MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115

Proġetti ta’ paċi

1. Riċentement qrajt librett verament interessanti bl-isem ‘Project For Perpetual Peace’ li hu traduzzjoni ta’ trattat miktub mill-Abbé de Saint-Pierre. It-trattat hu frott ta’ taqlib għal-lingwa Ingliża minn edizzjoni oriġinali stampata f’Amsterdam u li tqiegħdet fil-Biblijoteka Nazzjonali mis-Sinjura Carmen Depasquale. Il-kitba ta’ Charles-Irénée Castel de Saint-Pierre (li twieled fit-18 ta’ Frar 1658 fin-Normandija u li miet f’Pariġi fid-29 ta’ April 1743) hi miżgħuda bi kwantità kbira ta’ suġġetti. Fost l-oħrajn għandu trattat li jitkellem fuq il-mod ta’ kif wieħed jeħles mill-preżenza Musulmana fil-Mediterran li hu jsemmi ‘Project pour l’extirpation des corsairs de Barbare’ (A project for the elimination of Berber corsairs) fejn l-Ordni tal-Kavallieri għandhom sehem determinanti.
2. Il-librett, stampat minn Midsea Books, għandu introduzzjoni interessanti tal-Prof. Roderick Pace li hu wkoll, bħas-Sinjura Depasquale, jgħallem fl-Università tagħna. Permezz tiegħu dan il-ktejjeb irnexxielu jwassal numru ta’ messaġġi li għadhom rilevanti ħafna f’dan is-seklu. Ovvjament l-ewwel wieħed japprezza li dan Saint-Pierre kien bniedem ta’ kultura, arti u proattiv fid-diversi problemi li d-dinja, u b’mod partikolari l-Ewropa, kellha. Mhux daqshekk magħruf f’dawn il-Gżejjer illum. Mhux isem fuq l-ilsna bħal dak ta’ Jean Jacques Rousseau jew Emanuel Kant, imma kif insibu f’din il-kitba, it-tnejn li huma kellhom rispett kbir lejn dan il-persuna.

3. It-tieni, wieħed japprezza wkoll li l-Kavallieri li kellna f’pajjiżna kienu bnedmin ta’ ideat u kienu jżommu lilhom infushom aġġornati ma’ dak li kien għaddej fi żmienhom. Il-Librerija Nazzjonali tagħna għandha dan il-wirt għad-dispożizzjoni tal-poplu. Ftit huma dawk li jkollhom il-ħin jew l-opportunità biex jidħlu u jaraw x’hemm. Iżda għal dawk li jistgħu (numru ta’ drabi iktar barranin milli Maltin) hemm minjiera. Dan kollu qiegħed hemm bħala xiehda tal-fatt li dawn il-bnedmin kienu jżommu lilhom infushom aġġornati b’dak li kien għaddej. Il-kummenti, l-ideat, il-kotba ġodda li kienu qed jiġu stampati sabu rwieħhom f’dawn il-Gżejjer. Fortunatament, il-Franċiżi ġew f’leħħa ta’ berqa u allura l-kotba tħallew hawn u la ttieħdu minnhom u lanqas inħarqu jew ġew distrutti u għalhekk baqgħu għad-dispożizzjoni tagħna.

4. It-tielet nett, din il-kitba tiftaħ iktar għajn diversi persuni fuq kemm il-problema tal-paċi fid-dinja, jew aħjar in-nuqqas ta’ belliġerenza kif ukoll il-koperazzjoni fl-Ewropa, kienu prijoritajiet li ilhom jokkupaw il-moħħ. Il-proġett tal-Abbé Saint-Pierre fil-fatt hu fil-qosor risposta għal dawn il-problemi, bi proposti li fid-dinja tiegħu kienu għamlu sens. Żgur mhux forsi li l-monarki ta’ dawk iż-żminijiet kienu l-potenzi li lejhom kien qiegħed jappella billi jressaqhom għar-raġuni. Is-sabiħ tal-kitba tiegħu hu li f’ħafna sens għadu rilevanti sal-ġurnata tal-lum.

5. Din il-kitba għad għandha sustanza għall-preżent għax f’dan il-Proġett għall-Paċi Perpetwa hemm diskors li għadu tajjeb għal min ifittex il-paċi. Hu jħares verament fit-tul u jfittex li jinbnew rapporti bejn l-Istati li jinżammu u jsaddu. Il-ħsieb tiegħu hu trattat li jħares lejn mhux snin imma “s-sekli futuri”. Patt ta’ koperazzjoni li fuqu jkun hemm garanziji ċari ta’ rispett u għaqda kontra l-użu tal-gwerer u l-effetti negattivi tagħhom. Jinsisti li kull Stat jirrispetta u jiggarantixxi d-drittijiet tal-oħrajn, filwaqt li jirrakkomanda li jitnaqqsu sew l-ispejjeż militari però jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom.

6. Il-kitba ta’ dan il-Franċiż timmerita iktar minn dan l-artiklu u għalhekk nistieden lilkom taqrawh. Imma ħassejt li għandi nsemmih f’dan iż-żmien fil-konflitt armat li għaddej f’dawn il-ġranet f’Gaża. L-aġir ta’ kull naħa fih x’tiddiskuti. Żgur mhux forsi li m’għandux jiġi aċċettat li l-użu tal-armamenti hu soluzzjoni fit-tul. L-estremiżmu ma jwassal għal imkien, ħlief għal iktar irdumijiet politiċi. Il-forza tar-raġuni, li fuqha l-Abbé Saint-Pierre kien daqshekk militanti, għandha tirbaħ. L-imwiet taċ-ċittadini, ta’ tfal innoċenti, ta’ persuni vulnerabbli, għandhom jibqgħu jżommuna naħsbu u naħdmu għas-sewwa. Naħseb li l-paċi għandha tibqa’ titqies bħala valur u hu żball li jibqa’ jkollna bnedmin li jaħsbu li bil-forza se jieħdu r-raġun.

 

Intervista
Il-kaċċaturi li jheddu l-kaċċa u l-insib

Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu




Emmanuel Micallef
Min se jkun il-President?



Wenzu Mintoff
Lessiku



Carmelo Mifsud Bonnici
Proġetti ta’ paċi



Joe Ellis
Ħruxija sproporzjonata



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan