Intervista | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112
Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud
Il-kittieb Immanuel Mifsud, li jgħallem ukoll il-Malti fil-Junior College, jibda l-ewwel paġna fis-sit tiegħu bil-frażi: ‘Immanuel Mifsud twieled fl-1967, f’familja tal-ħaddiema mir-Raħal Ġdid.’ Biha donnu ried jagħmilha ċara li hu ma jistħix mnejn ġej u mill-passat tiegħu minkejja li hemm ċerti preġudizzji marbutin mal-belt li trabba fiha.
Hi belt li affettwatlu ħafna żgħożitu tant li d-dedika fil-ktieb Kimika għamilha lil ħbiebu li kien jilgħab magħhom meta kien żgħir u tlieta minnhom mietu bid-droga.
“Meta konna żgħar, ta’ xi 14-il sena, ftit ħafna konna nitilgħu Paceville. Konna nqattgħu ħafna ħin fil-pjazza. Kien post urban u storbjuż. Jien tlajt qalb il-karozzi u l-ħsejjes tal-ajruplani. Għalhekk ftit nitkellem dwar irħula.
“Fis-snin 80 Raħal Ġdid kien żmien interessanti ħafna. Kien fortizza Laburista. Biss biss kellna tliet ministri minn hawn. Minkejja li qed nitkellmu dwar post urban, dejjem fil-kuntest Malti, ħafna nies kienu jafu lil xulxin. Fis-sebgħinijiet kien hawn konċentrazzjoni ta’ ħafna nies jieħdu d-droga. Kien magħruf ħafna għal hekk. Anki l-ground tal-futbol. Kien hawn ċertu element ta’ ħuliganiżmu.
“In-nies tal-età tiegħi kienu l-ewwel jew it-tieni ġenerazzjoni li kienu minn hawn għax il-ġenerazzjoni ta’ qabilna kienet minn Bormla jew mill-Belt. Ma rridx ninstama’ parrokkjali imma aħna konna tas-‘South’. Veru hemm Bormla u l-Birgu imma dawk differenti għax għandhom storja. Huma t-Tlitt Ibliet.”
Mistoqsi jaħsibx għadx hawn differenza bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ Malta, hu wieġeb li għad hemm qasma soċjali u jiddeskrivi l-klassijiet soċjali bħala “realtà kruda”. Jispjega li f’Ħ’Attard stess fejn joqgħod hu hemm qasma soċjali fl-istess raħal minħabba li hemm appartamenti, vilel u vilel akbar.
“Anki meta ninżel Raħal Ġdid inħoss differenza. Naf nies li huma ta’ status soċjali għoli li magħhom ma nħossniex komdu. Iżda lanqas ma’ dawk li trabbejt magħhom għax inbdilt. Dejjem qiegħed fin-No Man’s Land.
“Il-biċċa hi li għandek ċerti nies li daħlu fl-ibliet bħall-Birgu u biċċa mill-Isla. Imma hawn ma jiġux, lanqas il-Ħamrun u wisq anqas il-Marsa. Dawn huma l-postijiet bla storja.”
Nistaqsih dwar il-ħarsa melankolika li jġorr ta’ spiss u x’hemm warajha.
“X’ġara eżatt ma nistax ngħid. L-ewwel nett minn dejjem kont hekk anki minn tfuliti. Fl-iskola meta konna mmorru d-dar għall-ikel wara nofsinhar kien mument ta’ melankolija kbira.
“Il-fatt li kbirt qabel iż-żmien ikkontribwixxa għalhekk. Dejjem kont differenti. Fiċ-ċirku, imma barra u din wasslet għall-melankolija. Fil-familja kont iż-żgħir minn tmienja. Bejni u ta’ qabli hemm 14-il sena. Il-ġenituri setgħu kienu n-nanniet tiegħi. Fil-fatt għandi neputi tliet xhur ikbar minni u konna mmorru l-iskola flimkien. Dik għamlitni nispikka.
“Tlajt f’ambjent tal-kbar minħabba l-ġenituri u ħuti. Għalhekk dejjem fittixt ħbieb kbar.”
Jitkellem dwar is-sensittività żejda tiegħu u mnejn nibtet.
“Dejjem kont sensittiv iżżejjed. Konna naraw tifel diżabbli sħabi kienu jidħqu bih. Jien kont immur f’rokna nikbi għax ma ridtx nuri. L-inkwiet tal-mewt esperjenzajtu qabel. Kelli missieri diżabbli u marid. Allura kont aktar sensittiv għad-diżabbiltà.”
Mifsud, minkejja l-għeruq tiegħu ma weħilx jitkellem biss fuq art twelidu iżda esplora temi globali fosthom il-bidla fil-klima. Ix-xahar li għadda ppubblika Riħ min-Nofsinhar b’inizjattiva ta’ Adrian Grima.
“Hu suġġett li ma ġiex trattat bħala letteratura. Il-biċċa hi li wieħed jipprova jkun relevanti fis-soċjetà li jgħix fiha. Il-klima tkun problema jekk kittieb ma jiktibx dwarha. Jekk hemm il-bdiewa li qed jgħidu li d-Deżert tas-Saħara diġà qed jaffettwahom. Fl-aħħar mill-aħħar se jaffettwa lil kulħadd għax ifisser li l-ħaxix se jogħla.
“Dan ħadd ma jagħti kas x’jgħidu l-kittieba. Dan stat ta’ fatt. Għalhekk il-ktieb fih il-format li fih u mhux poeżiji biss.
“Il-ktieb ingħata ċertu exposure fil-Parlament għax tkellem dwaru Evarist Bartolo. Jien ma nista’ nagħmel xejn dwar l-enerġija. Il-ktieb mhux biss hu indirizzat lill-politiċi iżda anki liż-żgħir li jista’ jagħmel xi ħaġa. Għalkemm isir ħafna diskors dwar l-ambjent xorta mhux qiegħed ’il fuq tal-aġenda.”
Iżda anki fin-novelli tiegħu Mifsud ma jeħilx biss ma’ karattri Maltin. Fl-aħħar ktieb personali tiegħu, stejjer li ma kellhomx jinkitbu li ħareġ f’Novembru wkoll, jittratta fost oħrajn temi ta’ nies li huma barranin jew li jitilqu għal pajjiż barrani. Nimmaġina li l-ħajja ġdida tiegħu kemm ilu ltaqa’ mal-mara barranija tiegħu qed tħalli t-traċċi tagħha fil-pinna.
Iżda dawn in-novelli aktar minn kollox iduru ma’ nies komuni.
“Kien hemm żmien fejn kont qed naħdem fuq nies strambi ħafna jew kellhom problemi psikoloġiċi. Imbagħad ħassejt li kelli nbiddel. Paradossalment huma n-nies komuni l-aktar nies interessanti.
“Li tikteb dwar nies ‘strambi’ għandek storja awtomatikament. Dik hi l-isfida: li taqbad in-nies komuni u jirnexxilek tagħmel storja minnhom. Iżda n-nies jafu jgħixulek ħajja li mhix daqshekk komuni. Forsi dak li hemm interessanti. Xi jsir wara l-bibien magħluqa.”
Kemm hemm realtà fl-istejjer li tikteb?
“Ma nistax ngħid li f’kull storja għandi l-istess persentaġġ. Kull ma jmur il-persentaġġ qed jonqos. Anki għall-fatt li l-ħajja tiegħi m’għadhiex l-istess. Sirt kważi rekluż u niltaqa’ mal-istess nies: l-istudenti tiegħi. Il-persentaġġ ta’ realtà qed jonqos iżda m’għandix dubju li dawn l-istejjer setgħu ġraw. Żgur li kien hemm nisa li telqu mid-dar jew qagħdu jissindikaw wara l-persjana.
“Ċerti stejjer f’dan il-ktieb, aktar milli ħdimt fuq x’ġara, ħdimt fuq il-mod ta’ kif nirrakkonta: it-teknika aktar mill-istejjer.”
F’simposju internazzjonali fl-2005, Mifsud kien iddeskriviena bħala ‘nies kuntenti biżżejjed li nitqiesu bħala pajjiż Ewropew. Iżda fl-istess ħin donnu li aħna mbeżżgħin mill-istess ideal Ewropew li jberren f’moħħna, avolja mhuwiex kunċett ċar. L-Ewropa tibqa’ xi mkien hemm barra: daqshekk qrib imma daqshekk ’il bogħod, daqshekk parti minnha imma daqshekk aljena.’
