Emmanuel Micallef | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115
Għal ħafna l-President ta’ Malta qiegħed hemm għaċ-ċerimonji. U għal ħafna oħrajn iċ-ċerimonji huma biss ħela ta’ ħin. Fi ftit kliem, għandna min jemmen li mingħajr President u mingħajr ċerimonji ngħaddu xorta waħda … jekk ma mmorrux aħjar ukoll. Ma nistagħgibx min jaħsibha hekk għax f’dinja fejn il-pragmatiżmu jiddomina f’kollox, ftit huma dawk li japprezzaw l-ideologiji, is-simboliżmi u ċ-ċerimonji.
Iżda rridu nammettu li fis-sistema demokratika li nħaddnu ma nistgħux ngħaddu mingħajr dawn is-simboliżmi għaliex dawn jistgħu jservu ta’ għodda fis-sistema politika biex innaqqsu l-anomaliji u jagħlqu t-toqob li jista’ jkollha s-sistema nnifisha.
Min kemm ilna Repubblika darba biss irnexxielna nagħżlu President li kellu l-fiduċja tal-poplu kollu. Dan kien 35 sena ilu meta Sir Anthony Mamo nħatar l-ewwel President ta’ Malta. Minn dak in-nhar lil ħawn, għamilna bħalma nagħmlu dejjem: inpoġġu lil xi ħadd li jissimpatizza mal-partit fil-Gvern. Irrispettivament minn kif jaħsibha l-poplu. Fl-aħħar ħatra, ċioe’ dik ta’ Eddie Fenech Adami, ukoll qajmet kontroversja, iżda l-Gvern iserraħ rasu li l-poplu jagħmel furja fil-bidu mbagħad joqgħod u jidra. Jagħmel hekk il-Gvern ukoll għaliex essenzjalment ma jagħtix importanza lil din il-ħatra għax wara kollox hija simbolika. M’hemmx rieda li minn naħa u lanqas minn oħra li lill-Kap tal-Istat nagħtuh l-għodda biex verament ikun l-għassies tal-Kostituzzjoni Repubblikana. Bħalissa kien hawn min qed jistenna li qabel April li ġej isiru l-emendi meħtiega fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ pajjiżna ħalli l-Kap tal-Istat jibda jmexxi l-Kunsill tal-Istat.
Izda l-klima ma tantx tidher li se tinkoragixxi li tal-inqas jinbdew it-taħditiet f’din id-direzzjoni, aħseb u ara kemm se naslu biex il-funzjoni tal-Presidenza tinbidel f’waħda iktar realistika u bżonjuża għaż-żminijiet tal-lum.
Kull meta tkun riesqa l-bidla fil-presidenza dejjem inbeda d-dibattitu dwar l-għazla u l-funzjoni li għandu jkollha. Imma bid-diskussjonijiet bqajna. U hekk se jiġri din id-darba. B’hekk qegħdin inkomplu nnaqqsu s-sinifikat tal-istess Presidenza u kull darba qed nuru kemm m’aħniex preparati biex fejn jidħol verament l-interess nazzjonali rridu noħorgu għonqna ’l fuq mill-partiġġanizmu. Possibbli m’aħniex kapaċi li nagħzlu persuna lil hinn mill-partiġġaniżmu politiku u li tissimbolizza l-għaqda nazzjonali? Saħħa m’aħniex kapaċi biex nirridefinixxu r-rwol ta’ President, almenu ma naslux biex nibagħtu messaġġ li dan il-poplu mhux f’kollox maqsum bejn l-aħmar u l-ikħal?
Irrid nammetti li matul dawn il-35 sena ta’ Presidenza, kull min okkupa l-kariga — anke min bħala Agent President — kollha għamlu gieħ lill-istess Uffiċċju. Irnexxielhom, bl-istil tagħhom, li jinfatmu mill-passat partiġġan tagħhom u fejn inħass il-bżonn zammew low key biex ma jitnaffar ħadd. Hekk għamel il-President attwali Fenech Adami wara għexieren ta’ snin jiddomina l-ħajja pubblika.
Kollha kemm huma ħallew it-timbru tagħhom f’San Anton u l-Palazz fil-Belt. Iżda naħseb li wasal iż-żmien li ma nħallux il-validità tal-ħatra u r-rwol tagħha jiddependu assolutament mill-kwalitajiet tal-persuna li tokkupa l-post. L-esperjenza tax-xogħol tiegħi tatni l-opportunità li nsegwi okkażjonalment mill-qrib il-ħidma informali tal-President. Dan kien fiż-żmien il-President Guido de Marco. Irrealizzajt li l-President jagħmel xogħol minn wara l-kwinti li huwa ferm iktar utli mill-attendenzi f’ċerimonji uffiċjali. Jista’ jagħmel ferm aktar għall-ġid tal-pajjiz jekk ma jirrestrinġix ruħu biss għal dak li hu obbligat jagħmel bil-Kostituzzjoni.
X’qed iżommna issa wara esperjenza ta’ 35 sena Presidenza, milli nġeddu l-funzjoni tagħha biex fl-istess waqt insaħħu l-istrutturi demokratiċi ta’ pajjizna? X’sens jagħmel li noqogħdu nitkażaw bil-Monarkija fl-Ingilterra mbagħad inħallu kollox kif inhu f’Malta?
Il-President ta’ Malta għandu jkun il-President tal-poplu. Mhux ta’ partit jew ieħor. Għalhekk l-għażla għalih għandha ssir mill-poplu.
“Min se jkun il-President li jmiss?” It-twegiba m’għandhiex toħrog minn Kastilja imma jiddeċidiha ċ-ċittadin. |
|
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|