Pjazzetta | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115
Prof. Peter Mayo
Il-ktieb ta’ Carmel Borg u Mario Cardona, Lorenzo Milani, L-Edukazzjoni u l-Ġustizzja Soċjali (Media Centre, 2008), jitfa’ dawl fuq ix-xogħol ta’ edukatur Ewropew li b’kitbietu u b’ ħidmietu jagħtina ħjiel ta’ kif nistgħu nfasslu proċess ta’ tagħlim imsejjes fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Dan il-ktieb għandu dak kollu meħtieġ biex iservi ta’ ispirazzjoni għal dawk li jridu jaqbdu t-triq tal-pedagoġija kritika. B’pedagoġija kritika nifhmu proċess edukattiv impenjat li jżewweġ il-ħsieb kritiku mal-azzjoni soċjali.
Il-pedagojia kritika taf l-oriġini tagħha lil numru ta’ edukaturi kritiċi u ħassieba dwar l-edukazzjoni fl-Amerka ta’ Fuq.
Is-sit elettroniku tal-proġett internazzjonali għall-pedagoġija kritika, inizjattiva tal-Università ta’ McGill fil-Kanada, jagħtina ħafna ismijiet ta’ intellettwali mir-reġjun imsemmi, li kollha jistgħu jitqiesu bħala esponenti ewlenin ta’ din it-tip ta’ pedagoġija — Henry Giroux, Stanley Aronowitz, Michael Apple, Deborah Britzman, Bell Hooks, Donaldo Macedo, Shirley Steinberg, il-mibki Joe Kincheloe, Peter McLaren, Antonia Darder, Maxine Greene u Roger I. Simon.
Fost il-figuri storiċi li nebbħu lil dan il-moviment insibu lil John Dewey, Paulo Freire, Antonio Gramsci, Lev Vygotsky, W.E.B. Du Bois u, aktar reċenti, Jesus ‘Pato’ Gomez. Ma’ dawn, kif indikat fil-ktieb ta’ Borg u Cardona, għandna nżidu l-isem ta’ Don Lorenzo Milani (1923-67).
Milani hu wieħed minn lista ta’ edukaturi Taljani li għandhom ħafna x’joffru lill-pedagoġija kritika. Danilo Dolci u Aldo Capitini huma żewġ eżempji ovvji. Tal-ewwel żewweġ it-tagħlim komunitarju mal-azzjoni soċjali, permezz ta’ tqanqil u mobilizzazzjoni soċjali u strajkijiet tal-ġuħ, waqt li Aldo Capitini, edukatur għall-paċi, antifaxxist u attivist, organizza ħafna attivitajiet edukattivi u ta’ mobilizzazjoni soċjali fi ħdan il-moviment tal-paċi u ċ-ċentri għall-orjentazzjoni soċjali li nħolqu wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Capitini ħadem ma’ Milani f’Barbiana, il-post fejn Milani ntbagħat bil-għan li ma jkomplix jiskomoda u jimbarazza lill-Kurja Fjorentina. F’Barbiana nkitbet il-Lettera ad una Professoressa (Ittra lil waħda għalliema), xogħol kollettiv ta’ tmien studenti subien, bl-għajnuna editorjali ta’ Milani.
Għal min qiegħed ifittex xogħol kritiku dwar is-sistema edukattiva, il-ktieb ta’ Borg u Cardona jipprovdi test bil-Malti tal-Lettera, miktub b’Malti mexxej u li jinftiehem minn kulħadd.
Fil-ħidma edukattiva ta’ Milani u tal-istudenti ta’ Barbiana tingħata importanza lill-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ klassi soċjali u razza, speċjalment fil-kritika li jagħmel Milani dwar relazzjonijiet bejn it-tramuntana u n-nofsinhar tad-dinja. Tingħata wkoll importanza lill-proċess ta’ trasferiment kulturali u teknoloġiku, u lid-dimensjoni kollettiva tat-tagħlim u azzjoni — naqraw il-kelma u d-dinja kollettivament.
Milani għaraf l-importanza pedagoġika tal-istudenti li jgħallmu u jitgħallmu fl-istess ħin (peer tutoring) u tal-qari kritiku tal-medja fi gruppi ta’ tagħlim. Fil-pedagoġija tiegħu l-qassis mit-Toskana rnexxielu wkoll iżewweġ it-tagħrif tekniku ma’ dak akkademiku.
Fil-kitbiet ta’ Milani nsibu wkoll elementi għal proċess ta’ edukazzjoni kontra l-gwerra. Fl-ittri li kiteb biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu kontra l-lieva, Milani ppropona proċess ta’ qari kritiku tal-Istorja. Għal Milani, il-kitba tal-Istorja, bħall-edukazzjoni, mhix newtrali. Milani jħeġġiġna biex inħarsu lejn l-Istorja b’lenti kritika — mil-lenti tal-imjassrin.
Il-kitba ta’ Milani għandha tgħinna nfasslu politka pedaġogika siewja għaż-żminijiet tal-lum, żminijiet li fihom ħabbatna wiċċna mal-oxxenitajiet ta’ Guantanamo Bay u Abu Ghraib, kif ukoll il-kultura ta’ militarizzazzjoni li nsibu f’pajjiżi bħall-Amerka. Milani u l-istudenti tiegħu jagħtuna eżempju ta’ dak li Peter McLaren, wieħed mill-esponenti ewlenin tal-pedagoġija kritika, isejjaħ pedagoġija antiimperjali.
Milani jixbah ħafna lil Paulo Freire f’dak li għandu x’jaqsam ma’ strateġija pedagoġika. It-tnejn iqisu l-proċess ta’ kuxjenzizzazzjoni bħala ċ-ċavetta tal-emanċipazzjoni tal-bniedem u l-ħelsien mill-oppressjoni.
Milani hu ekletiku u, bħal Freire, imnebbaħ mit-tagħlim tal-Vanġelu. Lorenzo Milani hu differenti minn Freire fejn jidħol il-Marxiżmu. Kuntrarju għal Freire, il-kitbiet ta’ Milani ma kinux imdakkrin mix-xogħlijiet ta’ Marx. Madanakollu l-kitbiet ta’ Gramsci, li influwenzaw sew il-pedagoġija kritika, kienu ta’ interess għal Milani. Il-pitazzi u l-ittri mill-ħabs ta’ Gramsci sabu posthom fost it-testi li l-istudenti ta’ Barbiana kienu jaqraw iżda ma nsibux referenzi għall-Marxiżmu u għal Marx fil-kitbiet ta’ Milani u l-istudenti tiegħu.
Minkejja n-nuqqas ta’ referenzi konkreti għal Marx u l-Marxiżmu fix-xogħol ta’ Milani, dak li kiteb f’Esperienze Pastorali u dak li kitbu s-subien fil-Lettera jtennu, u f’ċerti każi jantiċipaw, l-argumenti ta’ filosofi u soċjologi Franċiżi u Amerikani, ħafna minnhom Marxisti, dwar ir-rwol tal-iskola borgiża fil-proċess ta’ riproduzzjoni soċjali.
Hawn jiġu f’moħħi Louis Althusser, Nicos Poulantzas, Raymond Boudon, Christian Baudelot u Roger Establet, Samuel Bowles u Herbert Gintis, Jean Anyon, Pierre Bourdieu u Jean Claude Passeron. Nara konverġenza bejn l-ideat li nsibu fil-Lettera u dawk li jesprimi s-soċjologu ewlieni Franċiż, Pierre Bourdieu, rigward l-iskola u l-kapital kulturali borgiża – f’dan il każ qed insemmi studjuż mhux Marxist.
Jidher li Milani, li kien qara ħafna letteratura Franċiża, espona ruħu għall-kritika tal-kultura u poter tal-klassi borgiża li ħarġet minn Franza f’dak iż-żmien. Din il-kritika influwenzat sew ix-xogħol ta’ Bourdieu.
Kif juru Borg u Cardona, Milani kellu l-kontradizzjonijiet tiegħu. Irridu nżommu f’moħħna ż-żmien meta kien qed jikteb u jopera fl-Italja. Iżda hemm ħafna fix-xogħol ta’ Milani u l-istudenti tiegħu li jistgħu jservu ta’ bażi għal proċess ta’ edukazzjoni alternattiva għal dak li nsibu madwarna bħalissa – edukazzjoni msejsa fuq l-individwaliżmu kompetittiv, fejn insibu firda bejn it-tfal taparsi fuq bażi ta’ ħila meta fil-fatt mhi xejn ħlief għażla soċjali.
Meta nkitbet, fl-1967, l-Ittra serviet ta’ ispirazzjoni għall-moviment għall-bidla magħrufa bħala l-Moviment tat-68. Wieħed mill-iprem intellettwali Taljani ta’ dak il-perjodu, Pier Paolo Pasolini, wera fil-pubbliku l-entużjażmu tiegħu għal dan il-ktieb, kif jixhdu siltiet minn intervista televiżiva li saritlu f’dak iż-żmien. Kif turi din it-traduzzjoni mill-aqwa, dan il-ktieb wera biċ-ċar il-mod kif il-falliment fl-iskola għandu bażi soċjali, ħafna drabi bażi ta’ klassi soċjali, iżda mhux biss. Anki f’dak iż-żmien, imnebbaħ minn dak li kien qed iseħħ fl-Amerka — il-moviment għad-drittijiet ċivili - Milani u l-istudenti tiegħu għarfu anki l-effett tar-razza u tal-etniċità fuq is-suċċess jew falliment fl-iskola.
Juru dan b’lingwaġġ ċar u b’eżempji mill-ħajja ta’ kuljum, hekk kif joħolqu kuntrasti bejn id-dinjiet imbiegħda ta’ Pierino, wild il-borgeżija, u ta’ Ganni, wild il-bidwi u l-ħaddiem. Is-siltiet mill-ħajja tal-klassijiet għonja u dawk subalterni, li jduru mal-figuri ta’ Pierino u Ganni, jgħinu biex isaħħu l-argument tal-ktieb.
L-Ittra tmur ’l hinn mill-kritika. Toffri spunti għal tip ta’ skola differenti minn dak li mdorrijin naraw. Milani jwissi li l-esperjenza ta’ Barbiana kellha tintemm f’Barbiana. Għalhekk kull min jixtieq li l-esperjenza edukattiva li jmexxi toqrob fil-prinċipju u s-sustanza lil dik ta’ Barbiana jrid jagħmel sforz biex jivvinta mill-ġdid il-proċess edukattiv ta’ Barbiana skont il-kuntest u l-esiġenzi soċjali u kulturali tiegħu.
Il-ktieb ta’ Borg u Cardona, l-ewwel f’sensiela ta’ tliet kotba dwar Milani, għandu jgħin lil kull min hu interessat li jiżviluppa edukazzjoni aktar umana u msejsa fuq sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali, edukazzjoni mnebbħa minn viżjoni ta’ dinja oħra li hi possibbli. |
|
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|