MediaToday

Yvonne Micallef Stafrace | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112

Reggie Miller, il-GWU u aktar

Din is-sena hi l-110 sena mit-twelid ta’ Reggie Miller u l-65 sena mindu waqqaf il-GWU. YVONNE MICALLEF STAFRACE tesplora l-ħajja ta’ dan il-pijunier tat-trejdunjoniżmu

Reggie twieled Tas-Sliema fl-1 ta’ Novembru 1898. Kien tifel xipli u qabel ma daħal il-Liċeo ta’ disa’ snin kien imur il-Billion Scuola Preparatoria al Liceo.
Meta kellu 16-il sena daħal l-Università. Miegħu kien hemm Joseph Caruana Colombo, li iżjed tard bħala mħallef kien iċ-Chairman tal-Caruana Colombo Arbitration Tribunal.
Fl-1952 dan it-tribunal biddel radikalment il-paga tal-ħaddiema Maltin billi ta żidiet ta’ 30 xelin sterlina fil-ġimgħa. Dan meta l-anqas paga dak iż-żmien, tal-ħaddiema tal-Gvern Ċivili u tal-Gvern Imperjali, kienet ta’ 70 xelin sterlina fil-ġimgħa.
Reggie ma kompliex l-istudji l-università wara attakk ta’ plewrite u wkoll minħabba problemi finanzjarji tal-familja. Fi Frar 1917 daħal jaħdem mal-Ammiral bħala boy-writer b’paga ta’ xelin kuljum. F’Mejju 1917 meta kien hemm strajk mill-ħaddiema tal-Ammiraljat, Reggie u skrivani oħra bħalu ma setgħux jistrajkjaw u ngħataw ġimgħa paga. Għal Reggie l-problema ta’ pagi miżeri kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol wasslu, fost affarijiet oħra, għat-traġedja tal-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Il-Kostituzzjoni tal-1921 tat lil ħaddiema rappreżentanza fis-Senat permezz tat-Trade Union Council. Dan il-privileġġ kien gawdut ukoll mill-kleru, minn nobbli, mill-gradwati kif ukoll mill-Kamra tal-Kummerċ. Iżda minħabba li sa dak il-mument f’Malta ma kienx għad hawn Trade Union Council iż-żewġ voti tal-ħaddiema fis-Senat kienu manipulati mill-politiċi.
Biżżejjed tgħid li waqt minnhom wieħed mir-rappreżentanti tat-Trade Union Council fis-Senat kien Gerald Strickland, il-mexxej tal-Partit Kostituzzjonali.
L-ewwel darba li Reggie attenda laqgħa ta’ trade union kien fl-1930 meta sħabu l-iskrivani Assuero Farrugia, Eddie Caruana u John Mifsud ħaduh magħhom għal meeting tas-Civil Service Clerical Association (Admiralty Branch). Reggie ħalla impressjoni tajba tant li f’Awwissu tal-1931 kien elett segretarju ta’ din l-union. Fit-treġija ta’ din il-union, Miller, Edward Fenech u Mifsud kienu ta xejra Nazzjonalista, J. Hamilton u oħrajn kienu Sticklandjani.
Il-ħaddiema mal-Gvern Imperjali dejjem ħarsu lejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema Brittanniċi bħala mira li lejha riedu jersqu.
Waqt il-Great Depression il-ħaddiema Brittanniċi u Maltin kienu tilfu parti mid-dħul tagħhom taħt sura ta’ bonus. Iżda fl-1934, filwaqt li l-ħaddiema Britanniċi ħadu lura l-bonus kollu l-Maltin ma ħadu xejn.
Dan kien inaċċettabbli għall-ħaddiema Maltin tas-Servizzi.
Fl-1935 Miller mar Carton, l-Ingilterra bħala r-rappreżentant Malti tas-CSCA. Fl-istess sena Miller attenda wkoll il-Foreign Dockyards Committee. Hawn, N. Mcleod President ta’ dan il-Kumitat, l-ewwel ried iżid in-numru ta’ nies established (nies li kienu jieħdu pensjoni meta jispiċċaw bl-età) minn 19 għal 31.
Eventwalment, iżda, in-numru ta’ nies established kien ried jinżel għal erbgħa. Miller tkellem bis-saħħa kontra din il-mozzjoni ta’ Mcleod u dan eventwalment irtiraha. Meta Miller ġie lura Malta ngħata merħba ta’ eroj.
Sa mill-1934 Miller beda jħoss li titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tal-iskrivani kien biss possibbli jekk il-ħaddiema tal-pinna u tal-id jingħaqdu. Miller kulma jmur beda jersaq lejn il-ħsieb li fl-għaqda tal-ħaddiema kollha kien hemm is-saħħa.
Fl-1938 waqt konferenza f’Margate, l-Ingilterra Reggie tkellem dwar il-bżonn li l-iskrivani jingħaqdu ma’ ħaddiema oħra biex flimkien ikollhom iżjed saħħa.
Għal ftit żmien Miller kien segretarju kemm tal-CSCA kif ukoll tal-Imperial Workers Union, union ta’ ħaddiema tal-id.
Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939 il-ħajja għoliet bil-bosta u l-unions tal-ħaddiema tal-Gvern Ċivili u tal-Gvern Imperjali ngħaqdu u talbu war bonus. Saru tliet kumitati li kellhom l-għan li jiddiskutu u jiksbu war bonus għall-ħaddiema. Il-personalità ta’ Reggie Miller intweriet meta ngħażel biex ikun segretarju ta’ kull kumitat tal-war bonus.
Jissokta fil-ħarġa li jmiss

 

Intervista
Raħal Ġdid u l-Ewropa tal-Lvant

Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud



Il Punt
Edukazzjoni għas-Seklu 21
Evarist Bartolo



Emmanuel Micallef
Faqar ta’ Milied


Carmelo Mifsud Bonnici

L-Akkademja għandha valur



Wenzu Mintoff
Bozoz ipetptu


Reggie Miller, il-GWU u aktar
Yvonne Micallef Stafrace


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan