MediaToday

Editorjal | 28 ta’ Diċembru 2008 Nr 113

L-akbar kapriċċ

Minn Jannar sal-bidu ta’ Marzu tal-2008 konna fid-dagħdigħa tal-kampanja elettorali. Minn l-elezzjoni sa l-aħħar ta’ Gunju bqajna bħal storduti nixtarru l-effetti u nistennew it-tibdil fit-tmexxija tal-PL. Imbagħad, bħal dejjem, ħakimna s-sajf u stennejna sal-aħħar ta’ Settembru biex bdew ħerġin mill-kxaxen is-sorpriżi koroh bħall-għoli fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma.
Din il-kriżi pinġitilna l-qagħda tagħna, urietna min aħna, f’liema qagħda qegħdin u li fil-fatt ma nbidel xejn. Fil-baħħ politiku, f’April, il-Gvern qabbad lid-ditta KPMG biex tfassal riforma fil-ħlasijiet tal-kontijiet. U ma qal lil ħadd. Allajbierek il-Gvern talab il-pariri ta’ l-imsieħba soċjali biex jitlesta l-baġit u baqa’ ma semmiex x’kellu f’moħħu dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Meta, fl-aħħar ta’ Settembru, kollox ħareġ fil-beraħ, ir-reazzjoni kienet storika billi l-imsieħba soċjali kollha tkellmu b’leħen wieħed ta’ kundanna. Nistgħu ngħidulu l-miraklu li wettaq il-Ministru Gatt.
Fl-2008, sena ta’ taħwid u riformi skomdi, il-vara l-kbira nżammet ’il bogħod mill-irvell u l-istorbju biex meta toħroġ għall-elezzjoni fl-2013 l-indurar u l-porporina jkunu għadhom ileqqu għal min irid jitgħammex. Il-Prim Ministru li silef ismu lill-GonziPN ħalla lil ħaddieħor jilqa’ l-eqqel mewġ.
Madankollu kien hu li mexxa jew approva konġura governattiva biex jitqarrqu l-imsieħba soċjali u biex jiġi mpost fuq il-Maltin kollha u bla differenza bejniethom proġett moħmi u magħġun ’il bogħod minn kull konsultazzjoni. Dan kien t-timbru tal-2008. Il-proċess ta’ konsultazzjoni miet u ndifen.
Min ser ikun irid jiċċapas f’xi konsultazzjoni ma’ dan il-Gvern? Min, jekk mhux fidil u għama, irid li ħaddieħor jgħoddu bħala pupu f’dan it-teatrin? L-2008 tefgħetna lura ħafna u ħafna snin fl-iżvilupp tal-ħajja demokratika tagħna jew kixfet li minkejja l-ħafna sistemi ta’ konsultazzjoni ma kien sar l-ebda progress veru jew dejjiemi.
Fatt li bilkemm issemma tul l-2008 hu r-riżultat tal-elezzjoni. Ovvja li reġa’ tela’ Gvern Nazzjonalista u għall-biċċa l-kbira minna, dak kollox, iżda jinħass sew l-effett fuq Gvern li jiggverna mingħajr maġġoranza. Dan hu l-ewwel Gvern mill-1981 li sab ruħu bir-riedni f’idejh u jaf li l-biċċa l-kbira tal-Maltin ivvutat lil ħaddieħor. Sa dakinhar, fid-diskors politiku tal-Maltin, min ma jiksibx il-50 fil-mija tal-vot kien jingħad tellief.
Dan hu Gvern li tilef l-elezzjoni u sab ruħu reġa’ fil-Gvern għax l-Oppożizzjoni tilfet ukoll iżda b’ħarira iżjed minnu. Minn hemm tibda tifhem għaliex dan il-Gvern daqqa ħasi u daqqa serduk - saħħu biss fid-dgħufija tal-Oppożizzjoni. Dgħufitu mfissra fil-kilba li għandu li jsir partit ekoloġista billi jidher li qed iwettaq kollu kemm hu l-programm tal-Alternattiva Demokratika bl-għeruq u x-xniexel mhux biss il-ħarsien tan-natura u l-użu għaqli tar-risorsi iżda wkoll ir-riforma tal-liġi tal-kera, tat-trasport u d-divorzju. Id-dgħufija tal-Oppożizzjoni titħabbar mill-fatt li tiġri wara l-Gvern tipprova tlaħħaq miegħu.
Allajbierek minn Marzu ’l hawn, jekk tgħodd id-diskors, Malta mogħnija bi tliet partiti ekologisti. Wara snin ta’ kampanji, pressjoni politika u reżistenza qawwija mill-Gvern, saret nofs kedda r-riforma tal-Liġi tal-kera. L-Oppożizzjoni, li kienet il-babaw fis-snin ta’ qabel u sservi ta’ skuża biex il-Gvern ma jiċċaqlaqx, m’għamlet l-ebda oppożizzjoni.
Meta l-Prim Minsitru, biex ilaħħaq mal-Ministru Dalli, lissen kelma dwar id-divorzju, l-Oppożizzjoni kienet pronta tmur lil hemm mill-Gvern. Il-Gvern ħalla kollox imut fuq ommu u l-Oppożizzjoni mill-ġdid saret fatat.

Fl-2008 bqajna fejn konna: il-Gvern moħħu biss biex jerġa’ jkun il-Gvern, l-Oppożizzjoni moħħha biss biex teħodlu postu u l-popolazzjoni mehdija bil-mutetti tagħhom. L-2009 ser tkun sena li ġġigħilna nwarrbu l-kapriċċ. Dan l-akbar kapriċċ li għandna.
Is-sena d-dieħla ser tkun waħda kiefra, ma taħfirha lil ħadd u bid-dikjarar. Madwar id-dinja u mhux f’Malta biss, kulħadd iħabbel rasu kif jista’ jnaqqas l-ispejjeż, kif jista’ jiffranka, liema kapriċċ li jkun dara bihom jista’ jwarrab. F’qasir żmien se naslu lura għal żmien kważi minsi meta ħadd ma kien jistħi jgħid li ma jiflaħx għall-kapriċċi u malajr jgħodd bħala kapriċċ dak li jiflaħx għalih ġaru. Darba konna nitkażaw b’xulxin u b’hekk inxerrdu l-għaqal. L-għaqal, illum kważi minsi, ser nerġgħu nisimgħu bih.
U l-għaqal jitlob li nwarrbu l-kapriċċi u l-akbar kapriċċ li għandna in komuni bejnietna hi l-idea li l-politika hi xi forma ta’ divertiment, skuża għall-pika bħall-partiġġaniżmu fil-futbol, u mhux l-għodda li biha niksbu amministrazzjoni tajba li taqdi l-ħtiġiet tagħna. Kapriċċ li għandu jintemm. Resaq fuqna ż-żmien li aħna bħala ċittadini u mhux il-politiċi, nesiġu l-produttività, il-kompetittività, il-kontabbiltà u fuq kollox it-trasparenza.
Aħna u nawguraw lill-qarrejja tagħna sena ġdida kollha hena u ġid meta nafu li jkun diffiċli ħafna li dan iseħħ, nimpenjaw ruħna biex nagħmlu dak li dejjem għamlet din il-gazzetta: li ma nmejlu l-kappell lil ħadd aħna u nqabblu d-diskors mal-fatti. U jekk b’dan il-mod innaqqsu xi kapriċċ żejjed inkunu qdejna dmirna
.

 

Intervista
Ħajti u l-politika

Julia Farrugia tintervista lill Freddie Micallef


Editorijal
L-akbar kapriċċ


Il Punt
Cheers
Joe Farrugia



Emmanuel Micallef
Riżoluzzjonijiet u proponimenti


Carmelo Mifsud Bonnici

Artiklu wara ieħor



Wenzu Mintoff
Twist politiku


L-awguri tiegħi jmorru għal- ...
Toni Abela


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan