MediaToday

Intervista | 04 ta’ Jannar 2008 Nr 114

Il-prijorità hi Alla

Franica Pulis tintervista lil Sor Christine li tgħix fi klawsura

Fil-Monasteru ta’ Sant’Ursola tal-Belt, dak li jħares lejn Forti Sant’Anġlu, jgħixu 15-il soru fil-klawsura. Dawn l-aħħar 14-il sena, fost ħafna affarijiet oħrajn, kienu qegħdin jaħdmu fuq presepju magħmul minn materjal riċiklat li bħalissa jinsab għall-wiri fil-Berġa ta’ Kastilja.
Din il-ġimgħa ltqajna ma’ Sor Christine (Maria Vella) fil-Knisja ta’ Sant’Ursula, waħda mill-iżgħar sorijiet li jgħixu fil-Monasteru li jagħmel parti mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann Battista ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta u li twaqqaf 420 sena ilu bil-għan li s-sorijiet jitolbu għall-Ordni ta’ San Ġwann u għal Malta.
Sor Christine se tagħlaq 29 sena fil-ġimgħat li ġejjin u ilha sitt snin li saret soru. Hi tfajla fuq ruħha, il-ħin kollu ttaqtaq u tidħaq u għandha għal qalbha t-teknoloġija tal-informatika. Fil-fatt l-aktar ħaġa li kienet tħobb, u għall-bidu ħasset in-nuqqas tagħha, kienet iċ-chatting fuq l-internet. Issostni li kienet tparla man-nies li kienet taf biss għax l-oħrajn kienu jdejquha bil-mistoqsijiet invadenti u personali.
“Imma mbagħad drajt. Dan sakemm tidra r-rutina. Anki messaġġi bil-mobile, kemm kont nibgħat! Kollox kont nagħmel: insiefer, insuq, eċċ. Il-mobile mill-ewwel ħlist minnu għax jew dieħla għal Alla jew xejn.”
Sor Christine dan l-aħħar irnexxielha ttella’ websajt dwar il-ħajja tagħhom fil-klawsura minkejja li m’għandix aċċess għall-internet. Skont hi bilfors li kien hemm bżonn li jaġġornaw maż-żmien biex jiġbdu aktar tfajliet lejn it-tip ta’ ħajja li jgħixu huma minbarra li jneħħu ċerti perċezzjonijiet ħżiena li jeżistu dwar il-klawsura.
Hi nnifisha kellha ideat żbaljati u neħħiethom wara li daqet il-ħajja tal-Monasteru. Tirrakkonta l-vokazzjoni tagħha, storja li ilha għaddejja 12-il sena.
“Bdejt naħsibha fl-1996, 1998. Kont fil-bidu tal-Junior College. Iżda kont inħossni differenti mindu kont il-Primarja. Niftakarni nimxi fil-kurituri tal-iskola u nħossni differenti. Ta’ tifla li kont, ma kontx nifhem x’inhu jiġri.”
Issemmi ħolma li kellha fin-novizzjat li kompliet tikkonfermalha ’l fejn sejra ħajjitha.
“Ħlomt li jien u sħabi tal-iskola konna qegħdin f’waħda mis-swali tal-iskola. Kont tifla liebsa kif jien. Ħin minnhom ġrejna biex immorru bilqiegħda u kif mort biex insib posti magħhom spiċċajt waħdi.”
Iżżid tgħid li meta kellha bejn 13-il sena u 15, f’Jum il-Vokazzjonijiet kienet tħoss li t-talba li kienet tinqara kienu qegħdin jgħiduha għaliha.
“Anki l-istejjer tal-Bibbja kont inħobbhom ħafna. Kelli ġibda speċjali għall-istorja ta’ Abram. Hu kien jemmen f’allat pagani iżda ddeċieda jħalli kollox warajh u jimxi wara Alla bla ma jaf fejn se jasal u kif se jagħmel. Kont inħossha ħafna dik li Alla jgħidlek biex titlaq bla ma taf fejn se tmur u ma’ min se tiltaqa’ u tibda l-mixja spiritwali tiegħek.”
Tkompli titkellem dwar kif Alla juża mezzi differenti biex jikkomunika ma’ dak li jkun. “Il-vokazzjoni hi mixja li fiha se tipprova tara Alla xi jrid minnek. Miegħek se jikkomunika mod, miegħi mod ieħor. Għalhekk id-dixxerniment biex tara Alla xi jrid minnek. Din tgħodd anki għall-istat ta’ żwieġ, mhux il-ħajja reliġjuża biss.”
Id-deċiżjoni li tidħol klawsura ttieħdet mil-lejl għan-nhar. Dak iż-żmien kienet qiegħda fit-tielet sena fl-Università tagħmel il-kors biex issir għalliema tal-Primarja.
“Sal-2001 kont inħares lejn ħajja aktar attiva. Il-klawsura ma kontx nagħti kasha. Dik il-ħaġa li dejjem ġewwa kienet tirritani. Kont ngħid: ‘Dawk x’joqogħdu jagħmlu hemm ġew?’ In-nies mhux hekk jgħidu? Mur għidilhom x’noqogħdu nagħmlu!” tgħid b’daħqa kbira fuq wiċċha.
Kompliet tirrakkonta li mbagħad rat intervista fuq gazzetta ma’ żewġ sorijiet li joqogħdu hemmhekk u laqatha l-artiklu. Tgħid ukoll x’għoġobha mill-ħajja tal-klawsura: “Il-ħajja kontemplattiva, prinċipalment li niffukaw fuq Alla. Għalhekk il-ħruġ ikun ta’ distrazzjoni għalina għas-sempliċi raġuni li l-klawsura tiggarantilek mod ta’ kif tgħix li għandek ħin għal kollox għax il-ġurnata tagħna tkun imqassma.”
Issemmi kif jitqassam il-ħin fil-Monasteru. Il-talb komunitarju jibda mill-5.30am u jibqa’ għaddej sat-8.30pm. Matulu hemm il-ħin allokat għax-xogħlijiet li jridu jsiru bħat-tisjir u tindif.
“Darba kull tliet xhur inbiddlu x-xogħol. Allura kulħadd ikun jaf jagħmel kollox. Bħalissa kwieti wara nofsinhar mhux bħal filgħodu. Filgħodu jkun hemm ħafna storbju għaddej għax inkunu rridu niddeċiedu x’se nsajru, eċċ. Wara nofsinhar inkunu aktar kwieti u kull soru jkollha ċ-ċans titlob għal rasha.”
Imma t-talb jagħmel daqshekk effett?
“Għidli! Kieku taf kemm iċemplu nies bla ma jieqfu! Ġieli jibdew mis-7am. Meta tkun mietet persuna matul il-lejl iċemplu kmieni biex aħna nilħqu noffru dak il-jum għal dik ir-ruħ li tkun ħallietna.”
Iżżid tgħid li huma ma jmorrux funerali għax xogħolhom hu li jitolbu. Jippreferu jitolbu għal dak li jkun biex ma jkunx hemm distrazzjonijiet.
Terġa’ titkellem dwar il-vokazzjoni tagħha.
“Il-klawsura laqtitni b’ċertu mod li għidt: ‘Dawn ta’ min jarahom’. Ġejt nagħmel tmiem il-ġimgħa hawn biex nieħu brejk mill-istudju. Kont fit-tielet sena l-Università dik il-ħabta. Kont għaddejja bit-teaching practice u kien baqagħli l-aħħar ħmistax. Kont naf li waqajt minnu. Kont mort ħażin ħafna. Is-sena ta’ qabel kont diġà m’għaddejtx.
“Kien għad baqagħli l-aħħar ġimgħa imma iktar kont moħħni hawn milli hemm. Lestejt it-teaching practice minħabba t-tfal.”
Dak it-tmiem il-ġimgħa kien biddlilha l-perspettiva tagħha dwar il-klawsura. Warajh qattgħet 15-il jum ieħor għall-ħabta tal-Għid li fih sabet ċertu serħan.
“F’dawk il-ħmistax ta’ klawsura ħassejt li posti kien hawn għax dik is-sensazzjoni li ma nafx posti fejn hu fl-aħħar waqfet.”
Tispjega kif taħdem is-sistema meta tfajla tiddeċiedi li trid tipprova l-ħajja fil-Monasteru bis-serjetà. L-ewwel tinġabar il-komunità u tagħmel kapitlu. Fih is-sorijiet jivvutaw bejniethom jekk it-tfajla tidħolx jew le.
Din issir tliet darbiet oħra: qabel il-vestizzjoni tat-tfajla, qabel il-professjoni temporanja u qabel il-professjoni solenni. Dawn kollha jagħmlu parti mill-proċess ta’ formazzjoni biex issir soru u jieħu sitt snin. Hu proċess twil biex it-tfajla tilħaq tidra l-ħajja li jkollha tgħix ladarba ssir soru tal-klawsura u matulu tara jekk jogħġobhiex, biex jekk le, tkun tista’ titlaq.
Qabel Sor Christine fil-Monasteru kien ilu ma jidħol xi ħadd għal 12-il sena. Warajha daħlu tnejn oħra. Waħda ta’ 30 sena li għadha kif ħadet il-professjoni solenni u hi tamparha u l-oħra għadha novizza u għandha 18-il sena. Nistaqsiha ħassitx differenza bejnha u bejn dawk li daħlu warajha u kif ħassewhom is-sorijiet sħabha meta daħlet hi.
“Biss biss jifhmu iżjed minni fit-teknoloġija tal-kompjuters. Dik li għandha 30 sena taf ħafna affarijiet li naf jien bħal sensiliet fuq it-televixin li konna naraw u diski popolari tas-snin 90 li bqajna niftakruhom. Tgħidx kemm nidħqu bejnietna meta niftakru dwar l-atturi ta’ dak iż-żmien.
“Ta’ 18 hemm ċerti affarijiet ta’ kulturi li huma differenti, għax hi iżgħar. Ħassejtni differenti meta dħalt jien, aħseb u ara din li daħlet ħames snin warajja. Imma tant nidraw lil xulxin li qisek ma tibqax tagħti kashom.”
Kemm hi diffiċli li tħalli lil familtek warajk? Tħossuh in-nuqqas li trabbu t-tfal?
“Skont kemm int dipendenti,” wieġbet pront pront. “Tħobbhom dejjem imma jiddependi mill-prijoritajiet li jkollok fil-ħajja. Trid tagħmel għażla: jew ħajja jew oħra. Ġieli kien hemm min ħarab mid-dar biex jidħol soru, anki llum il-ġurnata.
“L-istess għat-tfal – għandek għażla – jew se tiżżewweġ u jkollok it-tfal jew le. Meta narawhom xorta niggustawhom għax tgħidx kemm inħobbuhom. La tkun fik tibqa’ tħobbhom.”
Tispjega li l-professjoni hi bbażata fuq tliet wegħdiet li jagħmel kull reliġjuż: faqar, kastità u ubbidjenza.
“Il-kastità tiffoka fuq il-fatt li niċċaħħdu miż-żwieġ. Jew se tagħmel għażla jew se tagħmel oħra. La dħalt għal din il-ħajja taf għal xiex dħalt. Il-prijorità hi Alla.”
X’tagħmlu biex tmantnu lilkom infuskom?
“Xi ħaġa nagħmlu imma niddependu l-aktar mill-provvidenza. Qabel is-sorijiet kienu jinqasmu bejn il-faċendi u r-rakkmu. Imma llum m’għandhomx. Kulħadd l-istess. Kull meta kellna bżonn l-ikel il-provvidenza dejjem tatna. Mhux l-ewwel darba li jċempel xi ħadd bil-lejl u nsibu xi ikel wara l-bieb. Ċerti nies ma jkunux iridu juru min huma.”
Qabel nitlaq Sor Christine tgħidli min jista’ jidħol fil-Monasteru. Permess speċjali jingħata lil tfajliet li jixtiequ jaraw il-ħajja kif inhi hemm ġew kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex ikunu jafu kif inhu l-post.

Intervista
Il-prijorità hi Alla

Franica Pulis tintervista lil Sor Christine li tgħix fi klawsura


Editorijal
Mill-ġdid ħamalli


Il Punt
Naħseb li se tkun sena interessanti
Victor Galea



Emmanuel Micallef
Sena ta’ kriżi?!



Wenzu Mintoff
ABCD ...



Toni u Peppi
L-2009: dak li qed nistenna


Wara ċ-ċirklu.
Bernard Cauchi u Michael Grech


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan