Intervista | 28 ta’ Diċembru 2008 Nr 113
Julia Farrugia tintervista lill Freddie Micallef
Freddie Micallef tistħajlu dak il-ġgant ġentili. Mibni f’saffejn trid tgħolli ħarstek ’il fuq biex titkellem miegħu. Wara dik il-binja hemm l-emozzjonijiet ta’ bniedem li għadu kemm għadda minn burraxka iżda minkejja dan l-episodju hemm saffi li jbigħu l-kuraġġ, l-irġulija u l-prinċipji.
Fid-dar tiegħu l-Mosta jdawwarni f’kamra li fiha hemm rieqed f’nagħsa ħelwa l-iżgħar neputi, Andrè, li għandu biss tliet xhur.
Freddie, li f’Marzu jagħlaq 70 sena, jieqaf jiċċassa lejn it-tarbija u għajnejh jixhdu kuntentizza li forsi l-ebda kliem ma kapaċi jfisser. Tiġri ma’ djulu n-neputija bjondija ta’ tliet snin Valentina li tirraġuna miegħu li wasal ħin il-ħalib.
U forsi għax ir-raġel għadda minn xiex għadda jista’ japprezza aħjar dawn il-mumenti mal-eqreb nies f’ħajtu.
“Ħa nqerr miegħek. Il-verità hi li jien meta twieled it-tifel il-kbir fl-1971, meta rbaħna l-elezzjoni, kont fl-eqqel tal-karriera politika tiegħi. It-tieni tifel twieled fl-1974 u t-tifla fl-1978.
“Fl-eqqel tal-kampanja elettorali meta konna nagħmlu mas-sitt corner meetings kuljum ġew qaluli li se jitwieled l-ewwel tifel…prematur. Qaluli ngħammduh mill-ewwel għax beżgħu li ma jsalvax. Ħareġ mill-inkubatur fil-15 ta’ Ġunju meta morna biex nivvutaw. Tista’ timmaġina x-xogħol li kellna. Il-ġurnata politika kienet tibda kmieni filgħodu u sas-1am konna nkunu għadna Kastilja. Il-mara tiegħi kburi ta’ veru biha. Kburi għax rabbiet lit-tfal tajjeb. Ftit gawdejthom lil uliedi. Illum man-neputijiet qed nagħmel tajjeb għal dak li ma kontx nagħmel ma’ uliedi,” jistqarr Freddie Micallef.
“Qed inħoss ferħ kbir li Valentina ta’ tliet snin u Andrè imdendlin miegħi l-ħin kollu. Illum huma saru ħajjitna. Jien nitlob ħafna. Nirringrazzja lil Alla li sellifni dawn is-snin, li sellifli l-għomor. Dan l-isbaħ żmien ta’ ħajti għax qed jagħtini ċans li napprezza s-sinċerità tat-tfal.”
Freddie Micallef jitkellem għall-ewwel darba dwar dak li għaddu minnu bħal dan iż-żmien sena meta skopra li għandu kanċer tas-sider.
“Kien is-17 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet. Jien grat ħafna lejn il-Professur Anġlu Psaila u nixtieqlu ħafna saħħa. Kien qed jinvistani għal xi ħaġa oħra u bagħatni niġri għal aktar testijiet. Kelli kanċer tas-sider. Oħti kienet mietet ta’ 43 bl-istess tip ta’ kanċer.”
Ir-raġel juri ċerta qlubija kif jitkellem. U l-mod kif iġġieled il-kanċer kienet impressjonanti.
“Trid ngħidlek kif ħadtha din l-aħbar? Missieri miet ta’ 58 sena u nofs. Bata ħafna u ma gawda xejn. Irraġunajt li jien diġà gawdejt 10 snin aktar minnu u allura ma kellix għala ngerger. Dak il-ħin x’ħin tawni l-aħbar kelli wieħed mit-tfal jistennieni. X’ħin ħriġt ċempilt lit-tfal u laqqajthom kollha madwar mejda,” iwieġeb Freddie.
“Ma ddemoralizzajtx ruħi għax kollu santu ċajt, la jkollok l-età tistenna xi ħaġa. Qabel kont smajt diskorsi fuq il-kanċer. It-tabib Frank Portelli xi xhur qabel kont smajtu jgħid li meta tkun pożittiv u meta tkun taf li għandek raġunijiet validi għalxiex tgħix, dak diġà nofs il-fejqan u tgħinek ħafna.”
Ir-raġel jispjega kif b’kollox f’din l-aħħar sena għadda minn ħames operazzjonijiet. U kellu wkoll jieħu l-kimoterapija.
“Kuljum preċett mit-Tnejn sal-Ġimgħa kont immur l-Isptar Boffa biex nieħu r-raġġi. Kont immur fil-5.30am u kont insuq jien, kemm ’l hemm kif ukoll lura lejn id-dar. Ridt li ħajti tibqa’ għaddeja kemm jista’ jkun normali,” jissokta Freddie bejn pawsa ċkejkna u oħra.
Freddie Micallef kien qed jaffronta l-marda tal-kanċer tas-sider fl-istess żmien li Alfred Sant, dak iż-żmien mexxej Laburista, kien qed jissielet ukoll kontra l-kankru.
“Jien u Alfred imradna fl-istess ħin. Konna nċemplu lil xulxin. U hu kien jiċċekkja jekk hux qed nieħu l-mediċina u l-kura li kelli bżonn. U jien l-istess. Konna t-tnejn nikkunslaw u nqawwu qalb xulxin. Alfred bniedem ġenwin.”
Freddie Micallef jistqarr li meta skopra li kien marid bil-kanċer xtaq iżomm lura milli jagħti l-aħbar lill-pubbliku.
“Niftakar l-eks Deputat Mexxej Laburista Michael Falzon kien xtaq li jsemmini f’waħda mill-konferenzi u jien tlabtu ma jgħid xejn. Imma llum, li għaddiet din il-burraxka, għandi appell għall-rġiel kollha Maltin u Għawdxin.
“Dawk li fil-familja kellhom storja ta’ xi ħadd li miet jew li ħariġlu l-kanċer tas-sider għandu jmur jagħmel vista kif suppost. Il-parir li taw lili qed ngħaddih lil ħaddieħor,” ikompli Freddie.
L-intervista ddur fuq il-Partit Laburista.
Freddie Micallef ħadem ma’ Duminku Mintoff, ma’ Karmenu Mifsud Bonnici u ma’ Alfred Sant. Kif iħares lejn il-PL ta’ Joseph Muscat?
“Sinċerament qed nerġa’ nara l-partit li rajt fil-bidu … l-istess partit li kien ġibidni lejh. Kien laqatni diskors ta’ Mintoff dwar it-tolleranza li kienet nieqsa, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. Fis-Sebgħinijiet meta rbaħna l-Gvern dawn ġew attwati: l-ugwaljanza li kulħadd jitwieled xorta, saħħa u edukazzjoni b’xejn, welfare state …
“Illum qed nara partit bl-istess saħħa. Lil Joseph Muscat kont ipproponejtu għal Membru Parlamentari Ewropew. Kont ili ma nsiefer. Xi sentejn u nofs ilu kont il-Belġju ma’ Vincent Moran u dakinhar lil Joseph Muscat għidlu ‘int għandek potenzjal ta’ mexxej.’
Freddie Micallef jerġa’ lura għall-mistoqsija li poġġejtlu.
“Qed nara futur kbir għall-Partit Laburista. Dieħla ħafna fiduċja min-nies. Ir-raġel kapaċi u diġà wera din il-kapaċità. Erġajt qed nara l-partit li twelidt ġo fih. Hu dak il-partit li jersaq lejn kulħadd u li lest li jgħin lil kulħadd.”
L-eks Ministru Laburista jitkellem b’ċerta konvinzjoni: “Joseph Muscat għad irid jagħmel l-aktar rebħa li qatt għamel il-Partit Laburista. Il-mod kif qed jimxi Joseph Muscat hu tant fabbli li n-nies qed temmen il-ġenwinità tiegħu. Apparti minn dan bil-ħela kollha li qed jimxi biha l-Gvern il-ħaddiem tant se jiġi fuq għarkubbtejh li erġajna se niġu għal qabel l-1971.”
Jidentifika frażi partikolari bħala ż-żerriegħa ta’ din il-problema.
“L-għajta ta’ Eddie Fenech Adami ta’ ‘money no problem’ għamlitilna ħsara kbira bħala nazzjon. F’pajjiz fejn l-unika riżorsa hi x-xogħol tan-nies, ma tista’ qatt tgħid li l-flus mhux problema.
“U possibbli li f’dan il-pajjiż ma jistax ikollna l-mentalità ta’ accountability u trasparenza? Naf persuni li siefru 20 darba f’sena u nofs u mank ma jiktbu rapport wieħed lil Mimcol. Titwaħħax,” ikompli Micallef.
Ir-raġel għadda u għex minn żminijiet diffiċli politiċi.
“L-ewwel darba li ħriġt għall-politika kien fl-1962 fl-agħar żmien. Id-daqq tal-qniepen għadu jaffettwani ħażin sal-lum. Dawk in-noti qawwija jibqgħu ġo widnejk. Kienu jdoqqu l-qniepen tal-knejjes biex iħarbtulna l-meetings. Konna nkunu jien u Pawlu Xuereb. Kien żmien diffiċli għax in-naħa tagħna l-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta u San Pawl in-nies ma kinitx bħal tal-Kottonera. Hawn in-nies kienet tibża’ ħafna mill-Knisja,” jirrakkonta.
Għal Freddie Micallef jibqa’ ttimbrat fl-istorja ż-żmien tal-Labour li ġab miegħu pagi aħjar għall-ħaddiem, benefiċċji soċjali, edukazzjoni u saħħa b’xejn għal kulħadd.
“Bejn l-1971 u l-1976 kienu l-aqwa ħames snin li matulhom għamilna l-pedamenti għall-familji Maltin. Bejn l-1971 u l-1983 ġibna lejn pajjiżna Lm1136 miljun. Morna minn pajjiż għal ieħor: mill-Istati Uniti saċ-Ċina. Sa l-Iraq! Illum donnu xejn mhu xejn u din tbeżżagħni. M’hemmx accountability u jekk mhu se jsir xejn se negħrqu għax ilna wisq sejrin biha.”
Jistqarr li l-aktar li ħadem komdu kien ma’ Karmenu Mifud Bonnici imma mhux l-istess jista’ jingħad għal Mintoff.
“L-aktar li ħdimt komdu kien ma’ KMB. Tista’ titkellem miegħu eċċ. Imma l-aktar persuna esiġenti kienet Mintoff. Il-verità hi li ma kontx komdu miegħu għax lanqas kont norqod. Eks Ministri Nazzjonalisti kienu jgħiduli li fi żmien Fenech Adami laqgħat kbar kienu jsiru xi darbtejn fis-sena. Aħna kull filgħaxija konna nkunu mgħajta Kastilja. Kemm dam imexxi Mintoff sas-1am Kastilja dejjem mixgħula. L-akbar riżultati tal-pajjiż ħarġu taħt Mintoff.
“Għalkemm Mintoff kien goff kien jagħtik linja politika biex tasal. U naħseb Joseph Muscat milli qed nara hu l-istess tip.”
Freddie Micallef lil Alfred Sant jiddeskrivieh bħala “ġenwin u onest imma li kellu wisq tfixkil.” Jistqarr li sal-lum għadu f’kuntatt regolari miegħu.
Imma r-raġel jitkellem b’ċerti weġgħat għal mod kif internament il-Partit Laburista ta’ żmien Alfred Sant kien ħareġ bl-għajta ta’ ‘New Labour’ u spiċċa twarrab fil-ġenb.
“Hemm xi ħadd li jagħmel żabra ġdida u jaqtgħalha l-għeruq?” jistaqsi l-eks Ministru tal-Biedja u Sajd.
Mill-bqija dwar l-imgħoddi fil-politika jitkellem b’ċerta serenità.
“Jien ġej minn familja fejn missieri kien kuntrattur. Dak iż-żmien kien ħa x-xogħol tal-bini taċ-ċentru ċiviku tal-Mosta. Kienu għaddewh minn passjoni kbira peress li jien ħriġt għall-politika. Għaddew 50 sena u dan il-bini għadu hemm.
“Jien ngħidlek il-verità ġej minn familja reliġjuża u li għadna s’issa ngħidu r-rużarju. Ħfirt lil kulħadd u meta sirt Ministru ma kont pattejtha lil ħadd. U din jien kburi biha. Ħadmu miegħi nies li dak iż-żmien kienu fil-Kunsill tal-PN, fdajthom u ħdimt tajjeb magħhom. Nemmen li l-aktar elementi importanti huma r-rispett u l-ġenwinità tal-individwu u mhux il-kulur politiku tiegħu u din naraha f’Joseph Muscat,” jistqarr Freddie Micallef.
Ħamsin sena wara li beda l-mixja politika tiegħu n-nies għadha tibagħtli l-kartolini d-dar u jsostni li jgħaddi kemm jgħaddi żmien ċerti nies jibqgħu jirrispettawk.
“L-akbar xewqa tiegħi? Li l-Bambin isellifni aktar għomor ħa nara lin-neputijiet ikomplu jikbru u li nerġa’ nara lill-Partit Laburista fil-Gvern.” |
|
Julia Farrugia tintervista lill Freddie Micallef
Editorijal

Il Punt
Joe Farrugia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Toni Abela
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|