Bernard Cauchi u Michael Grech | 04 ta’ Jannar 2008 Nr 114
Riflessjonijiet lil hinn mill-merħla dwar il-programm/spettaklu L-Istrina
Bħal dunjan xott jew pundina maqtugħa, il-programm l-Istrina sar xi ħaġa marbuta mal-Milied li tiffangak u tħallik b’uġigħ ta’ stonku. Bla dubju ta’ xejn hemm numru ta’ nies li jemmnu fil-kawża u li qed jaħdmu għaliha u jistinkaw bl-għajnuna tal-feel good feeling li jiġġeneraw attivitajiet bħal dawn u ż-żminijiet ta’ festi li qegħdin fihom. Madankollu, naħsbu li l-affarijiet negattivi tal-programm jiżbqu u bil-wisq lil dawk tajbin u fejjieda.
Il-programm jibni dan il-feel good feeling b’ħafna stqarrijiet ġeneralizzati u xi ftit ipokriti bħal:
- Il-Maltin poplu ġeneruż (anke jekk ħafna huma razzisti?)
- Fil-Milied ninsew id-differenzi ta’ bejnietna (x’jiġifieri, li minn nhar is-Sibt lil hawn ħadd m’hu ser jibqa’ jgħid li tat-Tarzna bummers? Minn nhar is-Sibt is-Sacred Heart ser tagħmel kwota ta’ intake ta’ 40 fil-mija tal-istudenti tagħha mill-Kottonera, u li fost dawn ser tagħti preferenza lil dawk li l-ġenituri tagħhom jaqilgħu paga minima jew anqas? Li klassijiet soċjali differenti, b’interessi differenti u antagonistiċi għal xulxin spiċċaw?
- Li s-sinjur tant ġeneruż li sellfilhom il-post li minnu ser ittellgħa ċ-ċirklu ħalla, jew ser iħalli, l-klassi tiegħu u sar/jsir parti mill-klassi tal-isfruttati ekonomikament u kulturalment? Anke l-protagonist tal-aktar storja famuża ta’ Dickens, kittieb li żgur ma jistax jiġi meqjus bħala xi komunist jew soċjalist, sar bħal missier għal nies li sa jumejn qabel kien jittratta bħala sempliċi riżorsa biex jagħmel il-flus.
- Jaqaw Big Ċ ukoll se jibda jagħmel hekk? Il-ħaddiema u l-ambjentalisti – li jħarsu l-wirt komuni ta’ kull wieħed minnha u mhux ta’ ftit spekulaturi – mhux ser ikollhom aktar minn min jibżgħu?)
- Fil-Milied naħsbu iżjed fl-oħrajn (anke jekk l-individwaliżmu qed isir dejjem aktar qawwi?)
Dawn l-istqarrijiet ma tantx jidhru li jemmnu fihom l-organizzaturi għax kieku ma kinux isemmu il-miljuni ta’ rigali li jistgħu jintrebħu minn min jagħti donazzjoni.
Min hu ġeneruż għandu bżonn ikun motivat b’rigal? U kulħadd jista’ jaffordja l-flus li jintalbu (għax dan fil-verità hu logħob)? Jista’ jidħollok fellus f’rasek li min beda jċempel beda jċempel biex jirbaħ karozza, djamant u l-bqija. U jekk ma jirbaħx, jerġa’ jipprova u jerġa’ jipprova u jerġa’ jipprova. Dan mhux forma ta’ logħob tal-azzard? U kif xi ħadd mill-preżentaturi qal li kulħadd jirbaħ mal-programm? Għalfejn seħibna Indrì gerger magħna li martu (darbtejn) u l-mara t’ibnu ċemplu, imma ma rebħu xejn? Forsi dan mhux qerq?
Kieku l-programm kellu tassew l-għan li jfarraġ lil min qed ibati, kieku ma kienx ifittex il-karità kif inhi mifhuma b’mod tradizzjonali iżda l-ġustizzja soċjali. Wara kollox, il-biċċa l-kbira tan-nies li qed ibatu mhumiex qed ibatu b’kumbinazzjoni, iżda minħabba inġustizzji ċari.
Anke dawk li qed ibatu għax twieldu b’kundizzjoni jew marda, il-passat jgħallimna li kienet il-ġustizzja soċjali, meta l-gvern dar fuq il-baqar smien u ħadilhom ftit xaħam, li kienet l-aktar effettiva biex għenet lil dawn. Għalhekk, li kieku l-programm verament kellu l-għan li jfarraġ lil min hu batut kien ifittex li primarjament:
- iqajjem kuxjenza fost dawn il-povri dwar x’inhuma d-drittijiet tagħhom u kif għandhom jiġġieldu għal dawn.
- juri min huma dawk li fuqhom l-awtoritajiet għandhom iduru biex, jekk m’hemmx fondi biżżejjed għal servizzi soċjali li jiżguraw għixien deċenti għal kulħadd, dawn il-fondi jinkisbu. F’dan ir-rigward, fil-passat stonat il-preżenza ta’ dawn il-baqar smien li dehru bħala benefatturi minħabba l-għotjiet miż-żejjed tagħhom, u mhux bħala waħda mill-kawżi tal-problema (huma li jerdgħu minn ħafna bżieżel, waqt li ħaddieħor qed imut bil-għatx). Mill-programm dawn il-ħut kbir huma dawk li jibbenefikaw verament – ovvjament mhux b’mod finanzjarju iżda b’mod iżjed sottili – billi jsaħħu l-ideoloġija dominanti li tippermettilhom jaħkmu fuq il-bqija tal-pajjiż. (Ukoll, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħut il-kbir, hu ta’ min jikkundannah il-fatt li l-‘għotja’ ta’ dawn il-benestanti, filwaqt li ta’ dawk li ‘taw’ ftit ewro ġiet magħduda mal-bqija.)
- jeduka l-pubbliku biex isir jaf x’inhuma l-problemi u x’inhuma l-kawżi ta’ dawn; biex, kif għidna aktar ‘il fuq, in-nies jaħsbu u mhux jibku jew jidħqu. Minflok, dawn ikunu misqija clips ta’ u intervisti ma’ nies f’sitwazzjoni batuta, li jintraxxu bħall-bżar matul il-programm kollu. Issa, din li kulħadd jikkapitalizza minn nies jibku, hi ħaġa mill-aktar immorali, l-aktar il-frażi ċelebri: ‘Kif tista’ ma ċċempilx?’ Possibbli li anki t-traġedji tan-nies inqisuhom biss bħala spettaklu ta’ tallaba? U x’jiġri jekk il-programm qed jarawh nies li għaddejjin mill-istess dwejjaq u m’għandhomx min jgħinhom dak il-ħin? L-aqwa imma donnu hu l-fatt li l-benefatturi jħossuhom tajjeb li jroxxu l-10 ewro proverbjali: ħaġa li tippermettilhom isaffu l-kuxjenza.
Jinkwetana meta nħarsu lejn dan kollu s-sehem tal-Partit Laburista, issa li suppost qed ifittex direzzjoni ġdida wara l-aħħar telfa elettorali. Hu permezz ta’ maratoni farseski li l-Partit fi ħsiebu jkun it-tarka tan-nies tax-xogħol? Fl-istorja tiegħu l-Partit kien fehem li n-nies ma taqlagħhomx mill-għawġ li jkunu fih bil-maratoni, imma b’intervent politiku dirett mill-Gvern u l-Istat. Wara kollox, min hu fil-bżonn għandu dritt għal ħajja deċenti u m’għandux jirrikorri għal talb li joħloq dependenza u jneħħi d-dinjità.
Tiskantana wkoll il-preżenza ta’ awtoritajiet ekkleżjastici u religjużi meta wieħed iqis li għan-Nisrani l-karità vera tfisser li wieħed jagħti mingħajr ma jistenna xejn lura. Jista’ dan jingħad għal min iċempel u jaf li għandu ċans tajjeb (u ħafna drabi tama u inċentiv) li jirbaħ premju? Il-Knisja ser tkun leħen kontra l-kurrent, jew ser nibqgħu nidħku u nitgħaxxqu?
Rigward id-daħk, jekk il-passat hu mera tal-futur, il-programm iservi biex jikxef il-bluha ta’ dik is-sezzjoni tal-poplu Malti li tagħmel sigħat titħassar lill-‘personalitajiet’ varji għax “ara x’wasal li jagħmel jaħasra…” u ‘tiggosta’ spettaklu riċiklat, vojt u bla sens tal-‘personalitajiet’ mistiedna. (B’personalità hawnhekk wieħed m’għandux jifhem xi ħadd li ta kontribut siewi għal xi ħaġa, imma kull min jidher fuq it-TV jew jinstema fuq radju lokali; jiġifieri xi ħadd magħruf minn 4 qtates fuq gżira minsija mid-dinja. B’hekk sar għandna personalitajiet daqs kemm għandna pastizzi, li dan l-aħħar kollha qed jingħataw il-Ġieħ ir-Repubblika jew xi ċomba oħra simili).
Nappellaw biex għall-quddiem, qabel ma jdaħħlu idhom fil-but, il-Maltin jaħsbu ftit. Jaħsbu l-ewwel nett dwar x’qed iwassal għal dan l-għelt kollu. Jaħsbu dwar għalfejn hawn dawn l-NGO’s kollha – fenomenu mill-aktar negattiv, mhux għax dawn huma bil-fors ħżiena minnhom infushom (anke jekk jidħlilna xi kultant is-suppost li wħud minnhom qed iservu ta’ niċeċ għal nies b’moħħ żgħir imma b’ego kbir), imma għax il-fatt li qed jinħolqu ħafna minnhom juri li hemm ħafna bżonnijiet.
Jekk il-Maltin iridu jagħmlu tassew karità tagħmel aktar sens li tagħti direttament lil min għandu bżonn. Tkun idea tajba li, f’dawn il-jiem ta’ suppost konverzjoni, dawn l-għotjiet jingħataw lill-persuni li ħafna min-nies għandhom preġudizzji kontrihom, bħall-immigranti, l-ħabsin, id-drogati u oħrajn. Jekk l-għotja tingħata lil ‘tas-soltu’, bħal orfanatrofji, djar tax-xjuħ u oħrajn, dan għandu jsir b’mod li dawn ma jiġux stmati ta’ ‘msieken’.
P.S. Rigward id-dundjani xotti nissuġġerixxu lil min ser isajjar dundjan biex meta jkun fil-forn ixarrbu bil-gravy kull 25 minuta (ċirka), u jgħattih tul it-tisjira kollha barra l-aħħar ftit. B’hekk il-laħam tiegħu jibqa’ dejjem tari, u fl-istess ħin jitjieb il-palat. Għall-pudini maqtugħa, min-naħa l-oħra, m’għandniex soluzzjoni.
|
|
Franica Pulis tintervista lil Sor Christine li tgħix fi klawsura
Editorijal

Il Punt
Victor Galea

Emmanuel Micallef

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Bernard Cauchi u Michael Grech
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|