Wenzu Mintoff | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112

Kull deni ħudu b’ġid. Mad-daqqa t’għajn dan il-Milied hawn anqas gallariji bil-bozoz ipetptu u bit-tinsil imqanfda mal-aperturi tal-faċċata qishom xi karozza tal-linja Filippina. Użanza li ma nistax għaliha għax f’għajnejja ġġib il-Milied iktar qrib tal-Karnival milli festa li tfakkar it-twelid ta’ Kristu.
Milied ta’ awsterità għax l-elezzjoni għadha ’l bogħod u Lawrence Gonzi liebes ta’ Father Christmas għad jonqsu tlieta, erba’ snin oħra biex jiġi jdurna bl-ixkora tar-rigali, jagħtina r-rigali li nkunu ħallasna għalihom mit-taxxi tagħna u jerġa’ jdaħħal salt mill-votanti fl-ixkora.
Milied kemmxejn mudlam fejn tas-soltu, għax ħadd għadu ma jaf eżattament x’laqtu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li nafu żgur li se jisplodu imma mhux eżattament b’kemm, f’din il-konfużjoni ta’ kalkoli, stimi, proposti u kontroproposti.
Kien inevitabbli għalhekk li d-dwal tal-Milied, jekk is-soltu jibdew minn xahar qabel, din is-sena bdew minn ftit jiem qabel. U min ma jiflaħx lanqas jixgħel id-dwal iteptep imqar bejn il-Milied u San Stiefnu, din id-darba kellu jħalli l-bozoz fil-kaxxi fil-gwardarobba mal-boċċi tal-kamla. Inkella jarmahom xorta u joqgħod iħares lejhom mitfija u jittama fi żminijiet aħjar meta l-elezzjoni ma tkunx għadha ’il bogħod, l-ekonomija żgur tkun irpiljat u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu ferm aktar diċenti minn kif se jkun fix-xhur li ġejjin.
In-nies jinsabu mwerwrin u mħawdin b’din l-affari tal-kontijiet tad-dawl li se nirċievu wara l-festi. U x’ma jkunux imħawdin in-nies b’Austin Gatt jagħfas il-pedala tal-gass tal-Jaguar, b’Lawrence Gonzi jagħfas ftit il-pedala tal-brejk, u b’Austin Gatt jifraħ u jogħxa li wara li l-unjons għal ftit kienu nagħqdu flimkien front wieħed kontra l-arroganza grassa tiegħu, issa qed jagħtu bejniethom qieshom klieb u qtates?
Eskimiżi tal-Iglù
Jien għadni ma naf bl-ebda poplu fid-dinja li d-demm tiegħu għandu minn tal-baqq, ħlief forsi l-Eskimiżi tal-Iglù, li jaċċetta mingħajr wisq riżervi li l-prezz tal-petrol jibqa’ kif kien meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien ’il fuq minn $140-il barmil, mentri llum l-prezz hu inqas minn $45-il barmil.
Tista’ tgħid li ftit li xejn mill-opinjonisti, preżentaturi u kummentaturi varji li għandu dan il-pajjiż, għal xi raġuni jew oħra, ma jazzarda jlissen imqar kelma fuq dan is-suġġett u oħrajn bħalu. Biex b’hekk l-Oppożizzjoni tispiċċa ħafna drabi titqabad u titħabbel waħidha fil-wires tas-circuit politiku, bid-dilemma perpetwa ta’ kemm għandha tkun ‘negattiva’ u kif għandha tibbilanċja n-negattiv bil-pożittiv.
Jekk dan hu pajjiż tal-istatwi tal-melħ fejn min suppost jitkellem ma jitkellimx biex jibqa’ ben vist mill-alta soċjetà, li ma jmurx inaffar l-id li jista’ jiekol minnha, il-vuċi solitarja tal-Oppożizzjoni inevitabbilment dejjem se tispiċċa tispikka bin-negattiv tagħha, tħalltu kemm tħalltu n-negattiv bil-pożittiv.
L-aħjar ħaġa f’pajjiż bħal dan li titkellem kif għandek titkellem u ma tħalli lil ħadd iqabbdek kumplessi fejn trid toqgħod tqis kull kelma li tgħid, biex ħafna drabi tispiċċa ma tgħid xejn anki fejn kien imissek titkellem.
Jien nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li fejn kelli nikkritka lill-partit tiegħi matul is-snin dan għamiltu, għax kelli raġun jew le, fil-kuxjenza hekk ħassejt li għandi nagħmel. Ara ħaddieħor mill-kamp oppost ma jistax jgħid l-istess. U jekk jien ikkritikajt lill-partit tiegħi fejn ħassejt li kelli nikkritikah, ma narax għalfejn m’għandix nitkellem b’mod kritiku fir-rigward ta’ partiti oħra, speċjalment fir-rigward tal-partit fil-gvern li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jaffettwawlna ħajjitna fit-tajjeb u l-ħażin.
F’mument fejn għal min qed jara l-livell tal-għajxien tiegħu jmur lura minflok ’il quddiem, ċertament ma kellux ikun il-mument xieraq fejn il-ministri u s-segretarji parlamentari jagħtu lilhom infushom żieda sostanzjali fil-paga ta’ madwar 25 fil-mija u l-Ministru Austin Gatt ineffaqna mit-taxxa tagħna l-lussu li joqgħod jiġri ’l hemm u ’l hawn bil-paqqa tal-għamla Jaguar.
Barack Obama
Inqas bozoz ipettptu u Milied iebes l-aktar għal min ix-xogħol tiegħu ħass l-effett tal-kriżi ekonomika li għaddejja minnha l-Amerka, b’mod partikolari l-industrija tal-karozzi u dak kollu relatat magħha.
Għal min qed jaħdem fuq ġimgħa ta’ erbat ijiem, u ma jidher fl-ebda statistika uffiċjali tat-telfin ta’ postijiet tax-xogħol, dan il-Milied mhux bħall-oħrajn, anki jekk aħjar hekk milli agħar. L-unika konsolazzjoni li tista’ ssabbarna ftit li wara ħafna snin ta’ tmexxija rresponsabbli fl-Amerka li ġabet l-għawġ mhux biss fuq dik l-art imma fuq il-bqija tad-dinja, inqas minn xahar ieħor se tibda l-presidenza ta’ Barack Obama li għandha tkun raġġ ta’ tama qawwija għan-nies ordinarji bħalna.
M’għandix dubju li Obama se jfittex l-interessi tal-Amerika u l-Amerikani l-ewwel u qabel kollox f’kull ma se jagħmel. Però b’ferm aktar sens ta’ rispett għall-obbligi internazzjonali li suppost għandu kull pajjiż fil-komunità tal-ġnus. Iktar u iktar f’dinja globalizzata fejn in-nuqqasijiet u l-fallimenti tal-pajjiżi l-kbar iħallu impatt immedjat fuq il-bqija tad-dinja mhux biss għal dik li hi ekonomija imma anki għal dak li hu tibdil fil-klima li wkoll ma tagħrafx fruntieri.
Il-miġja ta’ Barack Obama fil-White House għandha ġġib magħha tmexxija b’sens etiku u morali iktar qawwi. Fost l-imħuħ żgħar ta’ Malta żgur se ssib lil min jgħidlek kif jista’ jkun dan jekk Obama hu favur id-dritt tal-għażla tal-mara li tagħmel l-abort?
Imma Obama jrid li l-Amerikani kollha, ta’ kull ġens, klassi jew razza, ikollhom assigurazzjoni tas-saħħa u ma jibqax jiġri dak li jiġri llum, li jekk taqla’ daqqa ta’ karozza u ma jkollokx health insurance card, ma tingħatax kura medika u titħalla fuq l-għatba tal-isptar. Obama se jaħdem għal aktar ġustizzja soċjali f’pajjiż fejn il-ftit servizzi soċjali li kienu jeżistu kienu żarmati fi żmien il-presidenza ta’ Ronald Reagan u George Bush I, II, III meta s-sinjur sar aktar sinjur u l-fqir sar ferm aktar fqir.
Hi l-inugwaljanza soċjali li ġġib magħha l-miżerja, il-faqar u problemi soċjali bħalma huma d-droga u sa ċertu punt anki l-abort.
Id-deni ta’ żiemel li ħakem l-ekonomija tad-dinja tal-Punent kellu wkoll l-effett li jbiddel xi ftit jew wisq il-ħsieb prevalenti dwar ir-rwol tal-Istat fis-soċjetà u fl-ekonomija speċjalment wara kważi 30 sena ddominati minn viżjoni ekonomika politika ispirata minn Thatcher u Reagan, issa qed jidher ċar li r-Reaganiżmu miet u spiċċa.
Imma għadu mhux ċar liema viżjoni għad-dinja se tipprevali minflok u liema linja ta’ ħsieb se tieħu post ir-Reaganiżmu. Sistema ekonomika fejn l-Istat irtira għal kollox u abdika minn ħafna mir-responsabbiltajiet tiegħu bit-tama li s-suq ikompli jsuq u kollox jogħla ’l fuq, wasslet għal kollass li tinsab fih l-ekonomija dinjija llum. L-Istat ma setax jibqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni u kellu jerġa’ jassumi ċerti responsabbiltajiet importanti li qatt ma jmissu ħarab minnhom.
Milied b’anqas bozoz ipettptu t-tajjeb lil kulħadd! |
|
Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud
Editorijal

Il Punt
Evarist Bartolo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Yvonne Micallef Stafrace
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|