MediaToday

Il-Punt - Evarist Bartolo | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112

Edukazzjoni għas-Seklu 21

Il-bidliet li jrid il-gvern fil-mod kif it-tfal jgħaddu mill-primarja għas-sekondarja mhumiex biżżejjed biex indaħħlu l-iskejjel tagħna fis-Seklu 21. Irridu nagħmlu ferm iżjed minn hekk biex l-edukazzjoni fl-iskejjel tagħna tkun esperjenza stimolanti u ta’ kwalità tajba biżżejjed biex tikkultiva l-ħiliet, il-kompetenzi, il-mentalità u l-imġiba li għandhom bżonn it-tfal tagħna li se jkunu jgħixu bħala ċittadini fid-dinja globalizzata, ikkumplikata u mimlija diversitajiet u kontradizzjonijiet tas-Seklu 21.
Biex ikunu ċittadini sħaħ se jkollhom bżonn ikunu kapaċi jużaw ilsna differenti, jifhmu kulturi differenti u kapaċi jgħixu fl-inċertezza u fil-bidliet qawwija tul ħajjithom kollha. Biex ikollhom xogħol li jħallas tajjeb se jkollhom bżonn ħiliet u kompetenzi għoljin, kapaċi jkunu kreattivi u innovattivi u jkunu kapaċi jużaw il-kultura xjentifika u teknoloġika li qed tiżviluppa l-ħin kollu.
L-iskejjel tagħna għadhom organizzati u armati biex jippreparaw lit-tfal tagħna għad-dinja tal-bieraħ li spiċċat u li mhix ġejja lura. L-iskejjel tagħna għadhom kampijiet tat-taħriġ fejn jimxu ’l quddiem dawk biss li jitgħallmu t-teknika ta’ kif jgħaddu mill-eżamijiet li jippremjaw it-tagħlim bl-amment. Waqt li llum ħafna riċerka turina li bħala bnedmin għandna tipi differenti ta’ intelliġenza, l-iskola għadha mhix tirrikonoxxi din id-diversità u tippremja biss lill-intelliġenza akkademika u twarrab l-intelliġenza vokazzjonali ta’ min jitgħallem bil-prattika.
Biex it-tfal tagħna jirnexxu f’dinja globalizzata jridu jmorru aħjar minn tfal ta’ pajjiżi li jikkompetu magħna għall-investiment u għar-riżorsi. Nofs it-tfal fl-iskejjel primarji tal-gvern ma jiksbux il-ħiliet meħtieġa li kellhom iġibu s’issa biex jgħaddu mill-eżami tal-Junior Lyceum.
Dwar it-tibdil fis-sistema tal-istreaming li tagħżel dawk ‘kapaċi’ minn dawk ‘inqas kapaċi’ skont kif imkejla bħalissa, ta’ min jgħid li fl-iskejjel tal-gvern f’Għawdex diġà tneħħa dan l-istreaming mill-klassijiet kollha tal-primarja u ma jeżistix fl-ewwel erba’ klassijiet tal-primarja f’Malta. Jonqos jitneħħa mill-aħħar sentejn tal-primarja f’Malta.
Tajjeb li ssir tħejjija serja għal din il-bidla: taħriġ addattat għall-għalliema, materjal edukattiv ġdid li jinkludi l-kotba u l-kontenut u l-metodu tat-tagħlim flimkien ma’ bidliet fis-sillabu, fil-kurrikulu, fit-tfassil tal-eżamijiet u fil-mod kif jitkejlu l-ħiliet tat-tfal. F’kull klassi u f’kull skola jrid ikun hemm ambjent, riżorsi u tagħlim li jkun addattat u jirrispetta d-diversità tat-tfal.
Hemm bżonn ta’ ħidma id f’id mal-għalliema u li jingħataw ir-riżorsi kollha biex jaħdmu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol biex jirnexxu. Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni magħhom dwar dawn il-bidliet iridu jkunu tassew ta’ konsultazzjoni ġenwina u mhux laqgħat ta’ reklamar għall-bidliet biex jikkonvertu lill-għalliema u jixtruhom.
Dan l-ambjent edukattiv stimolanti u interessanti jitlob ferm iżjed flus u riżorsi minn kemm il-gvern qed jagħti s’issa lill-iskejjel primarji. L-edukaturi f’kull klassi u f’kull skola jridu jiġu appoġġati b’dak li għandhom meħtieġ biex ipattu għall-iżvantaġġi li jiġu bihom it-tfal mis-soċjetà. Kull tifel u tifla jrid ikollhom iċ-ċans jimxu ’l quddiem u jiżviluppaw it-talent kollu tagħhom.
Hemm bżonn tisħiħ tal-edukazzjoni fil-kindergarten u fiċ-ċentri għall-ħarsien għat-tfal u bidliet fl-ewwel erba’ snin tal-primarja fejn diġà mhemmx streaming u fejn diġà għandna nofs it-tfal li qed jaqgħu lura, anki mingħajr streaming u bla eżami tal-Junior Lyceum.
Irridu skejjel għal għada mhux għall-bieraħ. Jekk irridu tfal li jkunu ċittadini attivi fis-soċjetà miftuħa u demokratika u kapaċi jaħdmu fl-ekonomija avanzata tal-ewwel kwart tas-Seklu 21 għandna bżonn li nipprovdulhom esperjenza edukattiva tal-aqwa livell li tistimola l-iżvilupp personali u morali tagħhom, tgħinhom jgħixu u jaħdmu ma’ sħabhom, tħallihom joħorġu t-talenti kreattivi tagħhom, jaħkmu l-ħiliet tal-użu tal-Malti u l-Ingliż, tal-Matematika u tax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Jekk l-ewwel tbiddel l-istrutturi ta’ barra l-iskejjel, jekk l-ewwel tbiddel il-kurrikulu u s-sillabi u ddum ma tbiddel il-kultura tat-tagħlim fl-iskejjel, il-kotba u l-materjal li jintużaw fl-iskejjel, jekk ma jkunx hemm modi diversi ta’ tagħlim fil-klassijiet biex jintlaħqu t-tfal li jitgħallmu b’mod differenti, jekk ma jkunx hemm appoġġ konsistenti għat-tfal u l-iskejjel li jaqgħu lura… jinbidel ftit li xejn.
U fuq kollox biex il-bidliet iseħħu trid is-sehem sħiħ u ħaj tal-edukaturi u l-ġenituri u trid pjan tajjeb ta’ ħidma u n-nies u l-flus meħtieġa biex twettaq il-bidliet. Jekk l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti mhux se jieħdu sehem sħiħ fil-bidliet se jinħolqu problemi ġodda għall-iskejjel tal-gvern.

Evarist Bartolo hu Kelliem għall-Edukazzjoni, PL

 

Intervista
Raħal Ġdid u l-Ewropa tal-Lvant

Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud



Il Punt
Edukazzjoni għas-Seklu 21
Evarist Bartolo



Emmanuel Micallef
Faqar ta’ Milied


Carmelo Mifsud Bonnici

L-Akkademja għandha valur



Wenzu Mintoff
Bozoz ipetptu


Reggie Miller, il-GWU u aktar
Yvonne Micallef Stafrace


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan