Carmelo Mifsud Bonnici | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112
L-Akkademja għandha valur 1. Kien verament interessanti d-diskors li sar nhar it-Tnejn li għadda ġewwa l-Ministeru mill-Professur David Attard. L-okkażjoni kienet dik tal-kommemorazzjoni tal-ex Prim Ministru tagħna Dr Ġorġ Borg Olivier. It-tema meħuda mill-kelliem kienet mimlija bi sfumaturi li għandhom iġibu iktar ħsieb u riflessjoni fuq dak li sar minn dan il-bniedem li konna qed nikkommemoraw. U dan fid-dawl ta’ dak kollu li kien marbut mal-ordni internazzjonali. 2. Fil-fatt, jekk tippermettuli, għalkemm kien hemm xi forma ta’ rappurtaġġ fil-gazzetti tagħna, ma rajthomx li għamlu biżżejjed ġustizzja għal dak li ngħad. Forsi ċerta drabi l-edituri jaraw li mhux se isibu ħafna persuni li huma interessati jaqraw argumenti li huma jistgħu jaraw li huma “tqal”. Mentri fir-realtà tajjeb li xorta waħda dawn jiġu miktuba u mogħtija lill-poplu. Hemm ħidma informatika, però hemm ukoll dik edukattiva li għandha ssir mill-gazzetti tagħna. Il-ħsieb it-tajjeb jikber iktar ma jkollu l-opportunità li jitqassam. 3. Dan id-diskors ġie preċiż preċiż ma’ dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju li l-President Elett Barak Obama għadu kif għamel, jiġifieri dak ta’ ordni mondjali ġdid bażat fuq iktar valur tal-ġustizzja. Il-Prof. Attard fuq dan f’diskors jislet tliet punti ta’ importanza li Ġorġ Borg Olivier ħass li għandu jsegwi fil-politika internazzjonali tal-Istat il-ġdid Malti u fil-livell ta’ parteċipazzjoni attiva fil-Ġnus Magħquda. Huwa janalizza u jaħseb li kien hemm tliet punti prinċipali. L-ewwel: iż-żamma ta’ iktar paċi u sigurtà fid-dinja; it-tieni: li l-proċessi ta’ dekolonizzazzjoni jiġu aċċettati u maħduma sabiex iseħħu; u t-tielet: li jkun hemm qsim iktar ġust tar-riżorsi li d-dinja għandha bejn il-ġnus. Fid-diskors tat-13 ta’ Ottubru 1965 quddiem dik l-Assemblea Internazzjonali, Borg Olivier jiddikjara ruħu favur il-paċi u l-istabilità u jinsisti fuq id-diżarmament, iż-żamma tal-paċi u li kwistjonijiet bejn l-Istati jiġu solvuti permezz ta’ mekkaniżmi paċifiċi. Mhux biss, imma hemm insistenza għal programmi aqwa għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżi fqar fid-dinja. 4. Dikjarazzjonijiet mill-aqwa u li tajjeb li nerġgħu niġu mfakkra fihom. Anzi, ta’ ferm iktar piż meta wieħed jikkunsidra li pajjiżna kien għadu kif ħareġ mill-għawġ tal-gwerra u qiegħed jinxeħet għal triqtu. Diversi drabi, kif sewwa rrimarka l-Prof. Attard, kien jidher ċar il-kuraġġ u l-viżjoni ta’ persuna li minkejja d-diffikultajiet, l-injoranza, l-inkomprensjoni u l-kumplikazzjonijiet interni ta’ partit li qiegħed jikber, xorta jibqa’ jrid jissupera lilu nnifsu. Kif tajjeb ġejna mfakkra, huwa kien qal hekk: “The fact that we are a former colony will not affect the balance of our judgement, nor will our size and location dampen our enthusiasm for justice.” 5. Fil-fatt dawn il-kliem jixhdu dan is-sens ta’ indipendenza u intelliġenza li baqgħu, minkejja d-diffikultajiet kollha, linja ta’ ħsieb, ta’ metodu, anzi aħjar ta’ forma mentali ta’ kif issolvi l-problemi u tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tagħhom. F’ħafna sens naħseb li hemm, fil-Ġnus Magħquda, kellu l-libertà u l-ġustifikazzjoni li jiddikjara dak li jħoss li huwa ġust u li x-xenarju politiku ta’ pajjiżna f’dawk is-snin ma tantx kien jippermettilu. Għalhekk, f’numru ta’ diskorsi ta’ dan il-mibki Prim Ministru nsibu diversi drabi s-sejħa għal ordni internazzjonali aqwa, ta’ mod aħjar kif il-ġustizzja soċjali tiġi fis-seħħ, ta’ tqassim aqwa tal-ġid materjali fid-dinja. 6. Ma kienx sempliċement viżjonarju f’dak id-diskors, imma kien ċar fis-suġġerimenti prattiċi sabiex dan jiġi implimentat. F’diskors partikolari tas-6 ta’ Ottubru 1967 jidħol f’dettalji u jgħid bl-iktar mod ċar: “It seems imperative that international efforts should have clear objectives and be organized with demonstratable efficiency.” – u ċioè li t-tqassim isir taħt il-ħidma tajba tal-Ġnus Magħquda. F’ħafna sens kliemu baqa’ rilevanti. Id-dinja ma tantx ħadet biżżejjed inizjattivi konkreti sabiex dawk li għandhom jaqsmu ma’ dawk li m’għandhomx. Saru sforzi, ma hemmx dubbju, però għadna f’dawn is-sekli b’dan l-iżbilanċ. 7. Pajjiżna, mertu tiegħu ma hemmx dubbju, ħadem u stinka, tgħallem il-lezzjonijiet qarsa tiegħu u ttrasforma lilu nnifsu. Illum dħalna membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea li hija żona li fiha qed ingawdu minn affluwenza ikbar. M’għadniex pajjiż li qed jaħdem biex jikber ma’ dawk li huma żviluppati, iżda huwa stess wasal hemm. Għalhekk, il-lezzjonijiet ta’ Ġorġ Borg Olivier fihom iktar rilevanza llum, kif il-Prof. David Attard bil-mod ċar u elaborat tiegħu tana. Irridu nsostnu dan f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel billi nippubblikaw u nqegħdu għall-attenzjoni tal-pubbliku kliemu, u t-tieni, li nibqgħu naraw kif għandna nużawhom billi nġibuhom għad-dibattitu u nerġgħu nirriflettu fuq dan kollu. Nawgura li dan id-diskors jerġa’ jkun divulgat u mxerred. Forsi aħjar jekk din il-gazzetta tippubblikah fuq il-websajt tagħha. 8. Nagħlaq billi nwassal lilek, Sur Editur, u lill-qarrejja tal-gazzetta tiegħek l-awguri tiegħi għal dawn il-jiem ta’ festi.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan