MediaToday

Emmanuel Micallef | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112

Faqar ta’ Milied

Ma nafx jekk osservajtux bħali imma din is-sena qed isir sforz biex tinħoloq atmosfera ta’ festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena kif aħna mdorrijin bihom. Wieħed jifhem li llum m’għadniex nistennew dawn il-festi biex niċċelebraw bl-ikliet, ix-xorb u d-divertiment. Minn daqshekk hawn ħafna li jiċċelebraw il-Milied is-sena kollha.
Dawn il-festi wkoll ħadu d-daqqa tal-kummerċjaliżmu sfrenat. Allaħares ma jorganizzawx xi attivitajiet is-soċi tal-MUSEUM għax kieku addio l-iskop li għalih jiġu l-festi tal-Milied. Mill-bqija iktar hemm konċentrazzjoni fuq kemm isir bejgħ, kemm inżejnu, kemm niddevertu u kemm nieklu u nixorbu! U għalhekk din is-sena qed jinħass l-isforz li qed isir biex il-festi ma jidhrux inferjuri għal dawk tas-snin l-imgħoddija.
Bosta mill-kummerċjanti ħassew l-għafsa fi bwiet in-nies u bdew jitħassbu kif se jirnexxielhom ibigħu l-istokkijiet li ġabu apposta għal dawn iż-żminijiet. Kien hemm min qata’ qalbu meta ra li l-bejgħ ma kienx qed jirranka bir-ritmu tas-soltu. Min qabad u beda jbigħ bir-roħs mal-ewwel – fejn soltu joqgħod jistenna sa Jannar – u min baqa’ jittama li n-nies iħobbu jħallu għall-aħħar u allura joħorġu jixtru kollox f’daqqa u sal-aħħar ġurnata.
Il-maġġoranza tal-konsumaturi kellhom joqogħdu pass lura għaliex minn ftit żmien qabel l-aħħar baġit u sallum ħlief jisimgħu fuq kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u riċessjoni ma semgħux fuq l-aħbarijiet. Bla ma trid, meta minn fuq ix-xandir tisma’ dawn l-istejjer ripetutament, tibda taħsibha darbtejn jekk il-bonus tal-Milied hux se jservi biex tagħmel kapriċċ.
L-imberkin tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma wkoll ħallew effett għaliex id-dwal dekorattiv mat-twieqi tad-djar u fit-toroq tal-irħula u bliet Maltin, ħlief għal xi toroq maġġuri f’ċerti lokalitajiet, naqsu bi kbir. Donnu mill-ewwel daħlet fl-imħuħ tan-nies li min jaħli l-aktar għandu jħallas l-aktar u min jikkonsma l-inqas għandu jħallas l-inqas.
Tar-ristoranti ma tantx jidhru wiċċhom għad-dawl. Mhux għax mhux se jdawru lira fl-aħħar jiem. Wara kollox jafu li ħafna huma dawk li tgħallmu jgħixu għal-lum “imbagħad għada naraw”. Iżda meta jqabblu r-rispons ta’ din is-sena mas-snin ta’ qabel jiddiżappuntaw irwieħom. L-istess il-lukandiera. Minbarra li jidher li l-influss ta’ turisti għall-istaġun tal-Milied naqas iżda jidher ukoll li naqsu mhux ħażin l-ikliet organizzati mill-postijiet tax-xogħol.
M’għandniex xi ngħidu wkoll li anke l-parties qed isiru b’ċertu tqanżiħ għaliex ħafna żgħażagħ qed jippreferu li għal dan iż-żmien jikru xi flat u jaħsbu huma għall-ikel u x-xorb minn xi supermarket. Kif jgħidu huma, hekk ikunu jistgħu jiddamdmu xorta waħda imma ma jdamdmux il-but għal kollox! U bħal donnu biex ma ninsewx lil dawk sfortunati fis-soċjetà f’dawn il-ġranet qed norganizzaw maratona ta’ ġbir ta’ fondi permezz tal-Istrina.
Wara li nkunu nqsamna bil-maratoni tal-partiti politiċi nkunu rridu nuru li bħala poplu l-firda ma teżistix bejnietna. Tridx tmur! L-Istrina hi attività li minn banda turi l-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin u mill-banda l-oħra turi kemm ħadd ma jagħti xejn ta’ xejn għax il-kilba għall-akkwist tar-rigali hi ferm evidenti. Ironikament, dan huwa l-mod kif sirna niċċelebraw il-Milied li huwa ferm ’il bogħod mis-sinifikat veru ta’ din il-festa.
Il-Milied, anke għal dawk li mhumiex kattoliċi, huwa żmien li fih irridu nfakkru l-ħtieġa tal-paċi mhux biss bħala individwi imma wkoll bħala komunitajiet. Huwa ż-żmien li jgegħilna nippruvaw nifhmu l-ħtieġa tas-solidarjetà u tal-istabbiltà fir-relazzjonijiet tagħna anke fiċ-ċirkostanzi fejn ma naqblux. Huwa l-mument li nagħżlu li nirriflettu dwar il-faqar ta’ madwarna u l-inġustizzji li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm faqar li għax ma narawhx b’għajnejna naħsbu li ma jeżistix.
Mhux il-faqar materjali biss. U mhux il-faqar li flok niekol biċċa laħam qed niekol platt għaġin. Imma l-faqar intellettwali, spiritwali u politiku. Il-gwerer għadhom jeżistu, il-ġuħ ma nqeridx, in-negazzjoni tal-valuri tal-ħajja qed tiżdied waqt li l-injoranza għadha magħna.
Minkejja l-progress kollu li għamilna għadna ma sibniex il-bilanċ biex ma jibqax ikun hawn manipulazzjoni ta’ poter. Mhux biss fuq livell politiku imma anke fil-familji u l-postijiet tax-xogħol. Għalhekk nibqgħu nesperjenzaw l-inġustizzji li jġibu biss disgwid u ġlied. Fl-aħħar jiem tas-sena nippruvaw ngħixu f’dinja ta’ idealiżmu. B’xewqa li nibqgħu ngħaddu minn din l-esperjenza matul is-sena kollha. Iżda dejjem spiċċajna f’xewqa bla temma. Forsi wkoll għax dan l-idealiżmu ta’ dawn l-erbat ijiem qed jissarraf f’aljenazzjoni minn fuq s’isfel! Jalla mhux hekk.

Nawgura l-isbaħ xewqat għall-Milied ta’ veru lill-Editur, l-istaff u l-qarrejja ta’ ILLUM.

 

Intervista
Raħal Ġdid u l-Ewropa tal-Lvant

Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud



Il Punt
Edukazzjoni għas-Seklu 21
Evarist Bartolo



Emmanuel Micallef
Faqar ta’ Milied


Carmelo Mifsud Bonnici

L-Akkademja għandha valur



Wenzu Mintoff
Bozoz ipetptu


Reggie Miller, il-GWU u aktar
Yvonne Micallef Stafrace


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan