MediaToday

Joe Ellis | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115

Ħruxija sproporzjonata

Tmien snin ilu l-affarijiet kienu differenti. Bill Clinton kien qed iqatta’ l-aħħar jiem bħala President Amerikan, Ehud Barak kien għadu Prim Ministru tal-Iżrael u Yasser Arafat kien għadu l-mexxej ftit jew wisq inkontestat tal-Palestinjani.
Clinton kien qed jagħmel sforzi kbar biex tinstab soluzzjoni aħħarija għall-kwistjoni Palestinjana u jissiġġilla postu fl-istorja. Barak, eroj militari Lhudi, kellu l-awtorità morali, il-kuraġġ u d-disponibbiltà li jagħmel konċesssjonijiet biex jintlaħaq ftehim aħħari. Yasser Arafat kien f’pożizzjoni dgħajfa, skreditat anke fid-dinja Għarbija wara l-appoġġ li kien ta lil Saddam Hussein meta nvada l-Kuwajt.
Minkejja l-isforzi kollha li saru, anke mis-Sawditi, dawn id-diskussjonijiet ma wasslux għal ftehim finali. L-Iżrael għamel konċessjonijiet bla preċedent minn naħa tagħha u offriet 96 fil-mija tax-Xatt tal-Punent tax-Xmara Ġordan u anke partijiet minn Ġerusalemm lill-istat il-ġdid Palestinjan. Dan ma kienx biżżejjed għal Arafat li m’aċċettax.
Wara kollox, skont ir-riżoluzzjoni 242 tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-Iżrael kellu jirtira mill-artijiet okkupati kollha fil-gwerra tas-Sitt Ijiem tal-1967, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, ħaġa li Iżrael m’għandu l-ebda ħsieb li jwettaq.
Wara li l-ftehim kien daqshekk fil-qrib, is-sitwazzjoni ħżienet meta faqqgħet it-tieni Intifida wara ż-żjara sfortunata ta’ Ariel Sharon f’post f’Ġerusalemm qaddis għall-Misilimin.
L-Iżrael ħadha kontra Arafat, dgħajfu u iżolah f’Ramallah. Presidenza ġdida Amerikana mill-ewwel iddikjarat li mhix se tiddedika daqshekk sforzi biex tinstab soluzzjoni u ftit wara ffaċċat problemi bla preċedent wara 9/11. Kien biss is-sena l-oħra meta Bush sar wieħed mill-aktar presidenti sfiduċjati fl-istorja riċenti Amerikana, li l-amministrazzjoni tiegħu għamlet sforzi mqanżħa biex tinstab soluzzjoni aħħarija u tnediet il-konferenza ta’ Annapolis. Madankollu, l-impenn Amerikan ma kellu xejn x’jaqsam ma’ dak muri f’Camp David f’Awwissu 2000 u fix-xhur ta’ wara.
Intant Arafat miet f’ċirkostanzi sal-lum misterjużi u aktar ma Iżrael wissa l-poplu Palestinjan waqt u wara t-tieni Intifada, aktar Ħamas, moviment fundamentalista Palestinjan, sar populari sakemm rebaħ l-elezzjonijiet Palestinjani tal-2006.
Ħamas għadhom ma rrikonoxxewx formalment id-dritt li l-Iżrael jeżisti u dan peress li meta twaqqaf mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani kienu tkeċċew mill-artijiet tagħhom u għadhom rifuġjati sal-lum f’Gaża, il-Libanu, il-Ġordan u postijiet oħra u jixtiequ jirritornaw fl-artijiet li minn żmien ’il bogħod kienu tagħhom.
Ir-raġunijiet tal-kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani huma kumplessi u spiss jintilfu fl-irwiefen tal-Istorja. Huma żewġ popli li l-istorja kienet kattiva magħhom. Il-Lhud sofrew persekuzzjoni għal eluf ta’ snin. Hi ironija tal-Istorja li meta l-Lhud tkeċċew mill-Ewropa mis-sovran Spanjol fl-1492, huma sabu rifuġju f’artijiet Misilmin li magħhom il-Lhud kellhom aktar affinità. Il-Palestinjani mill-banda l-oħra sabu rwieħhom imkeċċija mill-artijiet li kienu ilhom tagħhom għal sekli u spiċċaw eżiljati jew trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi f’pajjiżhom stess. Ma ninsewx li fl-Iżrael hemm minoranza konsistenti Għarbija. Qisu f’Malta f’daqqa waħda tfaċċa l-poplu ta’ żmien il-Ġgantija, tturufnana f’partijiet żgħar tal-gżejjer u beda jokkupa l-kumplament tal-pajjiż.
Meta twaqqaf l-Istat tal-Iżrael fl-1948 il-Lhud issuperaw ostakli kbar imma kellhom il-vantaġġ ta’ simpatija pubblika wara l-persekuzzjoni atroċi li sofrew mingħand in-Nażżisti. Din is-simpatija fl-opinjoni pubblika ssaħħet fiż-żmien bis-suċċessi militari Lhud kontra l-armati tal-pajjiżi Għarab fil-kunflitti tal-1948, 1956, 1967 u 1973. In-nies dejjem se jżommu ma’ David meta jikkonfronta lil Gulija.
Madankollu dan l-appoġġ internazzjonali m’għandux jiġi interpretat mill-Iżrael bħala karta bajda biex tagħmel li trid fil-konfront tal-Palestinjani. Għal bosta snin issa l-Iżrael uża metodi ferm ripressivi fil-konfront tal-Palestinjani u naqqsilhom il-libertà tal-moviment u ħonoq l-attività ekonomika. Rħula sħaħ Palestinjani ġew iżolati minn xulxin u l-bini ta’ ħajt biex iżomm lit-terroristi milli jinfiltraw Iżrael kien skuża biex ittieħdu aktar artijiet Għarab.
L-agħar imma kien l-iżolament ekonomiku ta’ Gaża għal 18-il xahar wara r-rebħa ta’ Ħamas. Il-poplu ta’ Gaża ilu jħossu qed jgħix f’ħabs miftuħ u regolarment kien imċaħħad minn ħwejjeġ essenzjali, inkluż il-petrol, biex ikollu dawl biżżejjed. Uffiċjal tal-Ġnus Maqgħuda kien qabbel is-sitwazzjoni ma’ dik tal-ghetto ta’ Varsavja. U mhux ta’ b’xejn li din il-ġimgħa, il-Kardinal Martino, il-‘Ministru’ tal-ġustizzja tal-Vatikan, stqarr li s-sitwazzjoni f’Gaża dejjem tixbah dik ta’ kamp kbir tal-konċentrament.
Quddiem din ir-ripressjoni bla waqfien, wieħed ma jistax ma jistenniex reazzjoni mill-Palestinjani. L-Eġizzjani rranġaw is-sena l-oħra ftehim għal sitt xhur li permezz tiegħu Ħamas waqfu l-ostilitajiet, inkluż l-isparar ta’ rockets lejn l-Iżrael u l-Iżrael kellu jirrilassa l-imblokk ekonomiku ta’ Gaża.
L-Iżrael ma żammx kelmtu u Ħamas ma ġeddidx dan il-ftehim u ppermetta l-isparar ta’ dawn ir-rockets mill-ġdid. Issa dawn ir-rockets ċertament inisslu biża’ fil-popolazzjoni Lhudija u jikkawżaw xi mewt ’l hawn u ’l hemm imma mhuma xejn ħdejn il-ħruxijiet li qed nassistu għalihom.
Minkejja li l-Iżrael ma ħalliex lill-istampa internazzjonali tidħol f’Gaża, id-dinja xorta waslulha filmati u stejjer ta’ atroċitajiet li qed jitwettqu mill-armata ta’ Iżrael fil-kampanja tagħha biex tagħti lezzjoni lil Ħamas. Hu evidenti li l-Iżrael qed juża metodi sproprozjonati ħalli jilħaq obbjettivi li setgħu faċilment jintlaħqu diplomatikament. Mhux aċċettabli li l-armata Iżraeljana tattakka skejjel tal-Ġnus Maqgħuda mimlija nies ċivili, ambulanzi li kienu qed iġorru feruti u jattakkaw konvoys b’għajnuna umanitarja.
Tfal tħallew mill-armata Iżraeljana għal jiem mal-ġenituri mejtin tagħhom u ma ħallewx lil min jagħtihom għajnuna. L-azzjonijiet tal-armata Iżraeljana f’Gaża xxukkjaw dik il-parti tal-opinjoni pubblika li tħares lejn l-affarijiet b’mod spassjonat u mhux ta’ b’xejn li wasslu fuqhom il-kundanna tal-Ġnus Maqgħuda, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, Amnesty International u għaqdiet oħra.
L-azzjonijiet Iżraeljani mhumiex ġustifikabbli taħt l-ebda ċirkustanza u dawn huma reati ta’ gwerra li għandhom jiġu kkundannati bħalma ġara fid-Darfur, fil-Liberja, f’Srebnica u fil-Bosnja.
F’dan il-frakass kollu hu ta’ swied ta’ qalb tara l-vuċi ineffettiva u mħawda Ewropea. Imnalla Sarkozy ħa l-inizjattiva diplomatika biex jieqaf il-ġlied. Il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej imbarazzat lill-Ewropa meta ġġustifikat l-invażjoni ta’ Gaża bħala att difensiv. L-Iżrael kisser ħafna mill-infrastruttura ta’ Gaża li nbniet bi flus Ewropej u bla dubju l-Ewropa tispiċċa tħallas il-parti l-kbira tal-kont tal-ħsarat.
Meta wieħed iqis kemm l-Ewropa titfa’ flus fir-reġjun l-influwenza tagħha hi wisq żgħira. Fid-dawl ta’ dan kollu t-Trattat ta’ Assoċjazzjoni tal-Iżrael mal-UE għandu jitqies mill-ġdid sakemm l-Iżrael ma jurix aktar rispett għad-drittijiet u l-ħajja ta’ min qed jokkupa.

Intervista
Il-kaċċaturi li jheddu l-kaċċa u l-insib

Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu




Emmanuel Micallef
Min se jkun il-President?



Wenzu Mintoff
Lessiku



Carmelo Mifsud Bonnici
Proġetti ta’ paċi



Joe Ellis
Ħruxija sproporzjonata



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan