Aħbarijiet | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115
Petizzjoni li se tintbagħat lill-Gvern biex jagħmel pressjoni favur il-paċi f’Gaża
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Nhar l-Erbgħa li għadda saret lejla ta’ mużika u poeżija b’solidarjetà mal-poplu Palestinjan, Id-Demm Nieżel bħax-Xita, bis-sehem ta’ awturi magħrufa fosthom Immanuel Mifsud, Adrian Grima u Mario Azzopardi. Dakinhar 60 ruħ iffirmaw ittra ta’ petizzjoni li dalwaqt se tintbagħat lill-Gvern biex jieħu azzjoni u jsemma’ leħnu dwar is-sitwazzjoni ta’ Gaża.
Parti mill-ittra tgħid: ‘Ninsistu li l-Gvern Malti għandu jsemma’ l-vuċi tiegħu bl-iktar mod persistenti mal-gvernijiet Ewropej fil-pressjoni biex l-Iżrael iwaqqaf l-aggressjoni tiegħu, kif ukoll li jittieħdu passi konkreti għal paċi ġusta li tagħti d-dinjità lill-Palestinjani mjassra f’arthom.’
Tlieta minn dawk li attendew u ffirmaw l-ittra kienu Patri Ġwann Xerri mill-Kunvent tad-Dumnikani l-Belt; Arnold Cassola, Chairperson tal-AD u l-ekonomist Prof. Edward Scicluna. Lit-tlieta staqsejniehom għaliex ħassew il-bżonn li jattendu l-attività u jiffirmaw l-ittra.
Patri Ġwann qal: “Tgħinni nagħmel xi ħaġa. Għadek ma tafx xi dwejjaq tqabbadni din is-sitwazzjoni, dwejjaq kbar. Ommi ma kinitx taf x’kien qed jiġri fil-kampijiet tan-Nazisti. Imma jien naf.”
Żied jgħid li hu ħass il-ħtieġa li jattendi kull attività li saret b’appoġġ mal-Palestina.
“Mort għal ruħi, biex ma nitlifx l-umanità tiegħi u biex niltaqa’ ma’ nies li għandhom id-dmugħ f’għajnejhom għal din is-sitwazzjoni.”
Temm jgħid li xi erba’ snin ilu kien żar il-Palestina. Minkejja li ma kienx hemm il-bumbardamenti li hemm bħalissa s-sitwazzjoni xorta ma kinitx waħda tajba.
“L-Isqof Desmond Tutu u Nelson Mandela qalu li l-apartheid li jsofru l-Palestinjani fl-Istat tal-Iżrael hu bil-ħafna agħar milli kienu jsofru huma. Dan nikkonfermah jien personalment għax iffrekwentajt ħafna l-Afrika t’Isfel.”
Żied jgħid, “L-Istat ta’ Iżrael kien wieħed mill-ftit ħbieb tal-apartheid tal-Gvern abjad fl-Afrika t’Isfel li baqa’ magħhom sal-aħħar.
“Rigward l-attività nnifisha setgħet titqies bħala ċelebrazzjoni reliġjuża. Is-skiet li kien hemm, it-tip ta’ mużika u l-kliem tal-poeżija. Il-misteru tal-ħajja, il-misteru tat-tjubija, il-misteru tal-ħażen…”
Cassola wkoll kien irrabjat għall-massakru li għaddej bħalissa. Fil-fatt wieġeb: “Għas-sempliċi raġuni li r-reazzjoni ta’ Iżrael hi sproporzjonata, bla ħniena u bla ebda diskriminazzjoni għall-popolazzjoni ċivili. Saħansitra ma tirrispettax il-bandiera tal-Ġnus Magħquda u tibbumbardja skola li ġġorr din il-bandiera meta żgur hu post paċifiku.
“Allura l-loġika tal-Gvern Iżraelit li bil-forza tirbaħ hi żbaljata. Kif jgħid il-Qawl Malti: ir-raġuni ma tridx forza. Il-provokazzjonijiet tal-Ħamas mhumiex aċċettabbli lanqas.
“Importanti li l-pjan Eġizzjan ta’ Hosni Bubarak għall-paċi jitwettaq u li jieqaf b’mod permanenti l-isparar miż-żewġ naħat kif ukoll jiltaqgħu madwar mejda biex jiddiskutu dwar paċi permanenti li twassal għall-għarfien ta’ żewġ stati ħielsa (il-Palestina u l-Iżrael) u ta’ żewġ popli li jgħixu ħdejn xulxin b’rispett ta’ xulxin.”
Mistoqsi kif jaħsibha dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea donnha qed iżżomm lura milli tieħu azzjoni, Cassola wieġeb li “din is-sitwazzjoni qed turi kif l-UE hi impotenti meta rridu naffaċċaw kriżijiet internazzjonali. Fil-fatt jidher li aktar qed jirnexxilu jagħmel ix-xogħol waħdu Sarkozy fi Franza milli l-Presidenza tal-UE mmexxija mir-Repubblika Ċeka.
“Dan isaħħaħ il-fehma tiegħi li għandna naddottaw bi ħġarna t-Trattat ta’ Lisbona li jagħti aktar saħħa lil vuċi waħdanija tal-UE fil-politika internazzjonali.”
Scicluna sostna li “l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel membru tas-soċjetà ċivili hu li joqgħod kwiet għax jaħseb li ħaddieħor se jitkellem f’ismu. F’Malta din hi komunissima u tapplika għal kull kwistjoni oħra.
“Naħseb li wasal iż-żmien li dik is-sezzjoni kbira tal-poplu li nirreferu għaliha bħala s-Silent Majority issib il-vuċi fuq kwistjonijiet ta’ ambjent, ta’ użu ta’ enerġija alternattiva u wkoll politika barranija. Qed ninnota li dan qed jiġri.”
Mistoqsi kif iħares lejn in-nuqqas ta’ azzjoni mill-UE bħala kandidat prospettiv għall-elezzjonijiet Ewropej, hu wieġeb li “kull azzjoni tal-UE hi burokratika u tieħu ż-żmien. Hemm wisq pajjiżi b’interessi diversi. B’hekk l-għajnuna mmedjata tispiċċa li ma tasalx. Nemmen li l-UE għandha rwol kbir x’tista’ tagħmel f’din il-kwistjoni u persważ li dan jikber.
“Imma ma tistax tistenna iżjed minn hekk fil-preżent. Ir-realtà hi kiefra għan-nies innoċenti. Fil-kamp tal-politika barranija kull pajjiż Ewropew għadu jaħseb għal rasu.”
Ix-xogħlijiet li naqraw flimkien ma’ oħrajn relatati mas-suġġett se jkunu ppubblikati fil-jiem li ġejjin fi ktejjeb li se jġib l-istess isem tal-attività, Id-Demm Nieżel bħax-Xita.
|
|
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|