Sports | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115
Joe Abdilla huwa wiċċ ġdid għall-kampjonat Premier. Il-karriera ta’ kowċ ilu li bdiha xi ftit żmien mhux ħażin iżda l-ewwel opportunità ta’ vera li jikkowċja tim tal-Premier ġiet fuqu ftit tal-ġimgħat ilu.
Kien xahar bil-baħar imqalleb mhux ħażin għall-Misidjani. Kien l-istess xahar ta’ Diċembru fejn l-eks kowċ tagħhom Patrick Curmi ddeċieda li jirriżenja biex jingħaqad ma’ Marsaxlokk. Kienet valanga nkwiet mhux ħażin sakemm is-Saints iddeċidew li jagħtu l-fiduċja tagħhom lil Joe Abdilla li sa dak iż-żmien kien il-viċi ta’ Curmi.
Fuqu ġew responsabbilitajiet ġodda. Forsi ma kienx qed jistenniehom. Li hu żgur hu li għall-ewwel darba qed jgħix ta’ vera l-pressjoni li jkollu fuqu kowċ li jkollu għan x’jilħaq. F’dan il-każ, dak ta’ Abdilla hu li jassigura s-sitt post għat-tim tiegħu biex jilagħbu t-tieni parti fiċ-Championship Pool.
“Fuqi ġiet iktar pressjoni. Dik hi l-iktar ħaġa li qed tagħmel bija bħalissa. Qabel ikkowċjajt timijiet tat-Tielet, it-Tieni u l-Ewwel Diviżjoni. Iżda fil-kampjonat Premier hija l-ewwel esperjenza għalija. Qatt ma kelli din il-pressjoni kollha li għandi fuqi llum. Il-kampjonat Premier huwa sabiħ ħafna għax qed tikkowċja fl-ogħla livelli tal-futbol fil-pajjiż iżda jirrikjedi aktar attenzjoni u aktar ħsieb minn diviżjonijiet oħra.
“Niftakar li l-lejl ta’ qabel l-ewwel logħba tiegħi ma rqadtx. Bdejt mill-ewwel b’logħba diretta kontra Tarxien Rainbows. Kienet logħba importanti ħafna l-aktar għax kienet l-ewwel logħba tiegħi u ma’ tim li qiegħed jiġġieled bħalna. Ma stajtx niddebutta b’telfa. Hemmhekk fejn verament ħassejt l-ewwel pressjoni ta’ vera tal-futbol meta taħkem fuq bniedem.”
Joe Abdilla twieled nhar it-28 ta’ Awwissu 1957 u joqgħod iż-Żejtun. Miżżewweġ lil Daniela Mifsud mill-Marsa u għandhom żewġt itfal, Wylon ta’ 22 sena u Wendy ta’ 18-il sena. Joe ikompli jgħidli…
“Meta jkollna l-logħob kulħadd ħsibu fid-daddy. It-tifel kien imsiefer u beda jċempel biex jara kif ġejna kontra Floriana. Il-futbol jgħaqqad ħafna.”
Joe Abdilla huwa bniedem kwiet u riservat ħafna. Iħobb jidher mill-inqas u għal-logħba tal-futbol għandu mħabba kbira. Hekk jiddiskrivi lilu nnifsu miegħi meta niltaqgħu għal din l-intervista t-Tlieta li għadda wara nofsinhar. Joe ikellimni fuq iż-żminijiet ta’ meta kien plejer u ta’ kif dik li suppost kellha tkun firma fuq il-kotba ta’ Floriana FC spiċċat firma ma’ Valletta.
“Fiż-żminijiet tiegħi konna bdejna nilagħbu fl-għelieqi u fit-triq. Imbagħad kien hemm persuna li qalli se joħodni ma’ Floriana. Mort biex nirreġistra magħhom u l-kowċ tal-Minors ma kienx qiegħed hemm. Meta mort lura d-dar għidt lil missieri li kont sejjer mal-Furjana. Missieri kien ħabib ta’ Tony Formosa li kien kowċ tal-Belt u bidluli fehimti biex niffirma mal-Belt. Lgħabt fil-Minors u fl-ewwel sena tiegħi kont issejjaħt anki man-nazzjonal u mat-tim tal-kbar. It-tieni sena lgħabt regolari mal-kbar tal-Belt fl-Ewwel Diviżjoni.
“Meta spiċċajt minn plejer bdejt nikkowċja. Kienet ġo fija. La tispiċċa minn karriera ta’ plejer tibqa’ xi ftit jew wisq intiż fil-logħba tal-futbol u għalhekk ħafna jkomplu fil-futbol bħala kowċ. S’issa kelli sodisfazzjon aktar bħala plejer milli kowċ. Kowċ għadni fil-bidu tal-karriera. Issa naraw x’se jiġri ’l quddiem.”
Ħafna kienu dawk li qed jaħsbu li għal Msida St. Joseph kienet se tkun xi ħaġa diffiċli biex isibu s-sostitut denju ta’ Curmi. Donnu dak is-siġġu tant kemm kien delikat li kulħadd irrifjutah. Madankollu Abdilla aċċetta hekk kif saritlu l-offerta.
“Aċċettajt li nsir kowċ jien għall-fatt li l-Kumitat u l-plejers urew fiduċja fija. Kelli diġà esperjenza iżda qatt ma kont fil-Premier. Kif ġiet fuqi l-offerta ħsibtha sew. Illum naħseb li għamilt għażla tajba li aċċettajt. Il-fiduċja li wrew fija l-Misidjani tatni kuraġġ kbir.
“Il-plejers qalbhom qawwija li mmorru Championship Pool. Hemm għaqda u ħeġġa kbira. Forsi dik hija d-differenza minn timijiet oħra. Fix-xahar ta’ Diċembru kellna ftit tensjoni iżda llum reġa’ qisu qatt ma kien xejn. L-uniku interess li għandna hu li nkunu mal-ewwel sitta. U naħseb li ħaqqna.
“Illum qegħdin f’pożizzjoni tajba iżda għadna m’aħniex ċerti mis-salvazzjoni. Il-biża’ tibqa’ hemm sakemm ma tkunx il-matematika li taċċertana. Għad hemm ċans li nkunu fir-Relegation Pool. Rasi mhi mistrieħa xejn. Wara l-logħba ma’ Floriana kulħadd feraħ iżda moħħi mill-ewwel mar fil-logħba li jmiss kontra Qormi.”
Lil Joe ngħidlu li fil-mument qegħdin seba’ punti bogħod minn Ħamrun Spartans li jinsabu fis-seba’ post u għalhekk personalment ngħid li impossibbli jew diffiċli ħafna biex is-sitt tim fiċ-Championship Pool ma jkunux l-Imsida.
“Kollox jista’ jiġri. Kontra l-Qormin tista’ tkun kruċjali. Jekk nirbħu dik tista’ tgħid li jkollna aktar minn sieq ġewwa. Sinċerament naħseb li għandna plejers ta’ livell biżżejjed biex ikunu fiċ-Championship Pool. Anzi, aktar minnhekk, jien nemmen li plejer bħal Andrew Spiteri ħaqqu jkun man-nazzjonal.”
Personalment nemmen li l-uniku żewġ plejers lokali ta’ klassi li għandhom Msida St. Joseph huma Tyrone Farrugia u Dino Cachia. Abdilla ma jaqbilx miegħi meta ngħidlu dan kollu.
“Le, ma naqbilx miegħek. Is-saħħa tal-Imsida qeda kollettivament. Tyrone u Dino huma importanti ħafna għalina. Ma naqbilx għax minkejja li huma tajbin hemm oħrajn bħal Andrew Spiteri u Matthew Camilleri li qed ikollhom staġun impressjonanti wkoll.
“L-uniku ħaġa li nixtieq hija li jkolli skwadra itwal. L-aħħar logħba kontra Floriana kelli erbgħa tal-Under 19. Nixtieq aktar plejers għax l-iskwadra qasira wisq.”
Madankollu Joe jammetti li Msida St. Joseph dejjem kienu fortunati fil-barranin tagħhom u xortihom fi plejers li għamlulhom id-differenza kollha.
“Hekk hu. Vera. Taqta’ s-sena l-oħra li domna ma sibniehom l-Imsida dejjem sabu barranin tajbin. Li jiġri hu li l-Kumitat jara u jiċċekkja ħafna għal aktar minn darba. Dejjem għażel bil-għaqal.”
Imma ngħid jien: Ħaddieħor mhux bħalhom jagħmel u jinzertaw kanen?
“Għandek raġun. Ma nista’ ngħidlek xejn għax għandek raġun. Ma nafx x’nirrispondik.
“Iżda hemm ħafna affarijiet li jagħtu emozzjonijiet kbar lil Msida St. Joseph. Jien jekk jista’ jkun irrid nirbaħ il-partiti kollha. Però jkolli ngħid li għall-plejers u l-partitarji Misidjani l-aktar li jridu hu li jirbħu dejjem kontra l-Ħamrun.”
Din tibqa’ xi ħaġa li l-ebda Ħamruniż ma jista’ jifhem. Il-pika li nibdet mill-Misidjani għall-Ħamruniżi hija inspjegabbli. Ħamruniż jikkalkula tal-akbar prestiġju l-partiti mat-timijiet il-kbar bħal Sliema, Floriana, Valletta, Hibs u Birkirkara. Ħamruniż jixtieq li jitlef dejjem ma’ Msida iżda jirbaħ imqar 1-0 kontra dawn il-ħamsa. Probabbli li b’hekk telfa kontra Msida ftit li xejn toħloq differenza fil-kamp Ħamruniż.
Joe Abdilla jkellimni fuq il-futbol Malti u l-livell tal-kampjonat Malti.
“Bħala nazzjonal naħseb li għamilna qabża tajba ’l quddiem iżda individwalment bħala timijiet morna lura. Illum hawn ħafna faċilitajiet iżda personalment nemmen li individwalment bħala plejers naqsu ħafna. Jista’ jkun li qabel konna futbol biss jew 80 fil-mija tal-ħajja kienet futbol. Illum hawn wisq iktar affarijiet fejn wieħed jaljena rasu minbarra l-futbol u dan kollu naqqas mill-perċentwal ta’ kemm jista’ jkollna aktar plejers ta’ kalibru.
“Jien kont nitwerwer meta konna nilagħbu kontra Floriana. Kellhom plejers bħal Willie Vassallo, Louis Arpa u l-aħwa Xuereb. Kellhom tim impressjonanti.
“Iżda naħseb li Louis Arpa kien l-aqwa plejer li qatt rajt. Imbgħad ġew Ray Vella ‘il-Mundu’ u Carmel Busuttil. Naħseb li dawk huma l-aqwa tliet plejers li niftakar.”
Abdilla jaħseb li d-differenza bejn it-tim tiegħu u oħrajn tista’ tkun li huma rebħu diversi punti kontra timijiet ferm aktar ikkwotati minnhom.
“Naħseb li konna iktar konsistenti minn ħaddieħor. Irbaħna l-punti kontra l-kbar u dan forsi li se jagħmel id-differenza bejnietna għall-kumplament. Issa l-importanti hu la ma nitilfux il-konfronti diretti għax ikun kollu ta’ xejn. Jien nemmen li bħalissa, apparti l-Hibs u l-Belt, nistgħu nagħtu logħba lil kulħadd.”
Filwaqt li jmiss idejh it-tnejn mal-mejda tal-injam li konna magħha jkellimni fuq il-ġurnalisiti Maltin,
“Għalissa ma tantx kelli kritika. Touch-wood s’issa tifħir biss. Kultant jgħaġġlu wisq u ma jkunux jafu l-vera problema xi tkun u jaqbu u jfajru xi artiklu jew jgħidu xi ħaġa fuq it-televiżjoni bl-addoċċ. Jien forsi għandi xi ftit vantaġġ li kont plejer u nista’ nassigurak li ma tistax taqbad u tiġġudika plejer fuq oġġett wieħed biss. Plejer trid tkun qed taħdem u tgħix miegħu kuljum biex tkun taf il-vera problema li jkun għaddej minnha. Kultant il-ġurnalisti jekk jitfgħu għajnejhom fuq plejer jgħolluh mas-smewwiet u jekk jaqbdu jikkritikaw plejer jibqgħu sejrin sakemm ikissruh. Jagħmel x’jagħmel jew kollox tajjeb jew kollox ħażin.
“Iżda ddejjaqni l-aktar il-kritika tan-nies li ma jifhmux. Jekk il-kritika tkun ġustifikata ma ddejjaqnix. Anzi nqisha xi ħaġa pożittiva: forsi nieħu parir u forsi nitgħallem ukoll. Però kultant issir ċerta kritika min nies li ma jifhmux fil-futbol.”
Joe Abdilla jkollu risposti diretti meta nistaqsih min jaħseb li se jirbaħ il-kampjonat u min se jkun relegat.
“Il-kampjonat imur bejn min jirbaħ bejn Hibernians u Valletta. Iżda nemmen li l-Belt għandhom ftit aktar esperjenza.”
U l-fatti wrewna dan kollu għax Valletta rebħu 2-0 il-partita ta’ nofs il-ġimgħa.
“Jien naħseb ukoll li Tarxien u Qormi se jkunu relegati. Tgħidlix għalfejn iżda jien hekk ngħid.”
Joe Abdilla jgħidli li jħossu fortunat li miegħu għandu plejer bħal Tyrone Farrugia iżda ma jaħbix il-fatt li dejjem xtaq ikun il-kowċ ta’ Gilbert Agius. Hija ħolma li diffiċli ħafna biex għalih issir realtà.
“Issa ġejt aċċettat mill-MFA biex inkompli l-istaġun ma’ Msida bħala kowċ tagħhom. Issa naraw x’se jiġri wara dan l-istaġun. Se jkolli nagħmel l-A License ukoll. Il-futbol sabiħ u nixtieq nibqa’ ftit tas-snin oħra fih sakemm niddeċiedi li nibda ngawdi l-familja biss.
“L-affarijiet jidhru li sejrin tajjeb. In-nursery qed tikber u nimmaġina aktar snin fil-Premier għal Msida St. Joseph. Hemm nies dedikati u kumitat li jaħdem. Naħseb li l-Imsida għandhom dak kollu neċessarju biex jibqgħu fil-Premier.
“Nixtieq pubblikament nirringrazzja lill-plejers u lill-kumitat speċjalment lill-President Robert Farrugia. Ma nistax ninsa lill-partitarji tal-kuraġġ li għamluli biex nibqa’ f’din il-kariga.” |
|
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|