MediaToday

Editorjal | 11 ta’ Jannar 2008 Nr 115

Proprjetà bir-rimi, prezzijiet m’ogħla s-smewwiet

Ejja ma nersqux lejn il-kobba mħabbla ta’ drittijiet u interessi, inġustizzji u biżgħat li ngħidulha r-riforma tal-Liġi tal-Kera. Ejja nħallu lill-partiti politiċi jfasslu jew jikkritikaw l-proposta ta’ liġi maħsuba biex tirregola r-relazzjonijiet bejn is-sidien u l-inkwilini. Jekk tibda, ma tiqafx tgħid, tant kemm l-affari hi kkumplikata.
Minflok ejja naraw jekk din ir-riforma tajba jew ħażina hix se tirnexxi mingħajr riforma oħra. Il-fatt li l-kirjiet ilhom ikkontrollati għal 60 sena u iżjed ħoloq żbilanċ fl-ekonomija tagħna, il-magna ma taħdimx kif suppost.
Mela sakemm saret ir-riforma tal-1995 li qatgħet linja bejn il-kirjiet l-antiki u dawk li bdew wara dakinhar, ħadd f’sensih ma ried jikri lil għajru Malti. Min tikrilu post kien isir sidu iżjed minnek. Ma toħorġu qatt u l-post fil-fatt jirtuh uliedu u mhux uliedek. Tant kien hekk li l-Gvern sab ruħu jġiegħel lis-sidien jikru l-postijiet kontra r-rieda tagħhom bir-requisitions.
Fl-1948 meta ddaħħlet il-liġi li tikkontrolla l-kirjiet diġà kien tbassar x’kien se jkun ir-riżultat. Herbert Ganado kien kiteb bl-iżjed mod ċar li l-friża fil-kirjiet għal-livell ta’ qabel il-gwerra, minn meta diġà kienu għolew il-prezzijiet kemm tax-xogħol u kemm tal-materjal ta’ manutenzjoni, kien se jwassal biex l-ebda sid ma kien jiflaħ jagħmel it-tiswijiet li jinqalgħu. Agħar minn hekk ħadd ma kien se jibni bħala investiment biex joffri l-postijiet għall-kiri bħalma kien jiġri qabel il-gwerra.
Kull tbassira ta’ Ganado ngħatat raġun mill-istorja. Ħafna nħawi fejn hemm postijiet bil-kirjiet antiki saru qishom slums. Fejn is-sidien kienu mġiegħla jagħmlu tiswijiet b’daqs kemm jiswew għexieren ta’ snin ta’ kera, l-inġustizzja rduppjat. Kien hemm min ġie qiegħed iħallas biex jipprovdi dar lil ħaddieħor bit-telf minflok bi qliegħ.
Meta beda jinħass sew l-effett li ħadd ma kien qiegħed jikri ddaħħlet il-liġi tar-requisition. B’effett minnha ħadd ma bena biex jikri u spiċċa kellu jidħol għal dan ix-xogħol il-Gvern stess, jieħu l-artijiet jibnihom u jqassam id-djar.
Effett mhux mistenni kien li l-prezz tal-proprjetà baqa’ dejjem tiela’ mirfud mill-ħsieb li teżisti skarsezza ta’ postijiet u li f’Malta hawn iżjed nies milli hawn djar għalihom.
L-aspettattiva ta’ prezzijiet dejjem telgħin għal ġenerazzjonijiet sħaħ wasslet għal kultura ta’ spekulazzjoni li biha l-idea ta’ profitt, tfaddil u investiment permezz tal-proprjetà infired tista’ tgħid għal kollox mill-idea li l-proprjetà tinbena biex tintuża. Wasalna fl-istat isteriku li post mibni ġdid jingħad investiment tajjeb, jintuża u ma jintużax, għax jibqa’ jżid fil-valur.
Is-suq ħieles tħalla jaħdem għal għexieren ta’ snin fl-aspett biss ta’ bejgħ ta’ proprjetà mingħajr ħadd ma qies li n-nuqqas ta’ suq ħieles daqsu tal-kirjiet kien qiegħed joħloq sitwazzjoni artifiċjali li ma tħallix lil min ikun qiegħed ifittex dar jagħżel bejn kera u xiri. Kellu jixtri bilfors jew jistenna li jingħata post tal-Gvern.
Billi kien hemm bosta nies li marru tajjeb, saru miljunarji u ddominaw is-soċjetà u l-politika Maltija, ħadd ma kien jaqbillu jsemmi li b’hekk il-biċċa l-kbira tal-familji ġodda kien qegħdin isibu rwieħhom taħt pressjoni ekonomika impossibbli. Biċċa kbira ħafna mid-dħul tagħhom kien jgħib qabel imissuh biex iħallsu d-dar. Il-kotra nsterqet u stagħnew l-uħud.
Il-banek, meta kien se jmajna s-suq u kienu se jfallu, xi kuntratturi klijenti tagħhom ħadu ħsieb itawlu ż-żmien tal-pagamenti fuq dejn biex l-imdejjen mingħalih ikun jista’ jiflaħ għall-prezzijiet esaġerati. Ħalli li issa wasalna għal self għal 40 sena li jintiret mill-ulied minflok il-proprjetà.
Minflok ħadna ħsieb li nżommu l-prezzijiet baxxi biex il-paga titgawda tul il-ħajja ta’ min jaqlagħha, jonfoqha jew ifaddalha, daħħalna ġenerazzjoni wara l-oħra għall-jasar tad-dejn tul ħajjithom. L-ikreh u l-agħar hu li mhemm l-ebda garanzija li din it-tbatija kollha se tiswielhom fi xjuħithom meta jkun sidien ta’ kapital kbir. Hemm riskju kbir li s-suq tal-proprjetà jieħu tisbita qawwija u ma jqumx minnha għal għexieren ta’ snin. Iż-żejjed kollu żejjed u fl-aħħar il-bużżieqa tinfaqa’.
Xogħol il-Gvern imissu jkun li jnaqqas il-piżijiet fuq il-familji, inaqqsilhom l-istress u joffrilhom kwalità tal-ħajja aħjar. Il-bużżieqa bdiet twerżaq xi ftit meta fl-aħħar tal-2007 ippubblikaw ir-riżultat taċ-ċensiment tal-2005 li fih inkixef li kien hawn 50,000 dar vojta. Wisa’ ta’ postijiet daqs kemm jinstabu bejn Pembroke u Ħal Qormi, inklużi l-Ħamrun u Birkirkara.
Ir-riforma ma kellhiex tkun tal-kera biss iżda tas-suq tal-proprjetà kollha kemm hi. Il-Gvern tagħna sab ruħu jiffaċċa kriżi katastrofika potenzjali jekk tinfaqa’ din il-bużżieqa. Xenarju dan tant tal-waħx li l-Gvern beża’ biss isemmiha u lanqas imiss xi ħaġa biex inaqqas ir-riskju li sseħħ. Hu għalhekk li r-riforma tal-Liġi tal-Kera ma tirnexxix. Tħallejna fil-kultura li konna fiha. B’hekk ma jkunx hawn offerta ta’ kirjiet baxxi u l-prezzijiet tal-proprjetà jibqgħu telgħin, forsi iżjed bil-mod minn qabel, sakemm jieqfu telgħin u fl-aħħar jaqbdu n-niżla. Il-Gvern tagħna ma jemminx bl-interventi ekonomiċi. Għadu tat-twemmin ideoloġiku li għeb mill-bqija tad-dinja bil-kriżi finanzjarja ta’ dawn l-aħħar xhur.

Intervista
Il-kaċċaturi li jheddu l-kaċċa u l-insib

Harry Vassallo jintervista lil Mark Mifsud Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda San Ubertu




Emmanuel Micallef
Min se jkun il-President?



Wenzu Mintoff
Lessiku



Carmelo Mifsud Bonnici
Proġetti ta’ paċi



Joe Ellis
Ħruxija sproporzjonata



Toni u Peppi
Il-poteri li jmissu jkollu l-President


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan