MediaToday

Emmanuel Micallef | 28 ta’ Diċembru 2008 Nr 113

Riżoluzzjonijiet u proponimenti

Jekk iż-żmien tal-aħħar tas-sena suppost li jservi ta’ żmien ta’ riflessjoni u proponimenti allura verament għal ħafna minna jgħodd l-għidut ta’ “mill-Milied sa San Stiefnu”. Anqas għaddew 24 siegħa minn meta l-abbati fil-priedka ta’ nofs il-lejl lissen il-kelmiet “Glorja fis-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” li ma bdewx ħergin l-aħbarijiet ta’ kemm aħna nsara Maltin.
Sparatura fuq il-każin tal-PN fl-Imqabba. Għal xi żmien konna nsejna l-konfrontazzjoni vjolenti li għaddejna minnha f’mumenti fejn minħabba l-politika partiġġjana konna naħsbu li nistgħu nwettqu l-missjoni tal-cowboys tal-Westerns. Reġgħet feġġet din l-aggressività politika bla sens. Meta suppost il-klima politika hija waħda stabbli għall-aħħar tant li l-mexxejja tal-partiti politiċi saru jidħlu fil-każini tal-avversarji.
Sa ftit taż-żmien ilu ħadd ma kien joħlom li jiġri dan. Iżda għaliex hawn min jaħseb li fi żminijiet tal-lum jista’ jieħu l-Ligi b’idejh u jiġi jaqa’ u jqum li jħalli vittmi, uħud minnhom innoċenti, minxurin fid-dmija fl-art? Mhux jekk min spara kellux sentimenti Laburisti jew Nazzjonalisti li jinteressana! U jigri dan kollu wara li konna xxukkjati bi sparaturi oħra li wasslu għal delitti f’uffiċċju ta’ kumpanija u fuq bejt ta’ residenza privata.
Mhux biżżejjed li lill-ħajjin ma nħalluhomx kwieti. Issa qed induru għall-mejtin ukoll. Is-Satanisti allegatament ippjanaw biex jiċċelebraw bi kbir billi jassaltaw l-oqbra fiċ-ċimiterji ta’ Ħal Kirkop u Ħal Safi u jibagħtu messaġġ ċar lil kull min jemmen li x-xitan m’għandux ħalib! Ikkundannajna dan l-att barbaru għax offenda s-sentimenti religjużi tal-poplu u wegga’ lil kull min għandu xi ħadd minn qrabatu midfun f’dawn l-oqbra li servew bħala altari tar-ritwali Sataniċi.
Iżda ftit irriflettejna għaliex għandna numru ta’ żgħażagħ li qed jagħmlu lil Satana l-idolu tagħhom u fih jaraw l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom. Anke jekk għalina dawn huma maħkumin mix-xitan jew morda b’moħħhom jinħtieg li nfittxu l-kura li għandna bżonn nagħtuhom u mhux nieqfu mal-kundanna. Xejn ma jsir għal xejn!
Tfajla ta’ sbatax-il sena allegatament tkun stuprata minn żewg immigranti Somali. Imnalla kienu l-forzi tal-Ordni li laħqu kienu fil-post biex skansawha minn trawma ferm iktar profonda minn dik li għaddiet minnha.
X’inhu l-valur ta’ din l-aħbar? Li għandna immigranti frustrati u li jidhrilhom li jistgħu jattakkaw lit-tfajliet Maltin biex jiżvugaw id-disprament li għandhom jekk mhux il-frustrazzjoni sesswali? Jew li għandna tfajliet taħt l-età li jitħallew jitħalltu f’postijiet pubbliċi bir-riskju li jistgħu jipprovokaw atti kundannabli?
M’għandix dubju li dan huwa każ minn ħafna li ma jixxandrux. Imsieken il-vittmi li jibqgħu jbatu fis-silenzju għal għomorhom. Speċjalment dawk li l-aggressur tagħhom huwa xi ħadd minn qrabathom u mhux xi klandestin.
Ix-xandara qalulna wkoll li l-Pulizija irrejdjaw postijiet tad-divertiment u arrestaw numru ta’żgħażagħ li l-età tagħhom hija bejn il-15 u l-25 sena. Qabduhom fil-pussess tad-droga waqt li suppost kienu qed jiddevertu u jiċċelebraw il-Milied imqaddes.
Imsieken dawn iż-żgħażagħ imma msieken iktar aħna li qed inħallu dawn l-aħbarijiet jixxandru ripetutament bla ma nagħmlu xejn. Mhix xi skoperta straordinarja li waqt party max-xorb esaġerat tittieħed sustanża projbita. Il-misteru jibqa’ kif ġo din il-gżira ċkejkna, fejn jekk tittewweb tisimgħek il-gara, ma nistgħux naqbdu lill-ħuta l-kbira li ggib il-provvista tad-droga minn barra, li torganizza biex tqassamha u li tara li tieħu flusha minn fuq demm min hu dgħajjef u debboli. Maż-żmien tgħallimna nagħlqu għajn waħda biex nevitaw l-inkwiet bla bżonn iżda sfortunatament illum drajna nagħlqu għajnejna t-tnejn biex nassiguraw li qisu mhu qed jigri xejn.
Dan l-aħħar ukoll fuq il-gazzetti qed naraw wisq ritratti ta’ persuni neqsin. Nies ordinarji li ġeneralment ma jagħmlux l-ahbarijiet iżda li qed tinkixfilhom l-identità tagħhom meta jgħibu u jisparixxu minn dawk ta’ madwarhom. Għaliex qed jiġri dan f’pajjiż fejn kulħadd jaf lil kulħadd?
Ma rridx nidher li jien negattiv. Iżda lanqas irrid nidher li jien illużjonarju. Dawn il-każi jixhdu parti mill-ħajja li qed ngħixu llum.
Huma fatti li ġraw u li jistgħu jibqgħu jigru. Jagħtu indikazzjoni tax-xejra li għaddejja minnha bħalissa s-soċjetà tagħna. Jekk irridu sena ġdida tajba fuq dan għandna nirriflettu. Il-proponiment li nagħmlu għandu jkun wieħed: x’se nagħmel jien biex inbiddel lis-soċjetà għall-aħjar. Biex dawn l-aħbarijiet jixxandru mill-inqas.
Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes joħolqu l-klima ta’ serenità u paċi. L-istrina hija vetrina tal-generożità finanzjarja tal-poplu. Id-diskorsi tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet kollha jfakkruna fis-solidarjetà. Iżda s-sena t-tajba ma tinkisibx b’dan kollu. Tkun sena tajba meta nitgħallmu ngħixu fil-paċi magħna nfusna u mal-oħrajn. Bil-fatti.

Sinċerament inwassal dan l-awgurju lill-Editur,
il-ħaddiema u l-qarrejja kollha ta’ Illum.

 

Intervista
Ħajti u l-politika

Julia Farrugia tintervista lill Freddie Micallef


Editorijal
L-akbar kapriċċ


Il Punt
Cheers
Joe Farrugia



Emmanuel Micallef
Riżoluzzjonijiet u proponimenti


Carmelo Mifsud Bonnici

Artiklu wara ieħor



Wenzu Mintoff
Twist politiku


L-awguri tiegħi jmorru għal- ...
Toni Abela


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan