad-demokrazija. Dan ikun ifisser it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ separazzjoni ta’ poteri għaliex huwa importanti li jkollok sistema ta’ kontrolli tal-istituzzjonijiet. Mhux għax Malta qatt jista’ jkollok kolp ta’ stat, iżda ħafna poter eżekuttiv f’idejn persuna waħda, ħafna drabi huwa perikoluż.
Iżda aktar minn hekk, dejjem ħarist lejn il-President daqslikieku huwa l-għassies tal-Kostituzzjoni, il-persuna li tassigura li l-kostituzzjoni qegħdha tiġi osservata f’kull parti minnha. Sal-lum is-sitwazzjoni hi li l-Kostituzzjoni tista’ tinkiser f’ħafna partijiet mingħajr ħadd ma jista’ jagħmel xejn. Huwa l-President li għandu l-interess biex jara li dan ma jsirx.
Għalhekk noħlom li xi darba jkun hawn Kunsill Kostituzzjonali li l-Kap tiegħu jkun l-President. Dan ikun mezz kif kull ċittadin jista’ jressaq ilment dwar ksur tal-Kostituzzjoni mill-Gvern. Dan anke fid-dawl li sal-lum għad mgħandniex id-dritt ta’ dak li jissejjaħ “individual parliamentary petition”. F’dan il-każ kull ċittadin ikollu d-dritt u anke l-interess li permezz tal-President jassigura li l-Kostituzzjoni mhix tinkiser f’xi partijiet minna mill-Gvern tal-ġurnata.
Fl-aħħarnett ikun il-President biss u waħdu li jaħfer pieni jew
jagħti maħfriet għal reati mwettqa. Ġieli dan ir-rimedju ntuża mill-Eżekuttiv b’mod għal kollox suspettuż, bħalma kien il-każ ta’ Queiroz. Sal-lum il-President jista’ biss jagħti maħfra fuq inizjattiva tal-Kabinett. Anzi hekk biss jista’ jagħti maħfra.
Jiena ngħid li wasal iż-żmien li din is-setgħa tkun fil-President biss mingħajr ebda ndħil mill-Gvern. Għandu jikkonsulta dejjem, jista’ jirċievi talbiet mill-Gvern, iżda l-kelma finali tkun dejjem tiegħu u mhux tal-Prim Ministru jew il-Kabinett.
Biex dan kollu jsir irid jinbidel il-metodu tal-għażla tal-President.
Is-saħħa tiegħu titnissel mill-fatt li huwa ’l fuq mill-politika partiġġana. Dan jista’ jsir emm jista’ jkun b’konsensus fil-Parlament, b’talinqas b’żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Forsi hawn min jargumenta li jkun aħjar li jintgħażel minn barra l-Parlament b’elezzjonijiet popolari, bħalma jiġri fi Franza u anke fl-Istati Uniti. Iżda jekk jiġri hekk il-konsegwenżi jkunu tnejn. Li trid tagħtih ħafna aktar saħħa minn dak li qiegħed nipproponi jiena u, agħar minn hekk, nersqu lejn kompetizzjoni partiġġana. Proprju dak li rridu nevitaw.
Naħseb li wasal iż-żmien li ngħidu li l-Ewwel Repubblika għamlet tagħha. Ejjew infasslu t-tieni waħda. Fil-bidu tat-tmeninijiet kienet twaqqfet kummissjoni biex isir dan it-tfassil. Sfortunatament mietet fuq ommha. Il-Partit Nazzjonalista kien ippreżenta diversi dokumenti fosthom “Il-Bidla Tkompli”. Fis-sewwa l-bidla mhux biss qatt ma kompliet iżda, fil-fehma tiegħi, qatt ma bdiet.
(Idħol ukoll: www.toniabela.bloġspot.ċom)

PEPPI

Tkellimt ma’ wħud fuq min għandu jew għandha tkun il-President ta’ Malta. Meta l-Editur staqsieni din il-mistoqsija ħsibt li nipproduċi konverżazzjoni interessanti li kelli……

HU: Jiena naħseb li l-President mgħandux ikun politiku, la ta’ naħa u lanqas ta’ oħra….
JIENA: Għaliex?
HU: Ħa jgħaqqad lill-poplu
JIENA: X’jiġifieri?
HU: Jiġifieri jkun simbolu ta’ għaqda mhux ta’ firda nazzjonali…
JIENA: Allura għala ma jistax ikun politiku?
HU: Għax il-politika tifridna….
JIENA: Tifridna?
HU: Iva, mela, ovvja.
JIENA: Ovvja? Mingħajr il-politika nkunu qed nieklu lil xulxin, mingħajr il-politika ma jkollniex ġustizzja soċjali, mingħajr il-politika jkollna lil min jiflaħ iħawwel u min ma jiflaħx jitħawwel….
HU: Mela mhux tgħix f’Malta? Ma tarax kemm niġġieldu fuq il-politika?
JIENA: Li niġġieldu u nargumentaw hija ħaġa tajba ħafna.
HU: Ħaġa tajba li jiġġieldu?
JIENA: Iva. Poplu li ma jiġġilidx u ma jargumentax fuq kollox huwa poplu mejjet, poplu li ma jimpurtaħx, poplu li probabbli jkun weħel f’xi żmien u baqa’ mwaħħal hemm. Poplu li ma jargumentax aktarx lanqas ikun jaf li hemm l-argument, li qed tiġri gwerra, li l-poplu Palestinjan għadu bla indirizz…
HU: Imma l-President għandu jkun persuna li tirrappreżenta l-għaqda, ’il fuq minn dawn l-argumenti….
JIENA: Il-President għandu jkun dak li jirrappreżenta poplu mimli b’dawn l-argumenti jixprunaw minn kullimkien … jekk ikun mod ieħor ma jkunx qed jirrappreżentana … inkunu għażilna statwa u naħseb li statwi u monumenti għadna biżżejjed.
HU: Allura int qed tgħid li President li ma jkunx politiku ma jkunx tajjeb?
JIENA: Iva, hekk qed ngħid. Qed ngħid li tkun dagħwa kbira jekk il-President jitfaċċa minn imkien biex ikun newtrali.
HU: Għala minn imkien?
JIENA: Ħeqq, biex ikun newtrali kif tixtiequ inti … igħdli kif ikun newtrali….
HU: Newtrali jfisser li qabel ma jkunx ħa pożizzjoni partiġġana….
JIENA: Tini isem…
HU: Eżempju…..George Abela…..
JIENA: Jogħġobni George Abela bħala President propju għax mhux newtrali…newtrali? Ħa pożizzjoni soda favur li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea ... pożizzjoni politika dik, le?
HU: Oliver Friggieri….
JIENA: Jogħġobni Oliver Friggieri ... għalija Friggieri huwa politiku daqskemm huwa Louis Galea jew Lino Spiteri ...
HU: Friggieri qatt ma ħareġ għal elezzjoni.
JIENA: Ma ħareġ qatt għal elezzjoni iżda ħareġ għonqu u tkellem u ħa sehem fil-politika billi kiteb u qanqal lin-nies biex ma jibqgħux siekta. Da żgur li Oliver Friggieri huwa politiku … nista’ ngħidlek li bil-kitba tiegħu, u aktar tard meta sirt nafu, influwenzani ħafna f’dak li nemmen illum…
HU: Imma allura mhux tajjeb li jkollna President li jkun jaqbel fuqu kulħadd?
JIENA: Ma jistax ikun … għax jekk jaqbel fuqu jew fuqha kulħadd din tkun persuna li dejjem qagħdet siekta, li qatt ma tkellmet, li żammet lura biex la tfuħ u lanqas tintenn ... lil din il-persuna rridu li nagħmlu President ta’ pajjiż? Persuna li tibqa’ tbati l-konsegwenza ta’ min ma jibżax jitkellem, ta’ min ma jibżax ibiddel, ta’ min ma jiddejjaqx jiġġieled inġustizzja, ta’ min ma jibqax sieket quddiem diskriminazzjoni jew qerda ambjentali….
HU: Imma mhux tajjeb li jkollna President li jaqblu dwaru ż-żewġ Partiti?
JIENA: Tajjeb kieku jaqblu għalkemm jekk ma jaqblux xorta jista’ u aktarx ikun tajjeb ... safejn niftakar jien kull President li kellna kważi qatt ma kien hemm qbil dwaru jew dwarha … u ħafna minnhom għamlu biċċa xogħol tajba … uħud minnhom b’mod eċċezzjonali bħalma għamel Eddie Fenech Adami….
HU: Kien hawn ħafna kontra li EFA isir President, anke Nazzjonalisti ħorox…
JIENA: Jien niftaħar li ma kontx wieħed minnhom għax emmint u ktibt li Fenech Adami jkun wieħed mill-aqwa Presidenti li qatt kellha u jista’ jkollha Malta … u hekk kien … x’jiġifieri għax ikun fil-politika tarmih u tarmi miegħu dik l-esperjenza u dawk il-kuntatti u r-rispett li bħala politiku jkun ġab?
HU: Għax allura ma nħallux lin-nies jagħżlu lil President?
JIENA: Naqbel. Għax mgħandix dubju li n-nies taf tagħżel u kif għażlet li nidħlu fl-Unjoni Ewropea hekk taf tagħżel President politiku li jiċċelebra d-diversità ta’ bejnietna….

NB Niddikjara li ktibt dak li ftakart u ovvja li iktar kont akkanit biex nipproduċi l-argumenti tiegħi. Ikolli ngħid li xi argumenti tiegħu, anke jekk mhux apposta, ħallejthom barra. Aħfruli.

Intervista
Il-kaċċaturi li jheddu l-kaċċa u l-insib

Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu




Emmanuel Micallef
Min se jkun il-President?



Wenzu Mintoff
Lessiku



Carmelo Mifsud Bonnici
Proġetti ta’ paċi



Joe Ellis
Ħruxija sproporzjonata



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan