Intervista | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
“Ma nistax nemmen li l-Gvern kien ser jagħti garanziji bħal dawk jekk ma kienx ċert li jaf x’inhu jagħmel,” qalli Mark hu u jurini gazzetta ta’ tmien faċċati li kien ħareġ il-Partit Nazzjonalista biex jikkonvinċi lin-nassaba u lill-kaċċaturi biex jivvutaw favur is-sħubija fl-UE. “Xi ħaġa marret żmerċ bilfors.”
L-ittri kbar fuq il-faċċata ta’ dik il-gazzetta kienu jsemmu l-garanzija u fil-paġni ta’ ġewwa tneħħa kull dubju li kollox kien se jkun garantit. Kien hemm saħansitra faċċata b’żewġ kolonni, waħda ġġib l-istqarrijiet li għamel il-Partit Laburista u ħdejha lista oħra tal-PN tgiddibhom. Naħa tgħid li l-kaċċa fir-rebbiegħa tinqata’ u l-oħra twiegħed li tibqa’.
“Kien kitbilna personalment il-Prim Ministru Fenech Adami biex iserrħilna moħħna. L-ittra tiegħi qegħda fl-uffiċċju tal-Għaqda għax kieku nurihielek ukoll,” qalli Mark ħerqan bħalma nafu minn dejjem. “In-negozjati finali mal-UE ma kinux skont id-diskors li kien sar magħna.”
Staqsejtu jekk l-Għaqda tiegħu kinitx ħadet sehem fil-konsultazzjoni dwar l-isħubija. “Le, kienu l-FKNK li kellhom taħditiet mal-Gvern li kellu bħala konsulent lil Saviour Balzan. Iżda dak li nnegozja Balzan ma kienx dak li kienet qablet miegħu l-FKNK. Qatt ma ssemma’ xejn li kien se jintemm kollox fl-2008.”
Mark u jien nafu lil xulxin tfal: jien sena akbar minnu, hu kaċċatur, jien ambjentalist. Is-suspetti tiegħu fl-Editur ta’ din il-gazzetta kienu jġibuni f’qagħda mwiegħra li kieku ma konniex ħbieb sew. Stajt nagħfsu.
Kull min ried seta’ jaqra l-artiklu 9 tad-Direttiva tal-Għasafar. Dan jippermetti lil kull pajjiż hu u jissieħeb fl-UE li javża lill-Kummissjoni li kien ser jieħu xi derogi, per eżempju li jippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dawn id-derogi l-Kummissjoni ma setgħetx tiċħadhomlu hu u jissieħeb iżda setgħu jsiru biss bil-kundizzjoni li jinżamm kont ta’ kemm jittieħdu għasafar u l-Kummissjoni kien ikollha l-jedd li ma ġġeddidx id-derogi wara xi snin jekk ma jkunx hemm għaliex għandhom jinżammu fis-seħħ.
“Iva, konna nafu u ħassejna li kellna għax nobsru li kienu ser jiġġeddu, l-iżjed meta kellna dawk il-garanziji qawwija mill-Gvern u mill-MIC.”
Staqsejtu jaqbilx li f’dawk in-negozjati ngħatat ħafna attenzjoni lill-kaċċa iżjed milli ngħatat lil suġġetti oħra u iżjed serji. Jekk jaqbel x’jaħseb li kienet ir-raġuni.
“Għaliex ħafna nies kienu jivvutaw kontra l-isħubija jew ma jivvutaw xejn,” weġibni fil-pront.
Meta staqsejtu kif imxew rigward l-Artiklu 9 qalli li l-Gvern baqa’ jitnikker xi sentejn biex jibgħat rapport lill-Kummissjoni u spiċċa kiser id-Direttiva għal xi sentejn jew tlieta mbagħad qabbad lill-ornitologu Joe Sultana biex jagħmel rapport.
“Għadna sal-lum ma nafux x’kiteb. Tlabna kopja lil Stavros Dimas, lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni u ma nafux x’fih. Jista’ jkun xebgħa gideb. Aħna konna fiduċjużi li kienet ser tgħaddi tagħna għaliex biex tgħaddi d-deroga mill-ġdid it-teħid ta’ kaċċa minn kull speċi ta’ għasfur ma tridx taqbeż il-1 fil-mija tar-rata tal-imwiet naturali. Dak li nikkaċċaw f’Malta lanqas ma jqarreb dawn l-ammonti.”
U llum x’igħidilkom il-Gvern?.
“Illum meta niltaqgħu mal-Prim Ministru jgħidilna biex ma nqawwux qalb il-membri tagħna.”
Jien u hu t-tnejn trabbejna kaċċaturi: hu baqa’, jien qbadt triq oħra. Nammetti li qabbadni nostalġija jirrakkuntali fuq tfulitu.
“Kelli xi seba’ snin meta bdejt inmur għall-kaċċa man-nannu. Il-kaċċa minn dejjem f’demmna. Għandi senter tal-bużnannu jġib is-sena tal-1796. In-nannu kien itellagħni fuq il-bejt jurini l-għasafar fil-gaġeġ u jgħallimni nagħrafhom. Mingħandu writt kollezzjoni kbira ta’ għasafar ibbalzmati li komplejt inżid magħha jien ukoll. Konna nmorru jew Ħad Dingli jew is-Salini fejn kellu dritt jikkaċċa s-Supt Victor Bonello. Kienet ġiet toqgħod hemm waħda Ingliża f’waħda mill-ewwel djar li nbniet hemmhekk. Ma kinitx taħmel il-kaċċa u kull darba kienet toqgħod xi borka kienet tipprova ttajjarha billi tagħmel l-istorbju b’kull borma u kazzola li tiġi għal idejha. Tgħidx kemm kien iħobbha s-Sur Bonello.
“Missieri qabad jikkaċċa meta kelli xi 15-il sena u kien jeħodni miegħu. Meta kelli xi 17-il sena ġejna noqogħdu San Pawl tat-Tarġa u bdejt indur għall-kaċċa mal-bdiewa ta’ Burmarrad u l-Għallis. Malli qbiżt il-21 sena xtrajt l-ewwel senter.”
Ta’ 52 sena Mark ra ħafna tibdil fil-kampanja minn meta kien żgħir. “Niftakarni ndur għall-kaċċa fix-xagħri fejn illum hemm il-miżbla tal-Magħtab, dak il-monument glorjuż tal-politiċi tagħna li jitgħajru kemm jifilħu u jispiċċaw jagħmlu bħal xulxin. Inbidel ukoll l-atteġġament tan-nies minn dak in-nhar. Dari meta kien isibek xi ħadd għall-kaċċa kien jersaq jistaqsik dwar in-namra tiegħek. Illum iħarsulek biċ-ċiera.”
Jagħraf li hawn anqas wiesa’ minħabba l-iżvilupp bla rażan?
“Iva, illum jaslu aktar nies fil-kampanja u jixraq li jkunu iżjed prudenti. Jekk ikun hemm xi ħadd qed jonsob m’għandekx tintefa’ ħdejh biex tagħmel piknik. Qegħdin ngħidu għall-art pubblika għax ħadd m’għandu jidħol fuq art privata.
“Sa ftit snin ilu minn ried jagħmel mansab fuq art tal-Gvern ma kien ikellmu ħadd. Dan l-aħħar bdew jinqalgħu l-kwistjonijiet man-nies li joħorġu jgawdu l-kampanja. Issa li qed isir infurzar tal-Liġi jixraq li jitneħħew id-duri u l-imnasab illegali mill-art tal-Gvern iżda n-nassab għandu l-istess dritt igawdi din l-art tal-Gvern daqs min irid imur passiġġata. Għandu jkun permess li dak li jkun jista’ jifrex mansab li jinġarr u jiżżarma.”
X’jidhirlu mill-impatt tal-kwantità kbira tal-imnasab li għandna? Il-kilba għall xi tomna raba’ għall-kaċċa u l-insib wasslu biex jinxtraw u jinkrew għelieqi bi prezzijiet li jegħlbu d-dħul mill-biedja. Dan kollu jħalli impatt ħażin?
“Min jieħu biċċa art għall-kaċċa jew l-insib jindukraha, jiżra’ l-qamħ għas-summien u jzommha nadifa. Tgħidx x’uġigħ ta’ ras huma dawk li jduru fil-kampanja bl-addoċċ iwaqqgħulna l-ħitan għall-bebbux u jħallu mandra warajhom. Imbagħad hemm min jarmi kull xorta ta’ imbarazz, tajers, għamara, terrapien....”
“Għamilna proposta lill-Gvern biex il-kaċċaturi u n-nassaba jissorveljaw il-kampanja. Malta tinqasam f’numru ta’ żoni u jkun hemm 16,000 ruħ għassa biex ma ssirx ħsara. Iżda l-Gvern ma tagħniex wiċċ.”
Jista’ jkun għaliex l-istima li għandhom in-nies għall-kaċċaturi hi tant baxxa li l-Gvern ma jridx jidher jappoġġjahom f’din il-proposta? X’ser tagħmlu biex tiksbu iżjed rispett?
“Mingħajr l-appoġġ tal-Gvern ma tistax tikkontrolla lil 16,000 ruħ. Jibqgħu l-ftit li jħammrulna wiċċna. Ngħid għalija ġieli rrappurtajt lil xi ħadd li kien qiegħed jikser ir-regolamenti u fejn nikkaċċa jien bejnietna nieħdu ħsieb li ma tinkisirx il-Liġi. Iżda postijiet oħra jista’ jkun li ma jagħtux kas jew jibżgħu jagħmlu rapport.”
Qabadli mal-Birdlife.
“Il-Birdlife ma tagħmilx rapporti. Tistenna li jiġu tal-CABS minn barra biex jagħmluhom huma.”
Jekk il-kaċċaturi stess jibżgħu jirrappurtaw minħabba l-vendikazzjonijiet tippretendi li ma jibżgħux tal-Birdlife? Tal-Birdlife għandhom djarhom u l-familji hawn u mhux bħall-attivisti tal-CABS.
“Iva, ngħixu f’pajjiż żgħir. Jingħad li l-pulizija jdoqqu s-sireni u jħarrbu l-ħallelin biex ma jlaqqtux xi vendikazzjoni. Madankollu meta ġew il-CABS xorta ma rrappurtawx aktar minn 100 vjolazzjoni meta hawn 16,000 kaċċatur. Hemm mat-300 persuna li joħolqu l-inkwiet. Jien stess irrappurtajt lil xi wieħed minnhom.Darba minnhom irrappurtajt lil wieħed li spara għal kuċċarda u darb’oħra waqqaft lil wieħed li kien qiegħed joħroġ is-senter biex jispara għal borka fit-triq tal-Pwales.
“Biex insibu tarf tagħhom hemm bżonn li jeħlu multi bis-serjetà. Waqt li l-Liġi tippermetti li jeħlu sa sentejn ħabs jew €16,000 il-pieni mposti spiss ikunu taż-żufjett. Dan l-aħħar kien hemm min weħel xi €500 minkejja li kienu sabulu ajkla fil-friżer u kienet it-tielet darba li ttella’ l-Qorti. Tnejn oħra qabduhom jisparaw Ta’ Qali u ħadulhom il-liċenzja għal sitt xhur. Dan kien iżjed minn sitt xhur qabel ma tibda l-passa f’Settembru. Dik lanqas mhi piena, aħseb u ara kemm isservi ta’ deterrent.”
Mark jibqa’ tal-fehma li jridu jkunu l-forzi tal-ordni li jrażżnu l-abbuż.
“Mhix l-ewwel darba li sibt li jkunu tefgħuli l-velenu għall-klieb fejn indur għall-kaċċa meta nkun irrappurtajt lil xi kaċċatur li kiser ir-regolamenti. Qisu li l-pulizija ma jridux jaqbduhom, bħallikieku jibżgħu mill-iżjed kesħin fosthom.”
Jaqbel li m’hemm biża’ ta’ xejn fil-każ tal-għajjat elettroniku illegali.
“La trid għerf u lanqas kuraġġ biex taqbad lil min iħalli l-għajjat bil-lejl. Kull ma trid par widnejn. L-istess fil-każ ta’ infurzar fil-Buskett. Alla jbierek qatt ma jinqabad xi Rabti. Kumbinazzjoni jew għax tiġri l-aħbar?”
Eġajna lura għall-każ speċjali ta’ Malta
“Fil-ħarifa jinqabdu mal-erba’ miljun gamiema fl-Ewropa. F’Malta kważi xejn. Il-passa tal-gamien f’Malta hi dik tar-rebbiegħa.”
Urieni ktejjeb li fih żamm l-ammont ta’ kemm qabad tajr sena sena u skont l-ispeċi tagħhom mill-1974 lil hawn. Jekk tgħodd kull passa tal-ħarifa għal dawn l-aħħar 34 sena qabad 80 gamiema b’kollox. Argument u dokument konvinċenti. Ma naħsibx li kien qed igħidli li jmur mill-vista fil-ħarifa.
“Ma nistgħux nitqabblu ma’ Spanja fejn fil-ħarifa jxerrdu l-qamħ fl-għelieqi mal-lejl bħala lixka biex wara nofs in-nhar stajt naqbad 80 gamiema daqs kemm qbadt f’għomri hawn Malta fil-ħarifa.”
Mela l-kaċċa fir-rebbiegħa mhix permessa minħabba li hemm gaj kaċċaturi li jagħtu fama ħażina lil ħaddieħor?
“Iva, bid-differenza li dawk li huma kontra l-kaċċa tant jagħmlu storbju li niċċappsu lkoll kemm aħna, ukoll bħala pajjiż. Kaċċaturi jiksru l-Liġi hemm bħal mhemm min isuq kontra dawl aħmar u ksuħat oħra bħal dawn. Minħabba fihom qed jeħlu l-oħrajn kollha u nibża’ li ser jtellfuna d-delizzju b’kollox. Ma nkunx naf x’naqbad nagħmel bija nnifsi jekk jaqtugħli l-kaċċa. Fil-passa noħrog kuljum. Fil-passa tal-ħarifa li għaddiet tlift tlett ijiem biss minna. Fir-rebbiegħa xorta noħroġ bil-klieb bla senter.
“Niddejjaq ħafna li ġieli jwaqqfuni l-pulizja għax jaħsbu li jkolli s-senter moħbi x’imkien. Naf min ittrattawh ta’ kriminali u daħlu jfittxulu d-dar biex jiċċekkjaw kienx ħeba senter x’imken fil-kampanja.”
Mhux tort ta’ dak il-gustuż li nqabad jaħbi senter is-Salini? X’tistenna mill-Pulizija jekk isiru bużullotti bħal dawn?
“Għandek raġun, iżda minn dawn il-vjolazzjonijiet isiru mal-UE kollha, l-iżjed fil-Greċja, pajjiż Stavros Dimas. Ġieli jgħaddili minn rasi li l-UE tagħfas iżjed fuq Malta għax tittama li tagħti eżempju bina. Bdejt nibża’ li jaqtgħulna l-kaċċa għal kollox jekk igħidu li ma jistgħux jaqtgħu l-abbużi mod ieħor. Biex ikun hawn infurzar iżjed effettiv tkellimna ma’ Joanna Drake, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni f’Malta biex l-UE tipprovdi nies u taħrig apposta iżda s’issa ma sar xejn.
Jaħseb li l-kaċċa għandha futur?
“Mela le. Minn dejjem kienet u jekk kulħadd jirraġuna tista’ tibqa’ titgawda ’l quddiem. Gamiema ddum 10 minuti biex taqsam minn naħa għal oħra ta’ Malta fi triqitha lejn Franza fejn tibqa’ tbejjed minn April sa Settembru. Kemm nistgħu nagħmlu ħsara aħna l-kaċċaturi Maltin? Illum it-theddid għal xi speċi ta’ tajr jitkejjel xjentifikament u jintlaħaq qbil dwaru. Jekk il-gamiem isir mhedded naqbel li jkun protett ukoll iżda l-ebda tajra li titqies li hi kaċċa f’Malta mhi mhedda.”
|
|
Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu
Editorijal


Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|