Tliet snin wara tħoss li din id-deskrizzjoni għadha tgħodd għal Malta?
“Kull meta nkun barra minn Malta f’konferenza jew f’festival issib ħafna nies li ma jafux bil-pajjiż u ssib ċerti nies li jiggustawk għax jiskopru li għandna lingwa għalina. L-iktar pajjiżi li qishom fanstażmi fl-UE huma Malta u Ċipru.
“Fl-Estonja, li daħlet fl-Ewropa fl-istess żmien li dħalna aħna, waqqfu ċentru tal-letteratura u għamlu strutturi kulturali biex il-pajjiżi l-oħrajn isiru jafu aktar bihom.
“Jekk qatt mhu se noħorġu l-letteratura tagħna barra mill-pajjiż din se tibqa’ hawn. Mhemmx sforz orkestrat. Il-fatt li qegħdin fl-UE, din saret xi ħaġa li bilfors trid tagħmel, inkella se nispiċċaw fantażma. Għalhekk hemm bżonn it-traduzzjoni.
“Il-bżonn ta’ ċentru letterarju l-kittieba biss qed jarawh. Trid tieqaf din l-idea tal-pjaċiri u li t-traduzzjoni ssir fuq bażi volontarja.
Iżda billi ssir t-traduzzjoni tal-kotba letterarji Maltin, x’differenza se tagħmlilna u kif tista’ tpoġġina fuq il-mappa?
“Aħna qed nitkellmu dwar unjoni li l-ktieb għandu importanza li aħna lanqas biss noħolmuha. Kelli ktieb, Happy Weekend, li kien se jinqaleb għall-Ukren, pajjiż li mhumiex fl-UE imma li qed joħolmu li jkunu fiha.
“L-Ukrajna, bil-problemi kollha li għad għandha u li xorta donnhom għad għandhom Purtiera tal-Ħadid, għarrfet li bit-traduzzjoni tal-kotba Ewropej niesha jsiru jafu dwar il-pajjiżi l-oħra u nieshom.
“Dawn talbu għajnuna lill-Akkademja tal-Malti u l-Kunsill tal-Kultura u qalulhom ‘le’. Ma rawx il-preġju. Il-ktieb Malti lanqas ma jitpoġġa fil-fieri tal-kotba barranin. Ma nirrealizzawx li ktieb jista’ jpoġġik fuq il-mappa. Dejjem naħsbu fil-Eurovision.”
Għandna bżonn ta’ Moviment Qawmien Letterarju (MQL) ieħor?
“Naħseb li hemm ideat differenti ta’ x’kien il-MQL. Kien hemm l-affarijiet formali bħal kumitati, laqgħat, eċċ. Imma kien hemm ukoll il-lat kreattiv: nies li pproduċew affarijiet li ħadd ma kien qed jipprovdi.
“Għaqdiet formali hawn biżżejjed u xorta mhux qed jagħmlu wisq. Iżda mil-lat kreattiv naħseb li l-letteratura miexja. Hemm kotba tajbin bħalissa.
“Li m’hawnx bħalissa hu numru ta’ kritiċi bħalma kienu Oliver Friggieri u Fr Peter Seracino Inglott li kienu janalizzaw x’jinkiteb.”
Il-kliem jaqa’ fuq il-ħajja personali tiegħu: martu, ibnu u l-Milied. Jirrakkonta kif iltaqa’ ma’ martu u kif affettwatlu ħajtu.
“Iltqajna b’mod stramb ħafna f’konferenza fi Praga. Imbagħad iddeċidejna li niltaqgħu għal rasna. Hi ġejja mill-Ewropa ta’ Lvant bi storja interessanti mmens. Dawn kollha kienu ‘pluses’. Minbarra li rajt li hi mara interessanti ħafna.
“Ma kellix interess li niżżewweġ u lanqas li nfittex mara minn hemm. Bħalma hi ma kinitx tobsor li tiżżewweġ Mediterranju. Għalija interessanti li nesperjenza kultura oħra mill-viċin. L-istess se jkun ixxurtjat it-tifel.”
Żied jgħid li l-fatt li jgħix ma’ barranija ġagħlu jirrealizza l-madwar tiegħu x’inhu.
“Hi l-ħin kollu għassa ta’ x’inhu jiġri. Aħna nieħdu l-affarijiet for granted bħal pereżempju li biex tittaqqab toqba fit-triq għandna nistennew ġimgħa.
“Il-mara ma tistax tifhem għaliex aħna nitkellmu bl-Ingliż u l-ismijiet tad-djar u l-ħwienet huma bl-Ingliż ukoll.
“Anki r-reliġjon. Kelli l-impressjoni li l-Knisja m’għadhiex b’saħħitha. Imma hi ġġagħlni nara l-affarijiet mod ieħor. L-istess bħal Maltin li meta jemigraw jirrealizzaw ċerti affarijiet.”
Jitkellem ukoll dwar bidla oħra kbira. Dik li ġab miegħu ibnu mindu twieled li tmur lil hinn mill-bidla fl-istil tal-ħajja bħal li tqum bil-lejl u li twasslu l-iskola. Permezz t’ibnu l-kittieb beda jaħseb ħafna fir-relazzjoni li kellu ma’ missieru.
“Jien kelli relazzjoni stramba ma’ missieri. Ma konna naqblu f’xejn. Meta kiber ħafna kien jiddependi ħafna minnu. Qishom tbiddlu r-rwoli. Meta twieled it-tifel bdejt naħseb dwar ir-relazzjoni li kelli ma’ missieri meta ibni kien għadu biss tarbija.
“Jibdew jiġuk ħsibijiet ta’ prinċipji. Il-fatt li għandek bniedem li l-futur jiddependi minnek tpoġġik f’rokna. Jgħaddu ħsibijiet bħal: qatt inġagħlu jistħi meta jsir jaf min jien jew irridu jgħaddi mill-istess esperjenzi tiegħi? Ġagħalni naħseb ħafna dwar ħajti.
“Illum il-ġurnata li kiber ftit u diġà għandu personalità naqas ħafna l-inkwiet. L-iżball hu li bniedem jara l-esperjenza tiegħu u jibża’ li se tirrepeti ruħha. Jien kont konxju ħafna mid-differenza fil-klassijiet. Ma nixtieqx li jkun hekk. It-tifel fortunatament għandu żewġ kulturi.”
Kif iħossu fil-Milied?
“Il-Milied meta kont tifel kont inħobbu ħafna. Imma kont inħoss ċerta differenza fih ukoll. Il-ġenituri ma setgħux jixtru ċertu tiżjin bħall-oħrajn bħas-siġra tal-Milied li baqgħet impressjonata f’moħħi. Kellna Bambin u presepju imma antiki ħafna. Issa tidher trivjali u nitbissem.
“Ħa tifsira oħra meta mietet ommi. Kellna l-funeral lejliet il-Milied. Ommi kellha marda twila. Għalkemm konna qed nistennewha tmut ħadd ma stenna li tmut f’dak iż-żmien.
Kienet stramba ħafna li wara l-funeral morna naqsmu l-kejk tal-Milied li kienet disturbing.
“Kien l-ewwel Milied wara sitt snin li kien seren għax il-kbir kien għadda. Li tara bniedem jiddeterjora…”
Issa l-Milied ħa tifsira oħra għalih. Sar ifisser li se jsiefer f’post sabiħ, nadif u kif għandu jkun: il-post li minnu ġejja martu.
“Issa qed inqattgħu fil-pajjiż tal-mara. Il-Milied hemmhekk tal-kartolini bil-borra. Issa qed nesperjenzah ‘veru’ imma ma nkunx ma’ familti. L-ewwel darba li qattajt Milied fis-silġ, meta kelli madwar 35 sena, il-mara ma setgħetx tifhem li kont qed nesperjenza l-Milied ta’ ‘veru’: il-kunċett tal-Milied bis-silġ tort tal-kolonjaliżmu.” |
|
Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud
Editorijal

Il Punt
Evarist Bartolo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Yvonne Micallef Stafrace
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|