MediaToday

Wenzu Mintoff | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115

Lessiku

Illum beħsiebni nkompli fejn ħallejt il-Ħadd li għadda bil-lessiku ta’ xi punti ewlenin u mhumiex, f’salib it-toroq bejn sena u oħra.

N għal Nazzjonalisti u għal nassaba. In-Nazzjonalisti anki lin-nassaba rnexxielhom jonsbu, aħseb u ara lill-bqija. Waqt it-tbaħrid tal-festi li għadna kif ħriġna minnhom, insiru nafu li mhux biss fir-rebbiegħa l-insib se jinqata’, imma anki fil-ħarifa. Bl-unika eċċezzjoni x’aktarx li tkun waqt il-kampanja elettorali meta jkun moda l-insib, mhux għall-għasafar imma għall-voti. Ngħid is-sew in-namra tal-insib qatt ma għamlet bija u nsibha diffiċli nifhimha. Li kieku kelli lil xi ħadd qrib tiegħi jiddeletta bil-gabjetti u l-ixbieki, forsi kont naħsibha mod ieħor.
...F’pajjiż ta’ frustrazzjonijiet kbar fejn mhux kulħadd għandu xi paqqa lussuża biex jheda, mhux ta’ b’xejn li fostna jeżistu l-eluf li jiddilettaw jaqflu l-għasafar fil-gaġeġ. Arroganti kienet l-imġiba ta’ dawk in-nassaba u kaċċaturi li kienu jġegħluk tħossok intimidat meta tgħaddi minn qrib ta’ xi wieħed mill-kampanja li kien jagħmilha tiegħu. Arroganti wkoll hi l-imgiba ta’ minn fostna u barra minn xtutna, jippretendi li jinqata’ għal kollox dan l-hekk imsejjaħ ‘sport’ krudili tal-insib u l-kaċċa, meta f’pajjiżi Ewropej oħra jiġi pprattikat ‘sports’ ieħor bl-istess mod krudili jew iktar.

O għal Obama. Mill-kontinent Ewropew fejn prattikament bl-eċċezzjoni ta’ Spanja u r-Renju Unit iċ-ċentru-xellug, jew dak li għad fadal minnu, jinsab tellief tista’ tgħid kullimkien, ħarsitna tmur ta’ bilfors lil hinn mill-Atlantiku, fejn fl-4 ta’ Novembru li għadda seħħ l-impossibbli. Iswed, metiċċju biex inkun eżatt, ħmistax oħra se jkun fit-tmun fil-White House, is-simbolu tat-tmexxija tal-uniku superpotenza fid-dinja. Barack Obama rnexxilu jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali fuq programm ta’ riformi li f’pajjiż bħalma hu l-Amerika, għandhom jitqiesu bħala radikali u progressivi, dejjem f’termini relattivi.
Wara dominju assolut ta’ kważi 30 sena ta’ Thatcheriżmu u Reaganiżmu li ħakem id-dinja u fileġ lill-partiti taċ-ċentru-xellug u ġabhom bla identità u bla sinsla, feġġet il-bxara t-tajba ta’ dan it-tifel ta’ Kenjan fl-Amerika. Veru li m’għandniex nistennew mirakli u għeġubijiet mingħandu. Imma b’sorra bħal dik mimlija mill-milja tal-ħajja u bl-għeruq tiegħu fejn ixxettlu, bir-resposabbiltajiet kbar li se jġorr erbgħat ijiem oħra, mingħajr ma rridu, anki jekk hemm ċans li niġu ddiżappuntati, nistennew affarijiet kbar.

P għal President mhux dak tal-Amerka imma ta’ diż-żibġa jisimha Malta. Kariga kollox ma’ kollox insinifikanti li żgur m’għandniex għalfejn naħlu ħafna bżieq dwarha, iktar u iktar jekk in-Nazzjonalisti bil-moħħ djaboliku u perfidu tagħhom, jiddeċiedu li jixħtu xi isem partikolari fil-kappell. B’seba’ għajnejn għal dan kollu, speċjalment ċerti Laburisti li moħħhom biex iħarsu lura flok ’il quddiem u f’teqba t’għajn jispiċċaw jitqanfdu u jitberflu fil-ġrajjiet tal-passat. Wara kollox, qabel ma sirna Repubblika, din kariga li kienet tkun okkupata minn xi civil servant anzjan jew xi ex-baħri Ingliż for services rendered, bl-appuntament ewlieni tiegħu ta’ kull sena kien ikun il-preżentazzjoni tax-xema’ mill-kappillani ta’ Malta fiċ-ċerimonja tal-Kandlora. Minn kemm ilu li President Malti ħa post Gvernatur Ġenerali Ingliż, l-ewwel wieħed biss irnexxielu jkun tagħna lkoll u mhux ta’ nofs il-poplu.
Sal-Ġimgħa l-Kbira li jmiss irid ikollna wieħed ġdid. F’pajjiż fejn ħafna drabi ma jkun qed jiġri xejn imma naraw kif nagħmlu biex nagħtu l-impressjoni li qed jiġri xi ħaġa, bħalissa hawn minn qed jheda jilgħab it-tombla bl-ismijiet ta’ dawk li jaħsbu li huma presidenżjabbli. Dan meta x’naħsbu u x’ngħidu aħna, fl-aħħar tal-gurnata qajla se jimporta. Malta għandha bżonn bħala President xi ħadd ta’ żaqqu f’fommu, xprunatur li jnigges il-kuxjenża tan-nies, baqqunier li jgħid l-affarijiet kif inhuma u mhux kif jaqbel għal wiċċ dak u l-ieħor.

Q għal qgħad, mhux biss ta’ dawk li messithom l-isfortuna kbira li jitilfu x-xogħol u mhux la kemm isibu xogħol ieħor f’kemm ili ngħidlek. Imma anki għal dawk li tilfu ġurnata xogħol fil-ġimgħa u qed jaħdmu erba’ flok ħamest ijiem u mhux la kemm jitqabdu mal-piżijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħajja, f’xenarju għal kollox mibdul minn dak li GonziPN pinġielna sena ilu, bil-kontijiet tad-dawl u ilma li jixxukkjaw u bil-morsa tat-taxxi tagħfas flok terħi xi ftit kif kienu wegħduna.

R għal Repubblika li dis-sena sejra tagħlaq 35 sena. Żmien twil biżżejjed biex wieħed jgħarbel ftit jekk il-qafas kostituzzjonali u istituzzjonali ta’ dal-pajjiż huwiex jiffunzjona sew bħala sistema ta’ ‘checks and balances’ u jekk hux jirrispondi tajjeb għall-aspettattivi ta’ soċjetà moderna. Suppost li din hi l-muntanja li magħha jrid jixxabbat il-Kumitat Magħżul tal-Parlament. Imma nispera li dan ma jispiċċax minflok jagħmel bħalma jgħid il-qawl, iwelled xi ġurdien tal-imramma.

S għal stabbiltà u serenità. Lil hinn mill-eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi, policies, uċuħ u strutturi ġodda, il-qofol ta’ dak li għandu bżonn jittrasmetti l-PL hu stabbiltà, serenità u armonija, l-ewwel fil-Partit u konsegwentement fil-pajjiż. Partit li ma jittrasmettix klima ta’ stabbiltà u serenità fi ħdanu, qajla jista’ jirbaħ il-fiduċja ta’ min qatt, jew rari, ra għajn għajn miegħu.

T għal Teatru Rjal. Feġġet mill-ġdid il-polemika dwar x’għandu jsir mis-sit tat-Teatru Rjal, mingħajr wisq ħsieb għax dal-progett li suppost ikun lest sa erba’ snin oħra, li fil-bagit li għadda lanqas biss jissemma. Kellu jkun diversiv li jaljena xi ftit lin-nies mill-problemi reali tagħhom. Imma minn kif tidher li sejra d-diskussjoni dwar das-suġġett fil-gazzetti, GonziPN qed joħrog xi ftit imbenġel minn dan kollu għax qed jidher li ma jridx jiddjaloga bis-serjetà u jinsab f’minoranza assoluta fil-pajjiż bl-użu li jrid jagħmel mis-sit bħala Parlament u qed jidher li qed ifittex l-interessi tal-klassi politika aktar milli tas-soċjetà b’mod generali.

V għal Venditti li jkolli nammetti jien segwaċi fanatiku tiegħu. Isaħħrek mhux biss bil-mużika u bil-lirika tal-għanjiet klassiċi tiegħu, imma anki bil-battuti politiċi bejn għanja u oħra waqt il-kunċerti tiegħu. Laqtitni ħafna r-rimarka li għamel f’kunċert li kellu ġewwa Milan f’Diċembru li għadda meta sostna li d-diskors politiku fl-għanjiet tiegħu u lil hinn minnhom jibqa’ validu minkejja l-ħafna snin li għaddew minn fuqhom ġaladarba d-dinja qed tispiċċa tmur lura flok ’il quddiem.

W għal W. ta’ George Bush li fi ftit tal-jiem oħra d-dinja se tkun ħelset minn dit-toqla kbira fuq l-istonku, l-iktar President inkompetenti fl-istorja tal-Istati Uniti.

X għal Xagħra l-Ħamra fejn qabel l-elezzjoni seħħet il-‘maġija’ li minn korsa tal-golf li kien fettillu joħroġ biha Dr. Gonzi, meta qorbot l-elezzjoni nbidlu ta’ malajr malajr il-pjanijiet u minflok kellu jibda x-xogħol fuq park naturali li tawh l-isem ta’ Majjistral. Passiġjata sax-Xagħra l-Ħamra bħalma għamilt jien il-Ħadd li għadda, u tinduna kif mhux talli m’hemmx xamma ta’ meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq dan l-hekk imsejjaħ ‘park naturali’, imma bilkemm tista’ timxi fil-passaggi tal-kampanja bil-ħerba li fihom.

Ż għal żejt mhux tal-bażwa, la tal-ħuta u lanqas taż-żebbuġa, imma dak li bih nixegħlu l-bozza u nħaddmu l-karozza. Kont qatt tobsor li waqt li l-prezz internażżjonali taż-żejt hu inqas minn terz ta’ dak li kien sena ilu, flok tnaqqset is-surcharge proporzjonalment kif kienu wegħduna, is-surcharge saħansitra tneħħiet!? Imma l-kontijiet tad-dawl u l-ilma flok roħsu kif tgħidlek il-logika, issa qed jagħtu x-xokkijiet.

 

Intervista
Il-kaċċaturi li jheddu l-kaċċa u l-insib

Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu




Emmanuel Micallef
Min se jkun il-President?



Wenzu Mintoff
Lessiku



Carmelo Mifsud Bonnici
Proġetti ta’ paċi



Joe Ellis
Ħruxija sproporzjonata



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan