MediaToday

Sports | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112

Il-passjoni għall-muturi…u ftit karità

Mark Attard

Din il-ġimgħa ltqajt ma’ Pierre Borg fl-okkażjoni ta’ avveniment għall-karità li organizza flimkien ma’ martu Nevise bħal-lum ġimgħa fejn grazzi għall-isport tal-muturi ħolqu l-‘On D Road Charity Ride’.
Sakemm nasal fil-post miftiehem ma’ Pierre inġedded il-memorji taż-żminijiet meta kont narah aktar ta’ spiss fil-kumpless ta’ One Productions fil-Marsa. Pierre jibqa’ l-istess persuna ta’ dejjem, bl-istess leħen iżda b’dehra kemmxejn differenti mill-passat. Sirt nafu meta kien ħafna iżgħar u kellu xagħru twil. Minkejja li llum qatgħu u kiber ninsab ċert li l-imħabba għal Bob Marley u l-mużika reggae se tmut miegħu.
Ma’ dan id-delizzju wieħed iżid it-tim Taljan tal-Inter u l-qofol ta’ kollox, il-muturi. Infatti, li poġġejt quddiemu għal kważi siegħa hu kollu minħabba dawn l-opri tat-toroq fuq żewġ roti.
Il-Ħadd li għadda ħolqu l-‘On D Road Charity Ride’. L-affari kienet suċċess enormi.
“L-On D Road Charity Ride organizzajniha għat-tieni sena. L-idea kienet ta’ Nevise u tinvolvi ħafna xogħol. Dejjem xtaqt nagħmel ride u niġbor għal xi ħaġa. Nevise ġietha l-idea biex għaż-żminijiet tal-festi nibdew niġbru xi ħaġa għall-annimali. Aħna ‘animal lovers’ u għandna sitt iqtates id-dar…s’issa! L-ewwel darba kienet għall-AAA, l-għaqda tal-annimali abbandunati. Aħna nagħmlu mezz li ma nagħtux għajnuna lil dawk li jgħinhom il-Gvern.
“Din is-sena għamilnieha għall-SOS Animals. Aħna ma nagħtuhomx flus iżda vouchers li jissarrfu f’mediċina. Għandna ħanut partikolari li rranġajna miegħu. Irranġajna magħhom li l-vouchers li nagħtu aħna lin-nies jissarrfu għandu.”
Nistaqsih kemm tinvolvi xogħol xi ħaġa bħal din u kif kienet l-atmosfera tal-Ħadd li għadda.
“Tinvolvi ħafna xogħol. Trid tim sħiħ miegħek biex torganizza xi ħaġa bħalma għamilna aħna. Konna 448 mutur. Trid tinvolvi l-Pulizija tat-Traffiku li minn hawn nixtieq nirringrazzjahom għax magħna kellna erbgħa mill-Korp li għamlu xogħol mill-aqwa. Krejna l-walkie talkies għaliex kull 50 mutur nitfgħu żewġ persuni li jieħdu ħsiebhom. Iltqajna l-Luxol u kulħadd ta donazzjoni ta’ 5 euro. Fl-aħħar iltqajna l-Ħaġar Qim Bar & Restaurant. Għamlulna ikla tajba u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom ukoll.”
Din l-opra ta’ karità ngħatat diversi pubbliċità madwar il-pajjiż. Kienet it-tielet tax-xorta tagħha u anki l-mezzi tal-media lokali ħassew li għandu jagħtu l-kontribut tagħhom biex tirnexxi mija fil-mija.
“Din id-darba probabbilment raw is-suċċess tas-sena l-oħra u kellna aktar following mill-media. Il-gazzetti kollha taw kasna. Fuq it-televiżjoni tana spazju Mark Cutajar fl-Argument. Forsi ħaddieħor ma setax peress li tajna l-isem ta’ On D Road lil dan l-avveniment li hu l-istess isem tal-programm tiegħi fuq ONE TV.
“Jiddispjaċini ngħid li qassamna anki posters tal-‘On D Road Charity Ride’ u għax kien hemm l-arma tar-Red Touch Phone kien hawn min iddeċieda li jinjorah. Ma tgħidx li kienet xi arma ta’ xi partit politiku. Kien biss wieħed mill-main sponsors. Fiha ma kien hemm politika ta’ xejn. Mhux stil tiegħi li ndaħħal il-politika f’dawn l-affarijiet. Fir-ride ħafna mill-ħbieb tiegħi huma ta’ kulur politiku differenti iżda dejjem ġew jgħinuni bi ħġarhom. Żidna l-sms number iżda sfortunatament tieħu dawn il-flus sitt xhur oħra.”
Pierre jgħidli li dan l-avveniment qawwilu qalbu biex is-sena d-dieħla jipprova jagħmel xi ħaġa ikbar milli fil-fatt għamel flimkien ma’ Nevise l-Ħadd li għadda.
“Diġà bdejt naħseb għas-sena d-dieħla. Ta’ din is-sena għamlitli kuraġġ. Is-sena d-dieħla nixtieq nagħmel bike fest. Mhux se tkun ride biss.
“Din l-ewwel darba li se ngħidha. Xtaqt li nagħmlu weekend sħiħ għas-sena d-dieħla li jkun jinvolvi camping, bbq, live bands, show tal-muturi u nixtieq ninvolvi l-karozzi wkoll. Għandna l-ħsieb li nġibu stuntman professjonali tal-muturi biex jagħmel show bil-mutur. Hu Champion tad-Dinja. Għandna l-kuntatti miegħu u nistgħu nġibuh.
“Iżda l-ħolma hi li xi darba nagħmlu ride u jiġi Valentino Rossi magħna. Hi diffiċli ħafna. Ippruvajna. Kien hemm kuntatti imma diffiċli ħafna. Ikollu aġenda tkun lesta għal sentejn bil-quddiem. Dawn in-nies tant kemm ikunu popolari li impenji bħal dawn isiru impossibbli għalihom.”
Kif jgħidli hekk nipprova nsibilhom triq oħra. Tiġini l-idea li nibgħat sms lil Sandro Piccinini. Pierre kien jaf li darba kien mistieden fil-programm Controcampo li kien jippreżenta hu. Iżda ċ-ċans sfuma fix-xejn. Sandro jweġibni aktar tard filgħaxija li diffiċla ħafna. Qalli li biex ġie darba f’Controcampo ħela sitt xhur jipprova jsib data ideali. Jiġifieri r-raġunament tiegħi jgħidli li biex dam sitt xhur biex imur f’Controcampo jrid idum 600 xahar biex jiġi hawn. Pierre ikollu kważi 100 sena!
Pierre Borg twieled fit-2 ta’ Jannar 1961 u llum jgħodd 47 sena. Miżżewweġ lil Nevise Caligari, joqgħod il-Qawra u għandu tifla, Lyndsay. Il-muturi jokkupaw parti importanti ħafna minn ħajtu.
“Minn meta kont żgħir dejjem poġġejt il-muturi qabel il-karozzi. L-ewwel vettura li xtrajt f’ħajti kienet fuq żewġ roti. Ta’ 18-il sena xtrajt mutur.
“Meta nisma’ diskors bħal ‘Il-mutur perikoluż, inweġġa’. Veru perikoluż iżda ma jgħidux li hawn min jipperikolalek ħajtek. Mhux qed ngħidlek li kulmin isuq xi mutur hu sewwieq eċċellenti iżda hawn min sfortunatament fit-triq ma jikkalkulahomx lil dawk li jsuqu l-muturi. Inweġġa’ għax dejjem neħlu aħna li nsuqu l-muturi. Anki tisma’ l-aħbarijiet. Il-biċċa l-kbira tar-rappurtaġġi jkunu jgħidu li x-xufier tilef il-kontroll tal-mutur. F’qalbi ngħid, ‘Mela l-ġurnalist li qed jirrapporta l-każ kien miegħu?’ Forsi jkun ħaddieħor li daħal fih!”
Nistaqsih fuq id-differenza li jara bejn mutur u karozza. Pierre jaħtafni fil-kelma.
“Għandek xi ħaġa li qisek għaddej inti fit-triq. Il-karozza sabiħa wkoll imma għandek saqaf fuq rasek, windscreen quddiemek, bieba ħdejk u probabbli stereo. Fuq mutur qisek għaddej int b’differenza li għandek l-ispeed taħt saqajk. Iżda mbagħad moħħok u għajnejk iridu jlaħħqu ma’ faċċata, mal-ġenb u ma’ min hu ġej minn warajk. Trid tara x’hemm fl-art u tikkontrolla l-ġnubijiet. Kulma għandek żewġ għajnejn biss. Moħħok irid ilaħħaq ma’ dan kollu. Ikollok ftit biża’ żgħira iżda fl-istess ħin taf li se tieħu gost.”
Kif isemmieli t-toroq ma stajtx ma nagħmillux mistoqsija li dak il-ħin dehrli li hi obbligatorja fuq it-toroq Maltin.
“Jien li b’karozza niddiskrivihom bħallikieku qed issuq fuq il-qamar xtaqt inkun naf x’inhi s-sensazzjoni li ssuq mutur fit-toroq Maltin.
“It-toroq ta’ Malta huma ħżiena ħafna. Tatix kas dawn il-ġodda li xi kultant nasal ngħidlek ukoll li hawn minnhom li m’humiex daqshekk tajbin. Fil-biċċa l-kbira tat-toroq Maltin tkissru mutur. Jekk issib ħofra b’karozza taf tieħu puncture iżda b’mutur taf tispiċċa f’xi ħajt.
“Jien qatt ma tlajt insuq il-mutur f’Ta’ Qali. Hu post li għadu jeżisti iżda jien nippreferi nsuq il-mutur fi triq normali. Id-delizzju ta’ ħafna hu li jsuqu fit-track. Jien għandi ħbieb tiegħi li jmorru Sqallija jieħdu siegħa pjaċir fit-track li għandhom hemm.
“Normalment ikolli ħin għall-mutur is-Sibt filgħaxija jew inkella kull filgħodu kmieni. Dak hu l-proprju ħin li jien inħobb niddedika għall-muturi. Imbagħad f’ħin ieħor għandi l-programm tal-karozzi u l-muturi fuq One TV li nqisu bħala parti mix-xogħol tiegħi. Normalment l-aktar li nsib ħin għall-mutur tiegħi jkun il-Ħadd filgħodu.”
Nisma’ ħafna diskors tal-ispejjeż li fih mutur l-aktar jekk tkun dilettant sew u tarmah bl-aħjar mod possibbli.
“Jiddependi x’tip ta’ mutur. Jien għandi sports bike. L-ispejjeż mhumiex irħas. Jekk tkun bħali l-ispiża tkun il-petrol flimkien mal-liċenzja u l-assigurazzjoni. Biss, jekk inti se tarmah biex ittellaq bih li hawn Malta m’hawnx, l-ispejjeż jibdew tilgħin. Sempliċiminet sticker li teħel fuq l-isteering tal-mutur tiswa mat-23 euro. Illum tixtri affarijiet oħra tal-mutur jiswew il-belli liri.”
Ikellimni fuq il-klabbs li hawn f’pajjiżna li jien irriferejtlu għalihom bħala assoċjazzjonijiet.
“Hawn aktar klabbs milli Assoċjazzjoni. L-ASM għandhom x’jaqsmu aktar mal-vetturi offroads. Għandhom it-track tagħhom u nisperaw li tibqgħalhom hemmhek għax xi kultant ikollhom id-dubji wkoll. Iżda klabbs hawn ħafna u jien nagħmel parti mill-Bike Boys.
“Jien u Nevise ilna membri madwar tliet snin. L-għaqda ilha ffurmata ħafna u aħna kollha sewwieqa maturi. Kollha tal-età tiegħi. Il-biċċa l-kbira għandhom aktar minn 40 sena. Kull nhar ta’ Ġimgħa niltaqgħu kollha bin-nisa tagħna fis-Sunrise, Paceville. Xi d-9am imorru dawra mingħajr ħadd ma jsuq b’saħħtu. Għandna lil Philip li jieħu ħsiebna. Hu bniedem strett ħafna għas-sewqan. Jekk jarak issuq b’saħħtek jgħidlek mill-ewwel biex ma tiġix aktar mal-grupp.”
Pierre Borg hu preżentatur tal-programm On D Road li jixxandar fuq One TV. Jgħidli kif ġiet fuqu din l-opportunità li għall-ewwel darba jippreżenta programm sportiv.
“Kien hemm diġà programm qabel li kien jitratta karozzi biss. Ma kienx baqa’ jsir fuq One TV u ġejt avviċinat biex nagħmel xi ħaġa simili jien. Jien daħħalt it-test drives tal-muturi fil-programm tiegħi. Xi ħaġa ġdida u mhix faċli. Soqt ’il fuq minn 80 mutur ġdid. Il-programm nemmen li segwiet ħafna. Fih 45 minuta u fih nipprova ndaħħal kemm jista’ jkun affarijiet differenti.”
Għaliex On D Road?
“Għaliex dak kollu li għandu x’jaqsam mat-toroq u bir-roti japplika għal dan il-programm.”
Bħalikieku karettun mhux bir-roti iżda aktar minn ċert li s’issa m’għamilx programm fuq il-karettutni. Pierre ikellimni fuq il-Kampjonat Mondjali tal-Moto GP.
“Din is-sena mhux segwejtu imma kiltu għar-raġuni li int taf li jien iffissat fuq Valentino Rossi. Mort narah Mugello. Tlajna bil-muturi u esperjenzajt l-ikbar ħolma ta’ ħajti. Il-feeling ta’ Mugello hu xi ħaġa mmensa. Ikun hemm festi ta’ kull tip. ‘Mugello non si dorme’, jgħidu. U vera! Xtaqt niltaqa’ ma’ Rossi imma ma rnexxilix.
“Ftehimt ma’ Nevise biex immorru Valencia narawh jiċċelebra l-aħħar tappa tal-istaġun. Kellimt persuna tal-media ta’ Valencia u aċċetta l-proposta tagħna biex jakkreditana. Għall-ewwel iltqajt ma’ kulħadd u ħadt ritratti ma’ min ridt minbarra ma’ Valentino Rossi. Tant kemm hu bniedem popolari li impossibbli tilħqu. Mal-oħrajn tieħu r-ritratti liberalment iżda ma’ Rossi ssib żewġ barriers u mijiet ta’ nies jistennew biex jieħdu ritratt u firma. Jien kważi qbadt nibki. Niftakar li għamilt kollegament live fuq One Radio u għidt li ħadt ritratt ma’ kull sewwieq minbarra ma’ Rossi.”
Valentino Rossi hu wieħed mill-isportivi li jimpressjonawni f’ħajti. Ħaġa li ma nifhimx hi dik li waqt it-tlielaq, meta jiġi għall-kisriet il-mutur iżidlu flok inaqqaslu. Xjentifikament impossibbli tagħmilha. Imma Vale jirnexxielu. Jirrakkuntali l-mument meta l-ħolma ta’ ħajtu saret realtà…
“Jien ma kontx naf li bil-Press Card li kelli stajt nidħol faċilment fl-istand tal-Yamaha li hu parti mit-tim tiegħu. Kien hemm persuna barra u ħadt ċans staqsejtu jekk nistax nidħol fl-istand tal-Yamaha u daħħalni mill-ewwel. Kif nidħol insib il-mejda ta’ Valentino Rossi. Stajt nidħol niekol ħdejh viċin il-mejda tiegħu. Kellu s-siġġu bin-numru 46 ukoll. Kien hemm ommu u missieru u qgħadt nitkellem magħhom. Ħadt anki r-ritratti magħhom. Imbagħad wasal il-ħin biex niltaqgħu miegħu. Qed ngħidlek ukoll erġajt qed neċita ruħi. Iffirmali l-beritta u r-ritratt. Ippruvajt nieħu ritratt miegħu waħdi iżda kienet impossibbli. Il-box tiegħu hi xi ħaġa inkredibbli.
“Iddefist mal-ġurnalisti kollha u ġejt 30 ċentimetru bogħod minnu. Anqas ridt nemmen li quddiemi kelli lil Valentino Rossi tant li għamilt il-ħin tal-intervisti kollha li kellu nħares lejn wiċċu. Ħin minnhom ħsibtu se jkeċċini. Bdejt ngħid, ‘Imma veru qiegħed ħdejh?’ Ħin minnhom ħares lejja waqt li qed ikellem lill-media u beda qisu jirraġuna miegħi. Xi ħaġa li ma nistax nispjegaha.”
Pierre jgħidli li dawn l-aħħar snin l-imħabba li għandu għal Valentino Rossi u l-muturi daħlet fih sew tant li sar jippreferi jara tellieqa tal-Moto GP milli lil Inter jilagħbu, it-tim li b’kumbinazzjoni hu partitarju fervent tiegħu Rossi.
“Rossi vera jħobb l-Inter. L-ikbar ħabib tiegħu hu Materazzi. Apparti li jien mal-Inter ukoll ikolli ngħid li abbandunajthom ftit. Meta jkun hemm xi logħba importanti naraha iżda bejn tellieqa tal-MotoGP u logħba tal-Inter nippreferi l-ewwel waħda.
“Jien meta kont żgħir kont insegwi lil Giacomo Agostini. Rebaħ it-titlu mondjali xi 15-il darba. Iżda jien ngħid li Valentino Rossi hu l-aqwa sewwieq li qatt rat l-istorja għal raġuni li rebaħ f’kull kategorija.”
Imma għalfejn in-numru 46? Filwaqt li jirrispondini jkellimni fuq ftit mill-ħajja personali ta’ Rossi.
“46 kien in-numru ta’ missieru. Missieru kien isuq fil-GP ukoll iżda qatt ma għamel suċċess daqs ibnu.
“Jien nibqa’ ngħid li ż-żewġ staġuni li Rossi ma rebaħ xejn kien minħabba l-media Taljana. Kienu ħarġulu dik l-istorja li kien ma’ Elisabetta Canalis. Kienet fittizja. Il-media Taljana aprofittat mill-fatt li Valentino kien għadu kif iġġieled minn mat-tfajla tiegħu u għamlu kapitlu minnha. Kissruh biha u bl-istejjer li kellu jagħti f’taxxi miljuni kbar. Kienet waħda mill-fatturi għax tilef żewġ kampjonati. Din is-sena kien rilassat. Reġa’ mar lura għand ommu u ħallas kulma kellu jagħti lill-Gvern.”
Lejn l-aħħar inpoġġi quddiem Pierre l-iktar mistoqsija antipatika fid-dinja. Ma’ min tippreferi tqatta’ ġurnata bejn Valentino Rossi u li kieku għadu ħaj, Bob Marley.
“Mistoqsija diffiċli ħafna. Ir-raggae ilu fija ħafna. Bob Marley hu idolu għalija bħalma hu Valentino Rossi. Marley tal-mużika u l-ieħor tal-isport. It-tnejn xtaqt narahom. Wieħed iltqajt miegħu għax għadu ħaj u l-ieħor mort inżur il-qabar u d-dar tiegħu. Mort il-Jamaica ma’ Nevise. Mort anki d-dar fejn kien jgħix. Rajt b’għajnejja l-faqar li kien jgħix fih sakemm sar miljunarju u qassam il-flus għall-karità. Naħseb li kien bniedem li ħadem ħafna għall-paċi u għad-drittijiet tas-suwed.”
Nistaqsih jekk għadux jippreżenta l-programm Raggae Line fuq One Radio?
“Għadni għaddej, iva. Ilu jsir 17-il sena u dawn l-aħħar sentejn qed nagħmlu l-Erbgħa filgħaxija. Raggae Line hu xi ħaġa kbira għalija. Kull sena nagħmel programm speċjali biex infakkar il-mewt ta’ Bob Marley. Hu leġġenda u hawn Malta hawn ħafna segwaċi tiegħu.”
Intemmu l-intervista billi nistaqsih lil min xtaq jirringrazzja biex l-attività li kellhom il-Ħadd kienet suċċess.
“Nirringrazzja lill-isponsors u l-media kollha li għenuni f’din l-On D Road Charity Ride. Nirringrazzja lil ħbieb kollha li ġew minn qalbhom jgħinuna niġbru għall-annimali. Lill-Pulizija u lid-diriġenti ta’ One TV li xi kultant niżvija xi ftit mix-xogħol tiegħi minħabba l-programm. Xtaqt inselli għat-tifla li hi dilettanta ħafna tal-muturi. Għandha 23 sena u ffissata wkoll fuq Valentino Rossi.”

 

Intervista
Raħal Ġdid u l-Ewropa tal-Lvant

Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud



Il Punt
Edukazzjoni għas-Seklu 21
Evarist Bartolo



Emmanuel Micallef
Faqar ta’ Milied


Carmelo Mifsud Bonnici

L-Akkademja għandha valur



Wenzu Mintoff
Bozoz ipetptu


Reggie Miller, il-GWU u aktar
Yvonne Micallef Stafrace


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan